Ma tantx għandi żmien noqgħod naqra’ l-ħmerijiet kollha li jikteb Martin Scicluna. Iżda jidher li qed tifforma stampa ċara tas-sitwazzjoni bis-saħħa ta’ ċerti ċirkostanzi bħalma huma l-artiklu tiegħu tal-lum, ir-ritorn bla mistenni ta’ Steve Mallia nhar il-Ħadd u xi truf oħra ‘l hemm u ‘l hawn li jindikaw il-bidu ta’ bidla fl-istrateġija.

Kif ngħid ta’ sikwit, Daphne Caruana Galizia kellha l-ħila li ġġiegħel lis-soċjetà tħares ħarsa lejn il-mera u kienet tipponta lejn il-kruhat li ħadd ma ried jirrikonoxxi. U donnu li l-kriminali hemm fit-tmun tal-pajjiż intebħu li jkunu jistgħu jagħmlu l-kompromessi mal-kuxjenza jekk ma’ wiċċ l-ewwel mera jippuntaw mera oħra biex b’hekk il-kruha tibda’ tirrifletti fuq l-għedewwa tagħhom.

Allura issa dawk li ma tista’ qatt tirraġuna magħhom, il-lagħqa, s-segwaċi ta’ One TV, it-trolls, dawk li jagħlqu għajnejhom għall-provi dwar il-korruzzjoni u l-ħbieb ta’ dawk l-assasssini li qerdu l-ħajja ta’ ġurnalista – dawn ilkoll għandhom raġun. U jekk turi li ma taqbilx magħhom, igħidulek li int wieħed minn dawk li temmen li d-dinja magħmula ċatta.

Dawn il-qatta’ kriminali u kompliċi f’delitt issa qed jippretendu li jilbsu l-libsa tar-raġuni u tad-diskors meqjus. Filwaqt li dawk kollha li huma bir-raġun irrabjati għall-aħħar minħabba l-impunità li jgawdu dawn il-kriminali u kompliċi u minħabba t-tustaġni nkredibbli li għandhom, l-istess irrabjati issa saru mġienen li huma lsiera tal-emozzjoni li jsabbtu saqajhom bħat-tfal.

Illum Martin Scicluna dawwar il-kanuni tiegħu fuq il-mira favorita tal-ħallelin: Simon Busuttil. Dan kiteb li “Busuttil qed jiċħad il-verdett tal-maġistrat (dwar Egrant)”. X’verdett hu, Sur Scicluna? Jaqaw kien sar xi ġuri li ma konniex nafu biħ? Instemgħu xi provi quddiem qorti u saru kontro-eżamijiet ta’ xhieda? Jaqaw Joseph Muscat ġie mgħoddi ġuri u ġie liberat fuq il-provi li nġiebu? Il-verità hi li ma seħħ xejn minn dan kollu. U ma ħareġ ebda verdett għaliex ma seħħ ebda proċess ġudizzjarju. Il-fatt li maġistrat mexxa nkjesta ma jfissirx li seħħ xi proċess ġudizzjarju jew investigattiv.

Dan kollu jkebbes fina ċerta rabja – m’għandniex xi ngħidu, ħadd m’huwa jwaħħal fil-maġistrat. Wara li konna qrajna blogpost ta’ Daphne Caruana Galizia dwar il-post fejn tinsab l-evidenza, fuq it-televiżjoni segwejna lill-kummissarju tal-pulizija jistqarr li ma kien sab ebda raġuni għalxiex kellu jinvestiga.

Segwejna wkoll lil sid il-bank – ħalliel mixli b’reat – ħiereġ mill-bank mgħobbi b’bagalji mimlijin evidenza. Segwejna x-xena ta’ ajruplan jitlaq minn Malta mingħajr passiġġieri fi triqtu lejn l-Ażerbajġan, il-pajjiż minn fejn oriġina l-allegat tixħim, biex imbagħad insiru nafu li sid l-ajruplan ikunu ħallsuh miljun ewro bil-għan li jiżguraw li jsodd ħalqu u ma jitkellimx.

L-għada filgħodu rajna lill-pulizja jwettqu tfittxija fil-bank u, wara aktar minn sena ta’ stennija, smajna dak li f’dak il-lejl konna diġà ntbaħna biħ: li ma kienet se tinstab ebda prova.

Martin Scicluna kiteb li l-konklużjonijiet ta’ Aaron Bugeja huma “msejsa fuq provi konkreti u raġunijiet bażati fuw ġabra ta’ informazzjoni fattwali u loġika”. Dan kollu jista’ jkun minnu. Iżda jkolli nistaqsi: Martin Scicluna dan kollu kif jafu? Jaqaw qed jibbaża l-konklużjonijiet tiegħu fuq xi fiduċja għamja? Dan qed ngħidu għaliex sal-lum għadna ma rajna ebda prova konkreta. Qalulna biss li ma nstabu ebda provi li Joseph Muscat kien ġie mxaħħam mill-Ażerbajġan.

Martin Scicluna jikteb dwar “ix-xiljiet ta’ frodi, falsifikazzjoni, sperġur u ġuramenti foloz li kellu quddiemu l-Maġistrat Bugeja”. Liema xiljiet? Il-Maġistrat fejn rahom ix-xiljiet? Min huma l-mixlija? X’suppost iffalsifikaw?

Tajjeb ħafna. Mela Martin Scicluna stess dam aktar minn sena biex jibda’ jitkellem dwar falsifikazzjoni. Forsi Scicluna r-rapport tal-inkjesta qrah wara li ġie f’idejh bil-moħbi u allura jaf aktar minn ħaddieħor dan x’fih. Iżda Joseph Muscat kien jaf dwar l-allegati falsifikazzjonijiet fi żmien 24 siegħa minn meta xxandret l-istorja dwar Egrant minn Daphne Caruana Galizia. Agħtu ħarsa lejn dan ir-rapport dwar dibattitu televiżiv li seħħ fil-21 ta’ April 2017 imxandar fit-Times of Malta.

Aaron Bugeja kien għadu ma bediex irodd is-salib. Iżda Joseph Muscat kien diġà qed jitħaddet dwar dokumenti “falsifikati”. Dak iż-żmien, kif kien diġà jaf dwar dan? Tgħid għandna nagħmluhielu din il-mistoqsija lil Martin Scicluna? Aħna mġienen għax bir-raġun ninsabu rrabjati bil-konfoffa li saret biex iseħħ dak li bassar Joseph Muscat hu u jipproġetta mad-dinja immaġni li Malta tinsab immexxija minn ċorma ħallelin? Kif tista’ d-dinja tarana mod ieħor meta jseħħu dawn il-ħniżrijiet?

Lis-Sur Scicluna infakkru li min fl-antik kien imexxi l-Inkwiżizzjoni Mqaddsa kien ukoll jagħmel użu minn terminoloġiji legali u kien jilbes il-libsa tal-awtorità raġunata. Lil dawk li kienu jiġbdulhom l-attenzjoni għall-fatt li minn titwila waħda b’lenti ta’ tromba wieħed jista’ jikkonkludi li d-dinja m’hix pjaneta ċatta, kienu jgħajjruhom isteriċi u eretiċi u kienu jaħarquhom ħajjin jekk ma jindmux.

U meta naraw dak li diġà nafu dwar Egrant u nindunaw ukoll b’dak li qed jippruvaw jaħbulna – forsi mhux moħbija minn għajnejn Martin Scicluna – ħadd m’għandu jlumna jekk bħal Galileo nistqarru eppur si muove.