Owen Bonnici għadu kemm tana rendikont fil-Parlament dwar il-famuż Restawr tal-mafkar tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta.

Qalilna li nefaq €1,600 ta’ tliet ġimgħat fuq “tindif tal-bażi, tneħħija tat-tebgħat tax-xema’ u taż-żejt, mili ta’ fili u tiswija”. Jekk nassumu li l-materjal ġie akkwistat b’xejn – u milli jidher materjal ma tantx kien hemm – fuq perijodu ta’ tliet ġimgħat ħaddiem wieħed kien ikun ħadem bir-rata ta’ €13 fis-siegħa, inkluż VAT bit-18%, assikurazzjoni u spejjeż oħra amministrattivi. Nassumu wkoll li qliegħ ma kienx hemm.

Immaġinaw ftit. Tliet ġimgħat sħaħ joborxu bażi tat-travertin biex ineħħu tebgħat tax-xema’! Lil Owen Bonnici jidher li serquh waħda nobis speċjalment meta wieħed jiftakar li x-xita li għamlet ħaslet u naddfet il-mafkar kollu b’xejn.

Il-mafkar ilhom li għattewh mit-8 ta’ Settembru – festa pubblika – li din is-sena ħabtet is-Sibt.

Peress li l-mafkar għattewh b’għaġġla kbira fi tmiem il-ġimgħa, wieħed għandu jassumi li x-xogħlijiet kellhom jibdew dakinhar stess u jkomplu kuljum, li jfisser li x-xogħol kien messu tlesta sad-29 ta’ Settembru. Sal-lum 23 ta’ Ottubru, l-mafkar tal-Assedju l-Kbir għadu mgħotti. Tgħid għala?

Nafu preċiż għala.

Qalulna li hemm “fażi numru 2” tar-Restawr tal-mafkar tal-Assedju l-Kbir u li din f’din il-fażi se jagħmlu “titjib fid-dwal u fil-paviment ta’ madwar il-mafkar”. Dan ma jistax ħlief ifisser li għal żmien twil Joe Brincat se jkollu joqgħod mingħajr ma jgawdi l-mafkar tant maħbub tiegħu. Nista’ nimmaġinah kemm se jkun imnikket għax se jċaħħduh mill-ħtieġa li jħossu għajnejh li jibqgħu jaraw il-mafkar mingħajr xkiel. In-niket li ħass tant kien kbir lill-Qorti Kostituzzjonali ried jiġbdilha l-attenzjoni u talabha biex ma tħalli lil ħadd iqiegħed imqar werqa hemmhekk.

Owen Bonnici qed taqta’ mnieħrek biex tinki ‘l wiċċek. Biex twaqqaf il-protesti għall-Verità u għall-Ġustizzja tkun trid tgħatti l-bini tal-qorti kollu kemm hu. Tagħmel x’tagħmel u tivvinta x’tivvinta, l-fjuri u x-xemgħat se jibqgħu jitqiegħdu.

U malli tlesti x-xogħol fuq il-paviment u fuq id-dwal f’misraħ l-Assedju l-Kbir u anki jekk tasal biex tivvinta xogħlijiet oħra, xi darba se jkollok tneħħi l-għata kollha. U f’radda ta’ salib mal-mafkar se terġa’ tara l-fjuri, x-xemgħat u l-messaġġi ta’ protesta.

Aħna għandna ż-żmien kollu li neħtieġu. Int dan iż-żmien m’għandekx.