Numru ta’ NGOs li jinsabu fuq żjara f’Malta bil-għan li jifhmu aħjar is-sitwazzjoni tal-libertà tal-kelma fil-pajjiż waslu għall-konklużjoni li s-sitwazzjoni f’Malta m’hi feliċi xejn. Wieħed għandu għaliex jaħseb li l-fatt li ġurnalista ġiet assassinata hija indikazzjoni ta’ dan. Iżda l-fatt li għall-gvern qiesu ma ġara’ xejn ta’ barra minn hawn hija indikazzjoni akbar

Lill-NGOs irriżultalhom li f’Malta l-ġurnalisti jiċċensuraw lilhom infushom u joqgħodu lura milli jkomplu jibnu każ fuq truf li jista’ jkollhom f’idejhom minħabba l-biża’ ta’ xi reazzjoni. Reazzjoni li mhux neċessarjament tkun xi bomba. Ironikment, minħabba t-terremot li ġab miegħu l-assassinju riċenti ta’ ġurnalista permezz ta’ bomba, issa ċ-ċansijiet li jseħħ qtil ieħor simili huma ħafna inqas.

Madankollu l-NGOs rriżultalhom li meta ġurnalisti jirfsu fuq il-kallijet tal-gvern, dawn jiġu mpinġija bħala tradituri, bħala sħaħar jew bħala persuni nkompetenti u, meta mbagħad tkompli tiżdied id-doża permezz ta’ tgħajjir minn trolls jew permezz ta’ tgħajjir fit-toroq, il-ġurnalisti – bla ma jridu – jispiċċaw jikkundizzjonaw ruħħom u jibqgħu lura milli jkomplu jikxfu l-istejjer minħabba l-biża’ li jistgħu jsibu ruħħom f’din is-sitwazzjoni.

Araw ftit kif kelmtejn li lissen John Sweeney waqt li kien Malta ġew “imbagħbsa” mill-gvern. Huwa rrakkonta storja ta’ meta kien ingħata daqqiet fuq sidru f’Londra minn aġenti tas-sigurtà ta’ Joseph Muscat hekk kif li dan tal-aħħar staqsieh mistoqsija dwar Chris Cardona u dwar kif fis-Siberja kien ġie trattat ħafna aħjar mill-aġenti tas-sigurtà ta’ Vladimir Putin meta kien ipprova jagħmel xi mistoqsijiet lill-President Russu.

Dakinhar lil John Sweeney il-gvern għajjru nkompetenti: ‘bħas-soltu, ma ċċekkjax il-fatti’ qal il-gvern. Iżda l-gvern x’ippretenda li kellu jiċċekkja? Hemmx xi fehma oħra dwar jekk id-daqqa li qala’ fuq sidru weġġgħetux jew le?

Le, jiġbdilna l-attenzjoni l-uffiċċju tal-prim ministru ta’ Malta: l-aġenti tas-sigurtà li tawh id-daqqiet fuq sidru ma kinux Maltin iżda Ingliżi. Imma, ngħid jien, dan kollu x’għandu x’jaqsam? Biex jipprova jżomm sembjanza ta’ kredibilità, il-gvern seta’ qal: ‘ma nafux kif seta’ ġara’ dan kollu; l-aġenti tas-sigurtà mhux aħna għażilnihom; se nagħmlu ilment ma’ min ipprovda lil dawn l-aġenti biex nassiguraw li inċident bħal dan ma jirrepetix ruħu’. M’għandniex xi ngħidu, il-gvern ikun irid ukoll jispjega r-raġuni għaliex il-prim iminstru ta’ Malta baqa’ jinjora l-mistoqsija: ‘Int għadek tappoġġja lil Chris Cardona?’ hekk kif saritlu din il-mistoqsija.

Xogħol Joseph Muscat hawn hu li jipprova jżomm lil John Sweeney milli jwettaq xogħolu ta’ ġurnalista kif suppost. U għaliex Sweeney jagħżel li jagħmillu mistoqsijiet skomdi, dan jiġi mgħajjar inkompetenti. Issa erħilha li John Sweeney tul il-karriera tiegħu kellu jħabbatha mar-reġimi tal-Korea ta’ Fuq u tar-Russja u ma’ taċ-Church of Scientology, biex insemmi xi ftit eżempji biss.

Qed insemmi dan l-inċident ma’ John Sweeney għaliex dan kien wieħed eċċezzjonali. Il-gvern ma setax igħid li John Sweeney huwa mmexxi minn imnieħru minn Simon Busuttil, li għandu ambizzjonijiet jew motivazzjonijiet politiċi jew li hu nazzjonalist. U allura jeħtieġ li jiġi mpinġi b’mod ieħor biex it-telespettaturi tal-One TV jkollhom ma xiex jiggranfaw. U ġaladarba dawn it-telespettaturi jaslu biex jaqilbu fuq in-Net TV biss biex forsi jsegwu xi telekummiedja, tistgħu timmaġinaw x’inhuma ċ-ċansijiet li dawn xi darba f’ħajjithom segwew il-films li pproduċa John Sweeney jew xi darba qraw il-kotba ċelebri li kiteb.

Allura jxandru ritratt tiegħi miegħu u dan għalihom huwa biżżejjed biex idawru l-kanuni għal fuqu. Kull skuża tgħodd. Ara ma tmorrux taħsbu li ġurnalista li kien daħal fil-Korea ta’ Fuq u nkiss inkiss ġibed filmat ta’ dak kollu li dan il-pajjiż jipprova jaħbi mill-bqija tad-dinja, se joqgħod jiċċensura lilu nnifsu dan kollu għaliex l-istazzjon ta’ televiżiv ta’ Joseph Muscat qed ilesti għal attakk fuqu permezz tal-Facebook.

Iżda kif irriżulta lill-NGO’s internazzjonali dwar il-libertà tal-istampa, f’Malta l-ġurnalisti jiċċensuraw lilhom infushom. Dak li qegħdin iħarsu m’humiex “id-drittijiet tal-ġurnalisti”. Jekk ikunu jridu, il-ġurnalisti jistgħu jieqfu jaħdmu għat-Times of Malta jew jiktbu l-blogposts fuq xi website li jħallsu għalih minn buthom u jimpjegaw ruħħom band’oħra. Jew inkella jistgħu jagħmlu tabirruħħom li huma ġurnalisti u jxandru biss dawk l-istejjer li jdoqqu għal widnejn il-mafjużi tan-negozju u tal-politika.

B’dan int biss tkun qed titlef: waqt li jiċħdulek l-informazzjoni li għandek dritt għaliha, huma jibqgħu dejjem minn fuq.

Araw kif ir-Rai Uno (TG1) llum irrapporta l-istqarrija tal-NGO’s  u aslu għal konklużjoni intom dwar min huma dawk li qed igħarrqu d-dehra ta’ Malta f’għajnejn id-dinja.