Hekk stqarret Gyde Jensen, il-kelliema dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-Partit Liberali Ġernamiż – FDP – u president tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem:

“Il-qtil tal-ġurnalista Maltija Galizia hi tebgħa sewda fuq l-istorja tal-Ewropa. Diffiċli wieħed jemmen li l-mandanti tad-delitt għadhom jiġġerrew barra. Hemm bżonn li jinstab tarf tal-assassinju u biex iseħħ dan, jeħtieġ li l-investigazzjoni tinbeda’ mill-ġdid u tkun immexxija minn investigaturi indipendenti Ewropej. Mhix aċċettabbli r-reżistenza li qed jagħmel għal dan il-gvern Malti. Il-Gvern Federali u l-Unjoni Ewropea ma jistgħux ikomplu jħallu l-valuri bażiċi jibqgħu jiġu njorati. Il-qtil riċenti ta’ diversi ġurnalisti hi prova li twaħħax li, anki fl-Ewropa, l-libertà tal-istampa mhix fuq sisien sodi. “

Dan huwa żvilupp li huwa ħafna aktar sinjifikanti milli jidher ma’ l-ewwel daqqa t’għajn. Il-Partit Liberali għandu 11% tas-siġġijiet fil-Parliament Ġermaniż iżda l-istqarrija li għamel turi li madwar l-Ewropa qed tinfirex il-fehma li l-gvern ta’ Malta għandu l-faħam miblul u li l-komportament tiegħu mhuwiex aċċettabbli f’soċjetà Ewropea.

Bl-elezzjonijiet Ewropej fuq ix-xefaq, is-soċjalisti Ewropej – u partikolarment is-soċjalisti Ġermaniżi – ma jistgħux jinjoraw din il-fehma ġenerali u ser ikollhom jibdew iħarsu lejn ir-relazzjoni tagħhom mal-Partit Laburista ta’ Joseph Muscat minn lenti ġdida.

Il-partiti politiċi Ewropej jidher li fehmu li Joseph Muscat qed ifittex li jingħata assoluzzjoni għall-ħażin kollu li wettaq permezz ta’ xi ħatra fl-Unjoni Ewropea. Jeħtieġ li Joseph Muscat ma jitħalliex jakkwista xi ħatra prominenti fl-Unjoni Ewropea wara Mejju 2019 mhux biss biex ma jiġix ippremjat iżda wkoll biex jiġi evitat li l-Ewropa jkollha terfa’ s-salib tiegħu minħabba għemilu u minħabba dak li għad irid jinkixef dwar dan l-għemil.

Is-soċjetà ċivili ta’ Malta għandha responsabbiltà li tinsisti mhux biss li ssir ġustizzja f’Malta iżda li tassigura wkoll li l-bqija tal-Ewropa ma tiddakkarx mill-korruzzjoni li tħalliet tinfirex f’pajjiżna.  Hu dmir tagħna li nagħmlu li nistgħu biex nassiguraw li Joseph Muscat jibqa’ hawn Malta biex jiffaċċja l-konsegwenzi politiċi talli ta l-kenn u l-protezzjoni tiegħu lil Keith Schembri, lil Konrad Mizzi u lil Chris Cardona.

M’għandna ebda “dejn” mal-Ewropa. Iżda għandna d-“dejn” mal-kuxjenza tagħna. Lil Joseph Muscat ma sirniex nafuh il-bieraħ: ikun ta’ periklu għall-Ewropa kollha li kieku kellu jingħata xi ħatra fl-Unjoni Ewropea.

Bħala pajjiż diġà għamilna żball darba. Meta John Dalli nħatar bħala Kummissarju Ewropew, aħna l-Maltin konna diġà nafu x’isarraf ħafna aktar mill-Ewropej. Huwa minnu li dak iż-żmien ma konniex nafu dettalji daqs kenn sirna nafu llum u m’hemmx dubju li hemm ħafna aktar stejjer x’wieħed isir jaf. Iżda l-punt hu li konna nafu x’isarraf John Dalli u ma missna qatt ħtarnieh fl-Ewropa biex inkunu nistgħu neħilsu minnu. B’dan l-iżball, il-pajjiż ħasad dak li kien żera’.

Jeħtieġ li lil Joseph Muscat niqfulu. U jista’ jserraħ rasu li s-soċjetà ċivili Ewropea kif ukoll ġurnalisti minn madwar id-dinja li issa ntebħu bil-qerq tiegħu, se jagħmlu minn kollox biex jassiguraw li l-għatba ta’ xi ħatra fl-Unjoni Ewropea jibqa’ ma jirfishiex.