Chris Cardona għadu qatt ma xehed quddiem il-qorti biex igiddeb lil Daphne Caruana Galizia wara din kienet kitbet li hu kien ħa sehem f’orġja sesswali ma’ prostituta mħallsa waqt li kien imsiefer fuq xogħol tal-gvern. Għal min ma jafx, meta tippreżenta kawża ta’ libell fil-qorti jkollok tikkonferma bil-ġurament li dak li qed issostni huwa minnu.

Mhux għax qatt kien hemm xi nitfa dubju, anki l-partitarji l-aktar ħorox ta’ Chris Cardona jafu ben tajjeb x’isarraf il-benjamin tagħhom.

Għalkemm hemm ħafna x’wieħed jista’ jgħid kontra l-ħlas ta’ prostituti għas-sess u hemm aktar x’wieħed jista’ jgħid kontra li jsir dan kollu waqt li tkun fuq ix-xogħol tal-gvern imħallas mill-kaxxa ta’ Malta, din il-kwistjoni fil-fatt m’għandha xejn x’taqsam mal-prostituti u mas-sess li wieħed jista’ jkollu magħhom.

Il-kwistjoni mhix ħlief dwar l-intimidazzjoni tal-istampa ħielsa, dwar l-użu tal-proċeduri tal-qorti bħala għodda biex jissikket il-ġurnaliżmu indipendenti u l-abbuż tal-poter minn ministru bil-għan li jostor il-gideb tiegħu.

Kieku ried, Chris Cardona seta’ wera’ li ma kienx lest li jieħu l-akkużi ta’ Daphne bis-serjetà u fl-istess waqt kien jittama li Joseph Muscat ma jkeċċieħx u li l-elettorat ma jikkastigaħx. U kellu għalxiex jaħseb li dan kollu seta’ jseħħ. Il-prim ministru tiegħu kien qal li l-gvern tiegħu kien ser ikun wieħed mill-aktar femminista iżda niftakru wkoll li gideb fuq affarijiet oħra wkoll. Sabiex jibqa’ f’postu, Chris Cardona bla dubju kien jasal biex jirrikatta lill-prim ministru b’dak kollu li hu personalment jaf dwaru u dwar sħabu.

U peress li l-votanti u l-partitarji ta’ Chris Cardona, minkejja l-vizzji li għandu tax-xorb u tan-nisa, xorta waħda għoġobhom jivvutawlu, x’aktarx li ma kinux se jiħduha bi kbira li kieku dan ammetta baxx baxx li ħa ftit pjaċir ma’ prostituta f’burdell.

Minflok ħa dan ir-riskju, għadda lil Daphne Caruana Galizia u lill-familja tagħha minn infern sħiħ sakemm ġiet assassinata u dan biex jipprova jħares reputazzjoni tajba li fil-fatt qatt ma kellu.

Huwa ċar daqs il-kristall li ma kienx possibbli għalih li jiffaċċja l-konsegwenzi ta’ dak kollu li kien għamel biex jipprova jgħatti xturu. Il-kawżi li kien fihom l-evidenza kollha li setgħet tipprova li hu kien gideb tħallew jiskadu jew inkella ġew ċeduti. Hemm xi ftit tal-konfużjoni dwar il-kawża ta’ libell li għamel kontra Netnews iżda x’aktarx jidher li din ġiet ċeduta wkoll.

Madankollu Lawrence Cutajar issa għandu f’idejh suspett raġjonevoli li Chris Cardona kien ħa ġurament falz meta ddikjara li Daphne Caruana Galizia kienet illibellatu u għandu f’idejh l-għodda kollha meħtieġa biex jivverifika dan is-suspett.

Jekk l-evidenza li hemm fl-invilopp issiġġillat għadha “ma ntilfitx”, jeżistu provi li bis-saħħa tagħhom il-Pulizija tista’ tħarrek fuq akkuża ta’ teħid ta’ ġurament falz: reat kriminali li, jekk verament teżisti l-ġustizzja f’dan il-pajjiż, għalih Chris Cardona għandu jiġi mġiegħel jwieġeb.

Tgħid għandna nibdew billi nduru erba’ ristoranti fl-Imġarr ?