Aqraw dan il-bran (Brussels Playbook) meħud mir-rivista Politico ta’ dalgħodu. Tistgħu taqraw l-artiklu kollu fil-link għat test oriġinali.

INĊIDENT DIPLOMATIKU: Il-Ministru tal-Finanzi ta’ Malta Edward Scicluna ħa ħasda  kbira hekk kif beda’ jaqra l-ġurnali ta’ nhar l-Erbgħa u qara’ wkoll din l-istorja fuq il-FT. Il-Kummissarju tal-Ġustizzja Vĕra Jourová ddikjarat li qiegħda tħejji ordni mandatarja lill-awtoritajiet Maltin dwar il-mod kif għandhom isibu tarf tal-ħasil ta’ flejjes maħmuġin fil-pajjiż. Jourová qalet li kien bi ħsiebha xxandar “opinjoni formali” – jiġifieri għodda li tintuża f’okkażjonijiet rari ħafna – dwar dak kollu li għandha tagħmel l-entità Maltija dwar l-imġieba korretta fil-qasam finanzjarju (ir-regolatur finanzjarju li għandu jkollu kull pajjiż membru fl-UE) biex issib tarf tal-problemi u n-nuqqasijiet li nkixfu bis-saħħa ta’ rapport imxandar f’Lulju mill-European Banking Authority.

Mingħajr pre-avviż: Fuq it-telefon tard nhar l-Erbgħa, Scicluna qal lil Playbook li fil-laqgħa li kellu nhar it-Tnejn li għadda Jourová ma kienet qaltlu xejn dwar il-ħruġ appik ta’ din l-ordni. “Waqt din il-laqgħa kont nistenna li kellha ttarrafli xi ħaġa dwar ordni importanti bħal din,” qal Scicluna, “iżda sirt naf biha biss mill-ġurnali.” Scicluna qal li hu bniedem “trasparenti ħafna” u li għal-laqgħa ma’ Jourova kien ġab miegħu partita dokumenti, “saħansitra anki informazzjoni kunfidenzjali”. Il-laqgħa huwa sejjħilha bħala waħda “pjaċevoli ħafna”, iżda Scicluna kompla jgħid li “hi qatt ma tatni x’nifhem li kien bi ħsiebha tieħu azzjoni kontra Malta”.

Mgħoddi mill-għarbiel għal tliet darbiet: Uffiċjal tal-UE li kien ġie mgħarraf dwar l-andament tal-laqgħa ta’ nhar it-Tnejn filgħodu qal li l-Maltin, minkejja d-dokumenti kollha li ġabu magħhom u l-ispjegazzjonijiet li taw, baqgħu ma ntebħux bis-sinjali li tat Jourová li kien bi ħsiebha tieħu azzjoni. Scicluna qal li kien staqsa lill-uffiċjali tiegħu biex jgħidulu dwar jekk jaħsbux li l-analiżi li huwa għamel tal-laqgħa tħassritx minħabba l-fatt li dan kien l-ewwel appuntament li kellu f’dik il-ġimgħa. U t-tweġiba tagħhom kienet “Le”. Scicluna kompla jgħid li l-entità Maltija dwar l-imġieba korretta fil-qasam finanzjarju “għadha qed tistenna risposta” fil-livell tekniku dwar it-tweġiba li għandha tingħata għar-rapport tal-EBA ta’ Lulju”.

‘Il-Kummissjoni Ewropea lill-Ministru Malti u lin-nies tiegħu qaltilhom li kienet se tieħu r-riedni f’idejha. Għaxxaqtuha u m’għandniex fiduċja li intom għandkom il-ħila li ssibu tarf. Ma kkonvinċejtuna xejn li għandkom ir-rieda – u anki l-ħila –  li f’pajjiżkom twaqqfu l-ħasil ta’ flus maħmuġin. Qegħdin tagħmlu ħsara kbira lill-Ewropa kollha u mhux ta’ min jafdakom. Issa aqbżulna minn nofs”.

Dan huwa sunt ta’ dak li qalet Vera Jourova lil Edward Scicluna nhar it-Tnejn filgħodu qabel tkellmet dwar dan mal-Financial Times. Għaliex dan hu dak li stqarret mal-Financial Times.

U Edward Scicluna jgħid li hu u n-nies tiegħu ma  kienu ntebħu b’xejn. Dawn ħasbu li lil Vera Jourova kienu se jimpressjonawha bid-dokumenti li ħadu magħhom u bl-istatistika. Ġara’, iżda, li hi kellha l-fatti kollha f’idejha. Kemm setgħet kienet sottili fi kliemha?

Profs, din hi d-diplomazija: meta jitbissmulek u jiħdulek b’idejk ma jfissirx li jagħmlu dan għax ikollhom xi grazzja speċjali miegħek.

Sur Ministru Edward Scicluna — in-noddy l-ieħor ta’ dan il-gvern kompost minn kriminali korrotti u xhieda mhux f’sensihom – anki jekk nhar it-Tnejn li għadda ma kontx moħħok hemm u mort għal laqgħa wara li xrobt it-tielet belgħa kafè, ftakar li d-dinja ilha tiġbidlek l-attenzjoni minn kemm ilhom li nkixfu l-Panama Papers.

F’Malta hawn għexieren ta’ persuni — forsi l-biċċa l-kbira — li għandhom il-ħabta li jinjoraw dak li jkun qed jiġri quddiem wiċċhom. Iżda meta tipprova tagħmel dan mal-bqija tad-dinja, ma tkun qed tagħmel xejn ħlief iddaħħak il-bqija tad-dinja bik. 

Fil-fatt kien hemm min qalli li wara li dalgħodu qraw l-artiklu fil-Politico, tgħidx kemm għoxew bid-daħk fil-kuriduri ta’ Brussel.