Joe Gerada, l-persuna l-oħra li ħa sehem f’orġja sesswali f’burdell Ġermaniż flimkien ma’ Chris Cardona u ma’ prostituta mħallsa, ċeda ż-żewġ libelli li kien għamel kontra Daphne Caruana Galizia meta din kienet għamlet l-allegazzjonijiet tagħha dwar din l-istorja.

Bis-saħħa ta’ din il-manuvra tant mistennija tal-ħabib u konsulent imħallas ta’ Chris Cardona (biex inkun ċar, imħallas minnek, mhux minn Chris Cardona), il-mobile phone location records li kienu ġew issiġillati u li setgħu jikkonfermaw dak li kienet kitbet Daphne Caruana Galizia, x’aktarx se jinqerdu.

Il-kawża ta’ libell li kienet saret kontra Netnews għadha hemm, iżda ma tkunx ħaġa kbira li din iċeduha wkoll.

Tiftakru dan l-aħħar it-trolls tas-soltu kemm għajjruni li jien chicken meta talba li għamilt fil-qorti għal ħruġ ta’ mandat kontra Owen Bonnici issostitwejtha ma’ kawża kostituzzjonali? Dan it-tgħajjir sar għax Owen Bonnici gideb u qal li jien ċedejt il-kawża. M’għandniex xi ngħidu, jien m’għamilt xejn minn kollu. Iżda riedu jbellgħuha li jien ċedejt u li allura Owen Bonnici bilfors għandu raġun. 

Forsi issa jkun jeħtieġ idawwru l-attenzjoni tagħhom fuq Chris Cardona.

Wara lejl ta’ tbaħrid, il-Ministru ntebaħ li Daphne Caruana Galizia kienet diġà kitbet dwar l-avventura tiegħu matul il-lejl ta’ qabel. U l-għada pponta il-kanuni kollha kontriha. 

Kien konvint li seta’ jgħaddiha lixxa permezz tal-gideb. Għax, wara kollox, kull xhud kien ikollu jammetti li kien f’burdell u, ġaladarba kien liebes dak iż-żarbun (forsi hemmhekk ituk papoċċ pariġġ il-ġagaga bajda li kien libes Mario Frendo ftit jiem wara), ħaseb li ebda persuna li hi f’sensiha ma kienet se toqgħod tmur il-qorti biex tikkonferma li ħallset il-flus għas-sess.

Għax, ngħiduha kif inhi, kien ikollhom imorru l-qorti biex jikkonfermaw li kienu rawh fil-burdell. 

Tant kien konvint minnu nnifsu li ma kienx biżżejjed għalih li jħarrek lil Daphne Caruana Galizia b’libell. Aħsbu ftit: x’jagħmel raġel li jsawwat lil martu għal xejn b’xejn? Jipprova jivvinta xi ħaġa biex ikompli iweġġagħha kemm jista’.

Libell ieħor mal-libelli numerużi li kienu diġà saru kontriha ma kienx biżżejjed. U allura dar għal fuq klawsola tal-liġi li qatt ma ntużat. Azzjoni li spiċċat tant ġabet mistħija li l-kollegi tiegħu ma damux biex eliminawha meta ntebħu kemm din il-klawsola tista’ tkun perikoluża.

Wara li hu u s-segretarju tiegħu Joe Gerada għamlu erba’ libelli bejniethom kontra Daphne Caruana Galizia, talbu lill-qorti tissekwestra l-ġid tagħha sabiex tiġi kawtelata l-possibilità li tiġi kundannata tħallas l-ogħla danni permissibbli mil-liġi.

U għal xhur sħaħ kellha tiddependi minn żewġha. Dan forsi ma jfisser xejn għal dawk l-irġiel li għalihom in-nisa huma biss parti mill-għamara tad-dar. Iżda jista’ jfisser ħafna għal dawk li għalihom in-nisa huma persuni bid-dinjità kollha tagħhom. 

Kien minħabba l-azzjonijiet fil-qorti li ħadu Chris Cardona u Joe Gerada li, permezz ta’ dak il-vjaġġ qasir bil-karrozza li temmilha ħajjitha, kellha b’ħafna ħela ta’ żmien toqgħod tirrikorri lejn il-bank.

Iżda ġara’ li Chris Cardona ma ntebaħx li l-mobile tiegħu stess seta’ jinġieb bħala prova kontra tiegħu. U meta Daphne Caruana Galizia talbet li l-location tal-mobile tiegħu tinġieb bi prova, għamel minn kollox biex jipperswadi lill-qorti tiċħad it-talba tagħha. Il-qorti ma qablitx miegħu u kull ma kellha tagħmel Daphne kien li tistenna li jinkiser is-siġill tal-envelope u tara d-destin politiku ta’ Chris Cardona jiddendel b’ħajta. U l-ġustizzja kienet issir.

Iżda l-ġustizzja baqgħet ma saritx. Għax Daphne spiċċat inqatlet.

Dan ma kienx biżżejjed. Chris Cardona ipprova jimponi fuq il-werrieta tagħha manuvra legali li permezz tagħha seta’ jitlob il-qorti tagħlaq il-kawża ta’ libell għax kien qed jirrifjuta li jixhed f’seduta wara oħra. Dan għamel l-almu tiegħu biex ipinġih bħala xi ċessjoni minn naħa tal-familja Caruana Galizia sakemm xi ħadd fakkru li kellu kull dritt li l-każ jiftħu mill-ġdid. U ħalla t-terminu jiskadi.

Iżda kien għad hemm il-kawża li għamel Joe Gerada u l-istess phone records kellhom jintużaw f’dik il-kawża wkoll. 

Se nkun ċar: l-eks mara ta’ Joe Gerada kienet ukoll xammet fejn kien żewġha f’Velbert u x’mar jagħmel hemm f’dak il-lejl. Spiċċat ħarrkitu biex tinfired legalment minnu u talbet lill-qorti ttiha permess biex tuża l-istess phone records bħala prova. F’dak il-każ il-permess ma ngħatax u allura dan serva wkoll biex xtur Chris Cardona setgħu jitgħattew.

Fil-libelli li għamel Joe Gerada, setgħet toħroġ il-verità kif rappurtata minn Daphne Caruana Galizia.

Hawn min jistaqsi, ‘fejn huma l-provi?’ U t-tweġiba tinsab fil-provi li huma qed jaħbu.

Kif irrappurtat Daphne Caruana Galizia, il-Ministri tal-gvern li hemm bħalissa għamlu affarijiet ħafna agħar milli jħallsu l-prostituti għas-sess. U jeżistu provi dwar dan.

U minkejja kollox, jibqgħu hemm jidħku u jogħxew b’kemm għandhom saħħa.

Jekk int taħseb li ma tista’ tagħmel xejn fil-konfront ta’ dan kollu, erġa’ aħsibha sewwa. Tista’ tingħaqad magħna fl-14 ta’ Ottubru wara nofsinhar fil-Belt Valletta f’protesta għall-Verità u għall-Ġustizzja. Mhux għax għandna xi dejn ma’ Daphne Caruana Galizia. Ninsabu midjunin magħna nfusna.