La Repubblica illum xandret rapport li fih sostniet li lill-Maġistrat Neville Camilleri żewġ xhieda qalulu li fid-29 ta’ Ġunju 2017, erba’ xhur qabel l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Ministru Chris Cardona u Alfred Degiorgio, wieħed mit-tliet akkużati bil-qtil, iltaqgħu waqt festin li sar f’villa fil-Fawwara.

Dan jikkontradixxi stqarrijiet pubbliċi li għamel il-Ministru Chris Cardona li lil Alfred Degiorgio ma kienx jafu u li kien sar jaf bih biss minħabba r-reputazzjoni kriminali li dan għandu u għaliex Chris Cardona jipprattika l-professjoni tiegħu fil-kamp tal-liġi kriminali.

La Repubblica tirrapporta wkoll li l-phone records jindikaw li persuna mhux identifikata li kienet tkellmet ma’ Daphne Caruana Galizia, wara li f’Ottubru 2016 din kienet xandret rapport dwar il-kuntrabandu fiż-żejt, immedjatament wara kellmet lil Chris Cardona u lil Alfred Degiorgio wara xulxin.

Rapport li xxandar f‘La Repubblica bħala parti mill-investigazzjoni The Daphne Project igħid li din l-evidenza jeħtieġ li tiġi mgħarbla fil-kuntest ta’ dak li qalu xhieda oħrajn fis-sens li kienu raw lil Chris Cardona ma’ Alfred Degiorgio fis-Siġġiewi fiż-żmien meta seħħ l-assassinju.

La Repubblica tistaqsi għaliex Chris Cardona gideb dwar kemm kien jaf sew lil Alfred Degiorgio. “Min xiex qed jibża’?”. Kelliem għal Chris Cardona lil The Daphne Project qalilhom li l-Ministru m’għandux spjegazzjonijiet x’jagħti dwar il-festin li attenda fil-Fawwara flimkien ma’ Alfred Degiorgio.

Il-kelliem kompla jgħid li l-Ministru “għandu affarjiet ħafna aktar importanti x’jagħmel milli joqgħod iwieġeb il-mistoqsijiet ta’ ġurnalisti sensazzjonali”.

Il-phone logs jindikaw li persuna (li mhix identifikata minn The Daphne Project) ċemplet lil Daphne Caruana Galizia u għadditilha nformazzjoni li mbagħad din kienet xandret. U wara li qata’ l-linja minn magħha, għamel żewġ telefonati oħra: waħda lill-Ministru Chris Cardona u mmedjatament wara lil Alfred Degiorgio.

The Daphne Project ikompli jirrapporta li l-gvern ħeba dawn il-phone logs mill-Maġistrat Anthony Vella minkejja li dan tal-aħħar talabhom formalment bil-miktub. Eventwalment dawn ġew mgħoddija lill-inkjesta wara li Anthony Vella nħatar mħallef.

The Daphne Project igħid li, għall-anniversarju tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, ma tkunx sorpriża jekk il-prim ministru Joseph Muscat jintervjeni u jgħid li fl-investigazzjoni seħħ żvilupp fabbrikat u manipulat bil-għan li jipprova jiddevja l-attenzjoni mir-rabta diretta li qed tiżvolġi bejn l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-gvern ta’ Malta.