L-għada li Chris Cardona ġie mixli minn ġurnal ewlieni Taljan li gideb dwar kemm kien midħla ta’ assassin li huwa akkużat bil-qtil ta’ ġurnalista, dawk tal-qalba ta’ ġewwa fil-PN intilfu jitlewmu dwar min hu s-sid tad-drittijiet ta’ sensiela televiżiva.

Il-politika f’pajjiżna waqgħet f’dan il-livell: sensiela televiżiva ta’ darba fil-ġimgħa dwar dak li tkun għaddiet minnu mara jisimha Mandy tingħata aktar importanza minn assassinju politiku, cover-ups u x-xibkiet internazzjonali ta’ kriminalità.

Il-konfrontazzjoni pubblika bejn Pierre Portelli u Nickie Vella de Fremeaux hi aktar serja milli wieħed jista’ jimmaġina. Iż-żewġ atturi f’din il-biċċa teatrin huma persuni pubbliċi. Ġaladarba rrikorrew għall-Facebook biex jikkonfrontaw lil xulxin ifisser ukoll li qatgħu jieshom li jsibu tarf tal-kwistjoni permezz ta’ metodi oħra.

Ifisser ukoll li dawn iż-żewġ persuni m’għandhomx il-ħila li jiddjalogaw bejniethom u li jkunu ċivili ma’ xulxin anki jekk ma jaqblux fuq xi ħaġa.

Il-mara ta’ Adrian Delia kemm il-darba għamlitha ċara li, minkejja l-pożizzjoni ta’ żewġha, se tibqa’ tgħidha kif tħossha. Bħala avukat imissha taf li meta kwistjonijiet bħal dawn jitperrċu fil-pubbliku, iċ-ċansijiet li jinstab tarf tal-kwistjoni jonqsu sew.

Mad-daqqa t’għajn, it-tilwima hi biss waħda ta’ natura personali u privata: kwistjoni kummerċjali bejn fornitur u klijent. Jekk wieħed jaraha sa hawn biss, wieħed jista’ forsi jasal għall-konklużjoni li l-aġir ta’ Nickie Vella de Fremeaux meta publikament qabżet għal “ħabib” tagħha f’kwistjoni strettament personali, kien aġir barra minn loku.

Iżda hemm ħafna aktar x’wieħed jomgħod. Huwa minnu li din it-tilwima hi waħda kummerċjali bejn kittieb u kumpannija li tipproduċi xogħol għat-televiżjoni li m’humiex jaqblu dwar min hu s-sid tal-proprjetà intellettwali ta’ produzzjoni televiżiva. Sa hawn biss, m’hemm xejn ta’ barra min hawn.

Iżda meta sid il-kumpannija li tipproduċi xogħol għat-televiżjoni fl-istess ħin imexxi stazzjon tat-televiżjoni li jixtri l-programmi mingħad il-kumpannija li tipproduċihom, il-kwistjoni takkwista xejra differenti.

F’hiex tikkonsisti l-kwistjoni kollha? Sandro Vella, il-kittieb għandu tilwima ma’ Watermelon Productions li s-sidien tagħha huma Pierre Portelli u martu. Madankollu Pierre Portelli jmexxi stazzjon tat-televiżjoni li jixtri l-programmi mingħand il-Watermelon Productions.

Sandro Vella jgħid li din kienet ir-raġuni għala ddeċieda li jabbanduna l-proġett: sab ruħu bejn il-basla u qoxritha minħabba kunflitt ta’ interess kbir fejn Pierre Portelli kien qed juża l-pożizzjoni tiegħu fil-PN biex jixtri mingħandu stess bħala sid tan-negozju privat tiegħu.

Biżżejjed li wieħed iġib quddiem għajnejh il-fatt li meta Pierre Portelli wieġeb għall-ittra legali li Sandro Vella kien ippreżenta kontra tiegħu, qabbad lill-avukat tiegħu, Vince Galea, biex jiffirma l-protest ġudizzjarju kemm għal Medialink (il-kumpannija li hi s-sid tal-mezzi tax-xandir tal-PN), għal Watermelon Productions (in-negozju personali ta’ Pierre Portelli) kif ukoll għal Pierre Portelli u martu Diane Portelli nnifishom. Minflok żamm ruħu ‘l bogħod minn Net TV u mill-Watermelon Productions, dawn inġabru kollha fl-istess keffa bħallikieku kienu entità waħda u bħallikieku kienu ħaġa waħda ma’ Pierre Portelli li jmexxihom it-tnejn iżda huwa s-sid ta’ waħda minnhom.

Il-kwistjoni ma tiqafx hawn. 

Watermelon Productions ma tbigħx il-produzzjonijiet tagħha lil Net TV biss. Tbiegħ jew tipprova tbiegħ ukoll lil TVM li hu kompetitur ta’ Net TV. Bħala kap tal-Medialink (is-sid ta’ Net TV), Pierre Portelli ikkompeta biex biegħ produzzjoni tal-Watermelon Productions  — Iċ-Ċaqqufa — lil TVM.

Jista’ jagħti lok li din hi r-raġuni vera li l-PN m’huwiex jagħmel plejtu sħiħ talli fil-bulettin tal-aħbarijiet tagħhom tat-TVM naqsu li jsemmu r-rapport li xxandar f’La Repubblica li fih Chris Cardona ġie mixli li gideb dwar kemm hu midħla ta’ Alfred Degiorgio.

X’insibu dalgħodu taħt il-qoxra tat-tilwima pubblika li feġġet bejn Nickie Vella de Fremeaux u Pierre Portelli? Insibu dak li m’humiex fil-fatt igħidu iżda li hu l-qofol tal-kwistjoni kollha: li d-deċiżjoni ta’  Adrian Delia li ma jġiegħelx lil Pierre Portelli jiżvesti ruħu min-negozju tal-produzzjoni tal-programmi televiżivi hekk kif beda’ jmexxi l-mezzi tax-xandir tal-PN, issa poġġiet lill-PN f’pożizzjoni imbarazzanti f’nofs tilwima kummerċjali.

U kellha tkun mart Adrian Delia li tiġbed l-attenzjoni dwar kemm din is-sitwazzjoni tista’ tagħmel ħsara.

Hawn min jidhirlu li l-governanza tajba diffiċli tilħaqha; li din jitolbuha d-dojoq li jkollhom ċerta għira għan-nogozju privat li jkollu ħaddieħor u li jehdew jaraw it-tqaċċit ta’ nies kompetenti bil-għan li jieħdulhom posthom huma.

Biex wieħed ikun jista’ jsib tarf ta’ problemi bħal dawn u biex partit politiku ma jsibx ruħu bejn il-basla u qoxritha, il-governanza tajba wieħed ma jistax igħaddi mingħajrha.