Imma dan kemm jaħseb li aħna boloħ?

Jumejn ilu, xi gwardjani tas-sigurtà fl-Università waqqfu protesta li saret mill-Moviment Graffitti fuq il-kampus. Għall-bidu din il-mossa dehret bħallikieku kienet inizjattiva li ttieħdet minn xi gwardjan tas-sigurtà. Iżda aktar tard l-Università ħareġt stqarrija li fiha qalet li ma kienx bi ħsiebha tittollera protesti politiċi matul il-freshers’ week għaliex ikun hemm numru kbir ta’ nies – partikolarment persuni importanti – li jkollhom isegwuha.

L-għada, hu u jżur l-Università, Joseph Muscat tkaża u inkredibilment qal li “jekk il-libertà tal-kelma ma tiġix rispettata fl-Universita, ma nafx fejn trid tiġi rispettata”. Huwa qal li t-tneħħija tal-maskra bl-immaġni ta’ Ian Borg minn ma’ wiċċ il-protestant tal-Moviment Graffiti kienet azzjoni “stupida”. Iżda dak li qal Joseph Muscat ifisser ukoll li huwa jaqbel mal-konklużjoni li t-tneħħija ta’ maskra minn ma’ wiċċ protestant bil-għan li titwaqqaf protesta tammonta għal theddida kontra l-libertà tal-kelma u li l-iskużi li ġabet l-Università ma kienux ġustifikati.

Joseph Muscat imbagħad kompla jilgħab għall-gallarija b’teħid ta’ ritratt mal-protestanti tal-Graffiti li kienu libsin l-istess maskra li l-Universita kienet neħħiet il-jum ta’ qabel. Dan ir-ritratt ittieħed f’atmosfera li dehret amikevoli – jista’ jkun li l-protestanti – ħafna minnhom votanti Laburisti – nsew it-tgergir kollu li hawn kontra l-gvern u tathom għaxwa hekk kif lemħu lill-“kink” Joseph fosthom. Joseph Muscat deher bħallikieku kien organizza l-protesta hu stess.

U wara li l-prim ministru ħareġ jikkundanna l-azzjonijiet meħuda mill-Università l-jum ta’ qabel, ir-Rettur tal-Università ħareġ igħid li l-gwardjani tas-sigurtà ma kellhom ebda awtorità li jiċċensuraw il-protesta u li mhux ser jerġa’ jkun hemm ‘ċensura’ fuq il-kampus.

X’inhi din il-biċċa li meta nsegwu l-aħbarijiet f’dan il-pajjiż, inħossuna bħallikieku qlajna xebgħa waqt li konna reqdin u li m’aħniex ċerti il-għala f’dan il-pajjiż hawn kollox ward u żahar?

Nistaqsi: ġaladarba l-Università taqbel mal-prim ministru li l-inċident li nqala’ jammonta għal ksur tal-libertà tal-kelma, għaliex iddefendiet l-inċident meta ħarġet l-istqarrija tagħha? L-istqarrija tal-Università jaqaw ħarġet minn wara dahar ir-rettur?

Jaqaw din kienet xi inizjattiva tal-kelliem tal-Università Pierre Cassar? Jaqaw dan l-inċident kien xogħolu u mhux xogħol xi gwardjan tas-sigurtà?

Fl-imgħoddi Pierre Cassar kien il-kbir tal-Awtorità tax-Xandir u suppost dan jifhem xi ftit dwar il-libertà tal-kelma.

Jekk dan l-inċident verament seħħ b’inizjattiva tiegħu, l-awtoritajiet tal-Università x’passi ħadu kontrih talli l-prim ministru ġiegħelhom jidhru bħallikieku kienu xi nażisti jeqirdu l-libertà tal-kelma?

Iżda hemm punt ieħor li jeħtieġ li jinġieb ‘il quddiem. Ġaladarba l-prim ministru jidhirlu li l-protesta fl-Università ma messiex twaqqfet, il-għala qed jaqbel mat-tneħħija tal-fjuri u x-xemgħat li jitqiegħu mal-mafkar tal-Assedju l-Kbir minn dawk li jfakkru l-assassinju ta’ Daphne bil-protesti tagħhom?

Jekk ma jaqbilx ma’ waħda, m’għandux jaqbel ukoll mal-oħra. Ma nagħmlux mod li l-fehmiet tiegħu dwar il-libertà tal-kelma jinbidlu skont x’jingħad f’protesta jew skont il-kulur politiku ta’ min ikun qed jieħu sehem fiha?

Il-libertà tal-kelma ssib l-ogħla espressjoni tagħha meta dawk li jipprotestaw lis-setgħana isemmgħulhom dak li ma jkunux iridu jisimgħu.

Jekk tal-Università – jew il-kelliem tagħha jew il-gwardjan tas-sigurtà – dan ma jafuħx, min f’dan l-imbierek pajjiż jista’ jkun jafu?