Fi triqitha lejn Brussel, Helena Dalli ġralha bħal ma kien ġralu San Pawl fi triqtu lejn Damasku – dawl qawwi għamiha, waqgħet minn fuq iż-żiemel li kienet riekba u f’widnejha dewa’ leħen il-verità u s-sewwa. Intebħet li kienet ippersegwitat lill-innoċenti u issa qed tgħid li klieku kienet fiż-żarbun ta’ Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat kienet ‘timxi mod ieħor’.

Lill-udjenza li kellha quddiemha fi kliem ieħor qaltilha li Joseph Muscat ma kienx għamel dak li hu sewwa fil-kwistjoni ta-Panama Papers u li kienet floku kienet tagħmel dak li hu sewwa.

Kollox sew. Tkellmet xi naqra tard iżda mhux tard iżżejjed.

Helena Dalli għadha sal-lum membru tal-Parlament Malti u għadha tokkupa kariga għolja fil-Partit Laburista.

Helena Dalli issa jmissha tiġi lura Malta u fil-Parlament tiddikjara li kienet ser tappoġġja mozzjoni ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi u f’Joseph Muscat. Immissa tiġi lura hawn u titlob li titlaqqa’ laqgħa straordinarja tal-Partti Laburista sabiex Joseph Muscat jitneħħa mill-kariga ta’ mexxej tal-partit u jitqaċċtu dawk tal-klikka tiegħu kompriż Keith Schembri.

Jekk tagħmel dan, tkun tat prova li kienet sinċiera meta stqarret li xtaqet li l-udjenza li kellha quddiemha temminha li kienet tagħmel dak li hu sewwa.

Diġà nista’ nismagħha tgħoxa bid-daħk kif kienet għoxiet bid-daħk waqt dik il-famuża laqgħa li fiha kienet stqarret dwar kemm hu faċli li tgħaddi biż-żmien lill-partitarji tal-partit tagħha dwar dak li kien bi ħsiebha twettaq fil-qasam tal-ugwaljanza fiż-żwieġ. Kienet qalet li kienet għaddiethom biż-żmien għall-ġid tagħhom. Issa erġa’ għamel ħaġa oħra għall-ġid, Helena Dalli. Tibqax tigdeb. Ejjew ħalli naraw kemm għandek il-ħila li tagħmel dak li hu sewwa.

‘Mhux hekk nibqgħu!’