Il-ġuri tal-assassini ta’ Daphne Caruana Galizia m’huwiex ġuri minn tas-soltu. Huwa ġuri tal-mafja. Għalkemm il-liġi ma ssejjaħlux hekk, dan ma jfissirx li m’huwiex.

L-avukat Arthur Azzopardi ddikjara li mhux ser jibqa’ jiddefendi lil Ċensu Muscat fil-kawżi kollha li dan għandu fil-qorti inkluż il-każ li fih jinsab mixli bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Milli jidher din ir-rinunzja minn naħa tal-avukat seħħet nħar il-Ġimgħa u sirna nafu biha bis-saħħa ta’ rapport li xxandar fil-Malta Today. Bħalma għamlu ġurnalisti oħrajn, il-bieraħ jien tkellimt mal-avukat Arthur Azzopardi li kkonferma miegħi li r-rapport li xandar il-ġurnal huwa korrett. Hawn aħna llum 48 siegħa qabel mistenni jibda’ l-ġuri kontra Ċensu Muscat – u kontra Fredu u Ġorġ Degiorgio – u wieħed mill-mixlijin jinsab mingħajr avukat.

L-avukat Arthur Azzopardi tagħni spjega personali (u nassumi għamel hekk ma’ ġurnalisti oħrajn ukoll) dwar ir-raġuni wara r-rinunzja tiegħu – raġuni li huwa talabni biex ma nxandarx. Jista’ jibqa’ ċert li se nżomm il-kunfidenzjalità, iżda rrid nagħmilha ċara li r-raġuni li tagħni m’għandha x’taqsam xejn ma’ xi biżgħat li dan jista’ jkollu dwar is-sigurtà personali tiegħu. Lit-Times of Malta llum qalilha wkoll li d-deċiżjoni li jirrinunzja għall-patroċinju ta’ Ċensu Muscat ma ttiħditx minnu iżda mid-ditta legali tiegħu, dikjarazzjoni li hi pjuttost stramba għaliex huwa l-avukat li jidher għall-klijent u mhux id-ditta legali. L-implikazzjonijiet etiċi tar-rinunzja ta’ Arthur Azzopardi jridu jintrefgħu minn Arthur Azzopardi nnifsu u mhux mid-ditta legali tiegħu jew mis-soċji tiegħu fid-ditta.

Madankollu, hi x’inhi r-raġuni personali jew kollettiva li ttieħdet biex l-avukat Arthur Azzopardi jirrinunzja fl-aħħar ħin, inħoss li għandi nagħmel l-analiżi tiegħi. Hemm min forsi jirraġuna li ġuri bħalma hu dan m’huwiex wieħed minn tas-soltu u li mossa bħal din fiha x’tifhem. Dan il-ġuri ċertament m’huwiex wieħed minn tas-soltu bħal dawk li nisimgħu bihom kull tant żmien u li dwaru m’għandniex għalfejn noqgħodu nħabblu rasna, kif fi Frar li għadda kien kiteb Raphael Vassallo fil-Malta Today. Dan kien kiteb dwar kemm hawn Malta ninsabu ngawdu libertà sħiħa tal-kelma u nsista li, fejn jidħol dan kollu, l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia huwa rrilevanti:

“Press any of these people to come up with examples of ‘State censorship’ in Malta, and they will cite the ongoing libel proceedings against Daphne Caruana Galizia (and now her heirs) by Joseph Muscat over the Egrant allegations. (Note: Some of the more unreasonable ones might even point towards her murder itself… for all the world as if the bomb had been planted in her car directly by the State, instead of by three well-known criminals, with foreign contacts, who are now facing murder charges in court).”

Nitkellmu dwar Raphael Vassallo aktar ‘il quddiem.

Meta nhar l-Erbgħa jibda’ l-ġuri ta’ Ċensu Muscat, l-ewwel kwistjoni li jkollha tittratta l-qorti ser tkun dwar id-deċiżjoni tal-mixli li jħarrek bħala xhieda tiegħu lil Joseph Muscat, lil Keith Schembri u lil irjus kbar oħra. Fid-dinja ċivilizzata, ibqgħu ċerti li diffiċli ħafna li wieħed isib eżempji storiċi ta’ każijiet li fihom uffiċjali tant għoljin tal-gvern jiġu mħarrka bħala xhieda biex dawn igħinu fid-difiża tal-mixli f’ġuri dwar qtil, b’mod partikolari l-qtil ta’ ġurnalista. Dan il-fatt – fl-isfond tar-rinunzja tal-avukat Azzopardi, min jaf jekk il-qorti hiex ser tgħarbel jew le l-implikazzjonijiet tiegħu – m’hu xejn ħlief indikazzjoni ċara oħra li x-xibka ta’ kriminalità wara dan l-assassinju għaqdet flimkien diversi fatturi bil-għan mhux biss li jitwettaq delitt ordinarju iżda li jitwettaq att terroristiku mafjuż.

Kif issa jaf kulħadd, aktar minn sena ilu Ċensu Muscat iddeċieda li jikkopera mal-awtoritajiet tal-istat. Illum huwa kunsidrat bħala pentito (jiġifieri bħala bniedem li nidem), għalkemm m’huwiex ċar jekk l-Avukat Ġenerali rrikonoxxieħx jew le f’dan is-sens. Tkun xi tkun il-kwalità tax-xhieda ta’ Ċensu Muscat – ma nafx kemm tista’ tkun ta’ kwalità għolja x-xhieda ta’ dan il-bniedem li ma jidhirx li kien fost il-mexxejja tal-quċċata tal-organizzazzjoni li hi suspettata li wettqet id-delitt – il-fatt li dan offra li jikxef, iqiegħdu f’periklu personali kbir.

Ma tridx tkun għaref wisq biex tintebaħ li anki l-avukat tal-pentito ikun qed jitqiegħed fil-periklu. M’hemmx dubju li dan il-periklu l-Pulizija taf bih u tkellmet dwaru. Nixtieq intenni għal darb’oħra li Arthur Azzopardi qed isostni li huwa ma rrinunzjax bħala avukat tal-klijent tiegħu, li huwa wkoll xhud potenzjali tal-prosekuzzjoni kontra oħrajn li huma suspettati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, minħabba s-sigurtà personali tiegħu. Iżda jekk huwa minnu li huwa rrinunzja d-difiża minħabba din ir-raġuni ta’ sigurtà personali, m’hemmx dubju li huwa jkun irid iserraħ rasu li din ir-raġuni kemm jista’ jkun ma tidħol f’moħħ ħadd għax inkella jispiċċa biex igħix bit-tama tas-sigurtà u jkollu jmut bil-piena tan-nuqqas tagħha.

Ir-rapport li xandar dalgħodu t-Times of Malta jsejjaħ dan l-inċident bħala wieħed “stramb” u bħala wieħed “ta’ tħassib”. Li kieku dan il-ġuri jiġi trattat bħala wieħed ta’ li hu – jiġifieri ġuri dwar it-terroriżmu mafjuż – ħadd ma kien isejjaħ bħala daqshekk stramba r-rinunzja ta’ avukat ta’ wieħed mill-mixlija li ddeċieda li jikkoopera mal-pulizija u li jixhed għall-prosekuzzjoni kontra l-kompliċi tiegħu. Li hemm tassew tat-tħassib huwa l-fatt li l-istat naqas li jipprovdi lix-xhieda tal-prosekuzzjoni bl-assistenza legali kollha meħtieġa biex il-koperazzjoni tagħhom tkun waħda effettiva.

Min jirraġuna bil-mod kif jirraġuna Raphael Vassallo, lil dan il-ġuri m’hu ser iqisu qatt bħala każ tal-mafja. Dan mingħalih li għat-twettiq tal-assassinju jaħtu kriminali magħrufa li għandhom kuntatti barra minn Malta. Qabel is-sena 1982 fil-liġijiet tal-Italja ma kontx issib tifsira tal-kliem “delitt mafjuż”. L-artiklu 416 tal-kodiċi kriminali Taljan kien jitkellem biss dwar konfoffa kriminali li tapplika għal imġieba li hi manifestament kriminali. Nieħdu eżempju: ikun hemm ħamest irġiel li jiftehmu li jwettqu serqa minn bank, kull wieħed minnhom jingħata rwol, titwettaq is-serqa u mbagħad jaqsmu bejniethom l-flus li jkunu serqu. Dan huwa każ klassiku ta’ serq u ta’ kompliċità f’serq u r-responsabbiltà kriminali tkun trid tintrefa’ kemm minn dak li jsuq il-karrozza li tkun ħarrbet lill-ħallelin kif ukoll minn dak li jispara fuq il-pulizija li kien għassa mal-bieb.

Iżda l-mafja ma tmurx biex tisraq bank direttament. U din kienet appuntu r-raġuni wara t-tfassil ta’ liġi speċifika – imsejjħa 416 bis – bil-għan li sservi bħala tarka kontra l-intimidazzjoni li ssir mill-kriminali li jingħaqdu biex jakkwistaw il-qliegħ minn attivitajiet li huma legali.

Nieħdu każ ieħor: ikun hemm grupp ta’ sajjieda minn Acireale li jheddu bil-vjolenza u jagħmlu l-arja kontra sajjieda oħrajn li jidħlu jistadu fit-territorju li huma jqisu bħala “tagħhom”. Is-sajd fih innifsu m’huwiex attività illegali. Iżda min jintimida u jhedded lil ħaddieħor biex iħares il-qliegħ tiegħu mis-sajd – u anki jżid dan il-qliegħ – ikun ħati ta’ delitt mafjuż. Il-liġi 416 bis kienet tfasslet wara li kien seħħ il-qtil ta’ diversi uffiċjali pubbliċi li kienu żammew jew naqqsu l-involviment tal-Mafjużi f’kuntratti pubbliċi bħalma huma l-kuntratti għall-bini ta’ toroq jew kuntratti li jipprovdu servizzi lill-gvern. Jew, biex insemmi eżempju ieħor, każijiet li fihom jingħata kuntratt għall-bini ta’ power station u għall-forniment lill-gvern ta’ enerġija bi prezz li jkun aktar jaqbel għas-sid tal-power station milli għall-poplu in ġenerali jew għan-negozji.

Il-liġi 416 bis tagħmel ukoll riferenza għall-omertà (jew is-skiet), li hi forma ta’ kompliċità taċita li tgħin biex tgħatti xtur l-imħuħ li jkunu wara t-twettiq tad-delitti mafjużi u tgħinhom biex jgħadduha lixxa. U huwa proprju hawn li jidħol Raphael Vassallo. Mingħajr ma jaf, jew inkella għax jagħmel parti mill-konfoffa mafjuża li assassinat lil Daphne Caruana Galizia, jkompli jirrepeti l-ħrafa li d-delitt wieħed ikun sab tarfu kemm il-darba dawk li splodew il-karrozza-bomba jiġu arrestati u mitfugħin il-ħabs. Dan hu preċiżament il-mod li bih hu (u oħrajn) ikunu qed igħattu xtur il-mafja u b’hekk huma wkoll isiru kompliċi magħha.

Bis-saħħa tal-liġi 416 bis, tkun tista’ mhux biss taqbad lil min ikun saq il-karrozza li tkun ħarrbet lill-kriminali wara serqa mill-bank, iżda saħansitra anki lil dawk li jkunu qed jagħmlu l-qliegħ minn kuntratti tal-gvern u li jkunu gawdew mit-twettiq tad-delitt. Taqbad ukoll lil dawk il-politiċi li jkunu aċċettaw li jixxaħħmu u li jkunu ġew intimidati b’tali mod li jispiċċaw biex irebbħu l-kuntratti pubbliċi lill-kriminali.

Ċensu Muscat flimkien ma’ Fredu u Ġorġ Degiorgio jinsabu mixlija bil-qtil ta’ ġurnalista li f’idejha kellha provi li setgħu jaqilgħu problemi kbar għal min kien imdaħħal f’diversi kuntratti pubbliċi, kompriż in-negozju Electrogas. L-arrest ta’ dawn it-tliet akkużati u t-tfiegħ tagħhom fil-ħabs ma jwassalx biex jinstab tarf ta’ dan id-delitt mafjuż. Dan id-delitt huwa wieħed mafjuż għaliex jeżisti suspett li huwa msejjes fuq konfoffa li l-qliegħ tagħha ġej minn negozju leġittimu (bħalma hi l-ġenerazzjoni tad-dawl taħt kuntratt mogħti mill-gvern).

Fi ftit kliem, il-liġi 416 bis tipprovdi dan li ġej: delitt mafjuż jitwettaq meta jingħaqdu bejniethom diversi persuni biex jintimidaw u jużaw il-forza fuq ħaddieħor bil-għan li jakkwistaw il-koperazzjoni jew is-silenzju ta’ ħaddieħor b’riżq:

  • it-twettiq ta’ delitti kriminali oħrajn (per eżempju, serqa minn bank);
  • l-akkwist tal-kontroll fuq attivitajiet kummerċjali (l-eżempju tas-sajjieda f’Acireale);
  • it-teħid ta’ kuntratti pubbliċi (nista’ nsemmi diversi eżempji hawn – iżda jgħoddu wkoll il-ħruġ ta’ permess tal-bini li ma jagħmilx sens jew l-iffirmar ta’ kuntratt għall-bejgħ ta’ sptar pubbliku jew ix-xiri tal-enerġija bi prezzijiet li oġġettivament ma jagħmlux sens).

Jistgħu jeżistu wkoll motivazzjonijiet oħrajn għat-twettiq ta’ delitt mafjuż li ma jidhrux fil-liġi u li forsi m’humiex rilevanti għal dak li qed nikteb hawn. Per eżempju, fl-1992 mal-lista ta’ delitti mafjużi żdiedu d-delitt tal-użu tal-intimidazzjoni biex jitbeżżgħu l-votanti u jiġu mġiegħla jivvutaw b’ċertu mod jew li jiġu mġiegħla jivvutaw mod ieħor. Dan qed insemmieħ għaliex l-eżerċizzju tal-vot huwa wieħed li hu mill-aktar leġittimu f’sistema demokratika iżda l-mafja hi armata b’tali mod li għandha l-ħila tagħmel il-qliegħ minn dan ukoll. Forsi huwa proprju dan li jgħaddilek minn moħħok int u tisma’ bil-ħruġ ta’ permess tal-bini li ma jagħmilx sens u fl-istess waqt tibda’ wkoll taħseb f’ oppożizzjoni politika li qajla tagħmel sens.

Bosta fatturi li qed jimirħu madwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia diġà aċċettajnihom. Għal dawk m’humiex parti mill-konfoffa li assassinatha, waħda minn dawn il-fatturi hi li Fredu u Ġorġ Degiorgio u Ċensu Muscat qatlu lil Daphne fuq ordni ta’ xi ħaddieħor. Dan huwa fattur li naċċettawh għaliex Daphne ma nqatlitx f’xi sqaq mudlam iżda permezz ta’ karrozza-bomba fid-dawl tax-xemx. Dawk li qatluha ma ridux jeħilsu minnha biss. Riedu jintimidaw u joħolqu l-biża’ f’ħaddieħor li seta’ kien imħajjar joħolqilhom il-problemi bħalma kienet ħolqitilhom hi. Għalhekk hemm it-tifsira fil-liġi Taljana ta’ “terroriżmu mafjuż” fil-kuntest tal-użu tal-kelma “intimidazzjoni” fil-liġi 416 bis.

Il-liġi 416 bis kienet tfasslet fl-Italja għall-ewwel darba fl-1982 wara li kienu ġew assassinati l-politiku Pio della Torre u l-impjegat governattiv Carlo Alberto della Chiesa. Il-liġi kompliet ttejjbet fl-1992 wara li seħħew l-assassinji ta’ Giovanni Falcone u Paolo Borsellino. Il-bidliet fil-liġi kienu frott il-ħasda xokkanti li qalgħu il-membri tal-klassi politika li kienu tniġġżu parzjalment (iżda mhux għal kollox) mill-influwenza tal-mafja u ta’ dawk il-politiċi Taljani li kienu mdorrijin jagħlqu għajn waħda għaliha.

Dak li seħħ fl-Italja fl-1992 imissu qed iseħħ f’pajjiżna.

Il-ġudikanti tagħna, il-membri tal-korp tal-pulizija tagħna, il-prosekuturi u l-politiċi tagħna jmisshom iduru madwar mejda bil-għan li jfasslu liġi li tagħtihom l-għodda meħtieġa biex jeqirdu l-organizzazzjonijiet mafjużi. Hekk kif titfassal liġi li tkun tixbaħ il-416 bis, tista’ tinbeda’ t-triq biex jinstab tarf ta’ bosta delitti kriminali li tant għadhom iħabbtu lill-pulizija. Fost affarijiet oħra, liġi bħal din tkun tipprovdi għall-ħarsien u l-protezzjoni tal-pentiti kif ukoll tal-avukati tagħhom.

Iżda hawn Malta liġi bħal 416 bis mhux ser titfassal għaliex proporzjonatament il-klassi politika Maltija għandha wisq aktar xtur x’tgħatti minn qatt kellha dik Taljana – saħansitra anki aktar minn dik ta’ Sqallija. F’Malta drajna wisq bil-konswetudnijiet tagħna u f’pajjiżna l-Mafjużi għandhom saħħa kbira. Dawn għandhom il-ħila li jintimidaw lill-politiċi, lill-pulizija u lill-ġudikanti biex jassikuraw li xturhom jibqa’ mgħotti.

Saħansitra anki l-ġurnalisti jafu jagħtu nifs qawwi lill-mafja meta jirrepetu l-gidba li l-eżistenza tal-mafja hi biss ħrafa. U meta jirrepetu li Daphne nqatlet minn “tliet kriminali magħrufa b’kuntatti barra minn Malta”.