Lil Joseph Muscat u lil Adrian Delia ma rajnihomx b’nemes dalgħodu fiċ-ċerimonja nazzjonali ta’ Jum it-Tifkira. Joseph Muscat siefer biex imur jara l-Milan jilgħabu l-lejla. Adrian Delia ħadd ma jaf fejn kien. Nafu biss li dan ilu jiskansa kull attività li taħbat nhar ta’ Ħadd.
Jum it-Tifkira m’huwiex xi fdal ta’ żmien il-kolonjaliżmu. Huwa obbligu morali tagħna fil-konfront tal-ġenerazzjonijiet li għaddew u ta’ dawk li għad iridu jiġu. Jien m’għandi ebda nostalġija għaż-żminijiet tal-imperu. Madankollu tistgħu timmaġinaw x’reazzjoni kien ikun hemm li kieku l-prim ministru Britanniku, tkun xi tkun ir-raġuni, kellu jonqos li jattendi għaċ-ċerimonja ta’ Jum it-Tifkira – aħseb u ara li kieku r-raġuni kellha tkun li mar isegwi partita futbol? Tistgħu timmaġinaw ir-reazzjoni li kieku l-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak il-pajjiż kellu wkoll jonqos li jattendi għaċ-ċerimonja? Ma kienx idum wisq ikampa fil-politika. Biżżejjed wieħed jiftakar li l-Kap ta’ Oppożizzjoni li hemm bħalissa kien ġie kritikat bl-aħrax għax kien hemm min raħ ikanta l-innu l-nazzjonali mingħajr wisq ħeġġa.
F’Malta ħadd ma jagħti wisq każ. U dan ifisser li ninsabu mmexxijin minn mexxejja politiċi li m’għandhom ebda sens ta’ storja, ta’ dmir u ta’ okkażjoni.
Meta nfakkru lill-vittmi tal-gwerra ma nagħmlux dan minħabba xi faxxinu aggressiv bil-glorifikazzjoni tal-gwerra. Nagħmlu dan bħala sinjal ta’ rispett lejn is-suldati Maltin u Britanniċi li ssieltu u mietu biex jiddefendu lill-gżira u b’hekk ħelsuna mill-jasar li invażjoni mill-għadu kienet iġġib magħha fuq pajjiżna.
F’dan il-jum infakkru lill-baħrin Britanniċi, Franċiżi u Amerikani li mietu huma u jagħmlu sforzi kbar biex iwasslu ikel u provvista ta’ żejt biex setgħu isalvaw lin-nanniet u lill-ġenituri tagħna mill-għaks li jġib miegħu l-ġuħ. Infakkru dawk il-bdoti u dawk il-baħrin li ssieltu kontra l-għadu, li mietu għall-prinċipji tagħhom u li bis-saħħa tas-sagrifiċċju tagħhom writna sebgħin sena ta’ paċi. Infakkru lis-suldati ANZAC u suldati oħrajn minn madwar id-dinja li ssieltu fi gwerra li kienet bla skop u, għaliex jinsabu midfunin eluf ta’ kilometri ‘l bogħod minn djarhom, ħadd ma jibki t-telfa tagħhom.
Niftakru wkoll f’dawk il-persuni kollha li nqatlu bil-bombi; dawk it-tfal kollha li ħajjithom intemmet ħesrem minħabba l-vjolenza u minħabba l-mard li ġab miegħu assedju mill-ajru mill-baħar. Niftakru f’dawk l-eluf li għexu t-terrur ta’ xita ta’ bombi nieżla fuq djarhom.
Niftakru wkoll f’dawk li baqgħu ħajjin. Lill-imwerwra, lill-imġewħin, lill-morda u lil dawk il-mijiet ta’ eluf li kellhom jemigraw minn pajjiżna biex jibnu ħajja aħjar lil hinn minn xtutna u dan għaliex ma setgħux isibu sostenn f’pajjiżhom minħabba l-għaks u l-ġuħ li ġabet magħha l-gwerra. Niftakru f’dawk it-tfal u żgħażagħ li ma reġgħux raw lill-ġenituri tagħhom wara li kienu ġew evakwati mill-inħawi tal-port. Niftakru f’dawk il-familji li nfirdu għal dejjem minħabba l-immigrazzjoni sfurzata.
Malli nieqfu nfakkru dan kollu u malli nibdew nuru l-indifferenza tagħna, ibqgħu ċerti li nerġgħu nirrepetu l-iżbalji tal-istorja.
Il-mexxejja politiċi tagħna huma fid-dmir li jibqgħu ifakkru mhux biss it-tbatija li għaddew minnha ta’ qabilna iżda wkoll dwar kemm huma bla skop il-gwerer. Il-bieraħ ktibt li l-forzi demokratiċi kollha għandhom jingħaqdu biex jieqfu kontra t-theddida tal-faxxiżmu.
Jidher li kemm Joseph Muscat kif ukoll Adrian Delia m’humiex iġibu ruħħom ta’ mexxejja nazzjonali. B’kuntrast ma’ dan, niftakar fis-sens strett ta’ dover li kellu Eddie Fenech Adami. M’għandniex xi ngħidu, Eddie Fenech Adami kien politiku makakk li ma kienx jitlef opportunità waħda biex jieħu vantaġġ politiku fuq l-avversarji bil-għan li jirbaħ l-elezzjonijiet. Minkejja dan, huwa qatt ma farfar mir-responsabbiltà li jirrappreżenta lill-pajjiżna f’ċerimonji uffiċjali, partikolarment f’dawk iċ-ċerimonji ta’ tifkira.
Minflok niftakru u nfakkru, llum qegħdin inessu u ninsew.
Immaġinaw li kieku Joseph Muscat illum attenda għaċ-ċerimonja u tkellem dwar il-kruha tal-gwerra u dwar it-tbatija li ġġib magħha l-immigrazzjoni. Immaġinaw li kieku tkellem dwar il-biża’ tal-vjolenza, dwar it-tfittxija tal-kenn, dwar it-theddida ta’ invażjoni u dwar is-sagrifiċċju li għamlu l-alleati u ħbieb oħra ‘l bogħod minn xtutna biex ikunu ta’ sostenn għalina.
U waqt li jkun qed jagħmel id-diskors immaġinarju tiegħu, immaġinawħ jispjega r-raġunijiet il-għala l-gvern tiegħu qed igħaddi nformazzjoni bil-moħbi lil-Libjani dwar refuġjati li jkunu ħadu riskju b’ħajjithom u ħarbu mill-ħajja ta’ lsiera li qed igħixu fil-kampijiet tax-xogħol fil-Libja. Kien ikollu jispjega il-għala dan l-att ta’ mistħija (u forsi anki, fl-isfond tal-liġi, att ta’ natura kriminali) ma sarx legalment u bil-miftuħ permezz tal-ambaxxati u tal-ministeri tal-affarijiet barranin taż-żewġ pajjiżi. U minflok, jippermetti li tinħema konfoffa bejn dak il-ħalliel Neville Gafà u Haytham al-Tajouri, bniedem li diġà ssemma’ minn Nazzjonijiet Uniti għall-abbużi li wettaq kontra d-drittijiet tal-bniedem u għall-atti ta’ estorsjoni kontra qraba ta’ priġunieri li jinsabu f’kampijiet ta’ konċentrament immexxijin minnu.
Immaġinaw lil Joseph Muscat hu u jispjega kwotazzjoni ta’ “uffiċjal governattiv anzjan” li, bi kliem li tista’ ssejjaħlu bħala neo-Nażista, lis-Sunday Times of Malta llum qalilha li allaħares ma kienx Neville Gafà għax kieku pajjiżna jinsab mgħarraq bl-immigranti.
Skonthom il-problema qed isibu tarfha billi jgħinu lil Libjani jerġgħu jaqbdu lir-refuġjati u jkakxruhom lura lejn l-infern li kienu qegħdin fih. In-Nażisti riedu jwettqu l-lebensraum bis-saħħa tat-trasportar ta’ Lhud lejn il-lvant permezz tal-vapuri tal-art. F’Malta “nsalvaw lill-immigranti mill-għarqa” billi nqabbdu lill-Libjani biex ikaxkruhom permezz ta’ dgħajjes lejn in-nofsinhar.
U biex din l-imġieba tkun waħda ġustifikata, jeħtieġ li tkun ukoll waħda sigrieta. Dawk il-laqgħat li kellu Gafà tista’ ssejjħilhom il-Konferenza Wannsee tagħna.
L-unika raġuni il-għala dalgħodu tas-Sunday Times of Malta ngħataw din l-informazzjoni minn “uffiċjal governattiv anzjan” hi biss waħda ta’ espedjenza politika: dawn ikkalkulaw li b’din l-aħbar lil Neville Gafà xorta jkunu jistgħu isalvawlu ġildu u jżommuh Kastilja minkejja x-xhieda kontrih li ngħatat fil-qorti fil-ġranet li għaddew.
Ikun hemm min jaqra’ s-Sunday Times of Malta llum u lil Neville Gafà – persuna li teżisti xhieda kontrih fil-qorti dwar tixħim u estorsjoni – jqisu bħala xi eroj nazzjonali, jew forsi anki salvatur, għaliex qed isalva lil Malta milli tiġi mgħarrqa taħt il-piż tal-immigranti.
Għal dawn Gafà huwa t-Toni Bajada ta’ żmienna.
Saħansitra anki Heinrich Himmler kien jippretendi l-gratitudni talli tejjeb is-sitwazzjoni tal-akkomodazzjoni bejn il-bliet ta’ Berlin u Königsberg.
Il-mexxejja tagħna jridu jnessuna li l-gwerra ġabet magħha infern tad-dinja, ġabet magħha skjavitù furzata, ġabet magħha immigrazzjoni furzata u ġabet magħha vjolenza fuq popli sħaħ. U qed jieħdu kull opportunità biex inessuna l-istorja tagħna stess. Il-prim ministru tagħna okkażjoni bħal din jaħrabha – għax, bħal speċi, logħba futbol hi aktar importanti.
F’Jum it-Tifkira għandha niftakru l-gwerer li liċ-ċivilitajiet il-kbar tal-Ewropa qabbduhom it-triq ta’ barbariżmu liema bħalu.
Dan huwa li qed iseħħ fi żminijietna. Minflok niftakru minn dak li għaddew minnu ta’ qabilna, nippreferu li ninsew. U għaliex nippreferu li ninsew, ma naħsbuhiex darbtejn li nikkawżaw it-tbatijiet fuq persuni li ma nafuhomx. Għaliex, kif qal lis-Sunday Times of Malta dalgħodu uffiċjal governattiv, “lil dawn m’aħniex responsabbli għalihom aħna”.
Ma’ nżul ix-xemx u hekk kif jibda’ jbexbex, uħud minna ser jiftakru fihom.