Il-President George Vella llum għamel diskors li spikka. Diskorsu ma kienx fih kliem li ta’ spiss jinsistu li jlissnu ministri tal-gvern tiegħu dwar kemm għandna nitħassruhom talli sfaw vittmi ta’ tradiment u dwar kemm jisgħobbihom li Daphne kienet inqatlet minkejja l-fatt li kienet tikkritikahom bl-aħrax, li qaddisa ma kienitx u, tafu intom, li kienet qed tistedinha.
Il-President lissen kliem li s’issa ma lissinhom ebda Owen Bonnici, ebda Chris Fearne, ebda Michael Farrugia, ebda Robert Abela u ebda bniedem ieħor li jixtieq isaltan fuqna minn Jannar ‘il quddiem. Illum il-President tkellem dwar “iċ-ċorma li ġabet mistħija fuq pajjiżna”. Qed nassumi li George Vella hawn ma kienx qed jirreferi għat-“tradituri” li jissemmew is-soltu: jiġifieri l-familja Caruana Galizia, Caroline Muscat, jien u “għedewwa tal-poplu” oħrajn.
Il-President tkellem dwar “ċorma”. Din il-kelma għażilha hu u tinsab fl-istqarrija maħruġa mill-uffiċċju tiegħu. Skont il-President, il-membri ta’ din iċ-ċorma huma l-veri tradituri u, wara li dawn tiddabbrilhom rashom, jeħtieġ li nerġgħu nibnu lill-pajjiż mill-ġdid.
Huwa qal li, bħala poplu, jeħtieġ li jkollna d-dixxiplina, l-kuraġġ, id-determinazzjoni u l-moderazzjoni. Din hija fehma bilanċjata u, li kieku tassew kellna t-tama li jista’ jkun hemm bidla vera, din il-bidla nistennewha sseħħ bid-dixxiplina u bil-moderazzjoni.
Fil-fehma tiegħi l-President għandu raġun igħid li hu ma jistax jindaħal direttament biex isseħħ il-bidla. Esperti fil-materja jsostnu li l-President għandu jkollu spazju legali biżżejjed biex ikeċċi lill-prim ministru u jaħtar ieħor minn fost il-partit li jgawdi maġġoranza tas-siġġijiet fil-Parlament. Ma naqbel xejn ma din il-pożizzjoni. Tgħid x’tgħid il-Kostituzzjoni, m’hemmx dubju li 45 sena ilu l-intenzjoni tal-leġislatur kienet li l-President kellu jissostitwixxi lir-Reġina u ma kien hemm ebda ħsieb li jiżdiedu s-setgħat tal-kap tal-istat.
U għandi nifhem li kulħadd għandu jaqbel li r-Reġina m’għandha ebda dritt li tkeċċi Prim Ministru, tkun xi tkun ir-raġuni, kontra r-rieda tal-maġġoranza tal-membri parlamentari.
Madankollu dan ma jfissirx li George Vella m’għandux responsabbiltajiet x’jaqdi u minn dak li smajna llum jidher li l-President bi ħsiebu jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu. Jidher li mhux bi ħsiebu jinħeba wara r-retorika tal-ministri tal-gvern u li lest juri t-triq li għandha tinqabad.
Għandi nifhem li George Vella qed ixomm li, mal-mogħdija taż-żmien, qed ikomplu jiżdiedu – saħansitra anki minn fost is-segwaċi l-aktar lejali tal-Partit Laburista – dawk li ntebħu li l-klassi politika għaddiethom biż-żmien. Jekk veru qed jara daqshekk fil-bogħod – u l-fatt li issa jinsab barra mill-arena politika hu ta’ vantaġġ – ikun wasal għall-konklużjoni wkoll li t-tkomplija tal-glorifikazzjoni ta’ Joseph Muscat fi tmiem it-tmexxija tiegħu se tkompli tkabbar il-gidba. Għad hemm min qed iċapċap u se jkunu proprju dawn li ser jirrabjaw l-aktar meta jasal jum il-kontijiet.
Minn kliemu, George Vella jidher li jrid iwaqqaf it-tkattir ta’ din il-gidba. Iżda, jekk irid, għandu l-ħila li jagħmel aktar minn hekk.
George Vella jaf sew li dawk li qed jiġu mitmugħa l-gideb jkunu lesti li jisimgħu minnu. Dawn in-nies kienu jkunu infurmati aħjar li kieku semgħu u fehmu dak kollu li aħna konna għidna fl-imgħoddi. Id-demokrazija tagħna ma kienitx tkun fil-kriżi li tinsab fiha bħalissa li kieku ma ġiex sfruttat it-tribaliżmu miċ-“ċorma” biex din setgħet taħtaf is-setgħa u terda’ demm pajjiżna.
Dawn in-nies kienu jkunu nfurmati aħjar li kieku ġie spjegat lilhom il-funzjoni vera ta’ ġurnalist x’inhi. Li kieku dawn apprezzaw li xogħol Daphne ma kienx li jreġġa’ lin-Nazzjonalisti fis-setgħa iżda li tinforma liċ-ċittadini dwar dak kollu li kienu qed jagħmlu l-politiċi, dawn setgħu gawdew mid-dritt bażiku tagħhom bħala ċittadini li jkunu nfurmati.
Dawn iċ-ċittadini ġew mitmugħa l-gideb miċ-ċorma għaliex ix-xandir partiġġjan kien taħt il-kontroll strett taċ-ċorma. Li kieku tliet snin ilu – u mhux issa – dawn semgħu x’kellha xi tgħid Daphne, kienu jifhmu aħjar dak li kienet qiegħda tagħmel iċ-ċorma li tant ġabet mistħija fuq pajjiżna.
Daphne għamlet sforzi kbar u ħallset il-prezz billi nqatlet minn din iċ-ċorma li tant ġabet mistħija fuq pajjiżna.
Jeħtieġ li, lil dawn iċ-ċittadini, George Vella jispjegalhom li bl-assassinju ta’ Daphne, iċ-ċorma ċaħħdithom mid-dritt demokratiku u kostituzzjonali tagħhom li jinżammu nfurmati. Dakinhar li qatlu lil Daphne, l-assassini ma kellhomx lin-Nazzjonalisti fil-mira tagħhom. Fil-mira tagħhom kien hemm is-segwaċi taċ-ċorma: lil dawn riedu jċaħħduhom mid-dritt li jsiru jafu x’verament kienu qiegħdin jagħmlu. M’għandniex xi ngħidu, li kieku ntebħu b’dak li kien verament qed iseħħ, kienu jmutu bil-għali.
George Vella huwa l-għassies tal-kostituzzjoni. Dan ifisser li jkun jeħtieġ li jispjega lil dawk fost il-poplu li għandhom it-taħwid f’moħħhom u jiċċaralhom dak li seħħ tassew. Jeħtieġ igħidilhom li Daphne ma kienitx l-għadu iżda l-alleata tagħhom li rriskjat ħajjitha u kull ma kellha għal qalbha biex huma setgħu jifhmu l-verità u li l-għedewwa veri tagħhom huma dawk li spiċċaw qatluha.
Nhar it-Tnejn se ssir is-26 velja fil-Belt Valletta li fiha ser nerġgħu nsejħu għall-verità u l-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia kif ukoll għal Malta. Wasal iż-żmien li jkun il-President li jmexxi lin-nies imnikkta. Naf li bosta jkunu dawk li ser jitmeżmżu jekk jarawħ hemm. Iżda ġest bħal dan jista’ jkun il-bidu tat-triq li jista’ jwassal biex tiddewwa l-ferita.
Tistennewx wisq għajnuna mingħand il-partiti politiċi. Iż-żewġ partiti ewlenin m’humiex lesti li jagħmlu t-tibdiliet li hemm bżonn u li qatt ma mmaġinaw li jeħtieġ li jagħmlu b’riżq il-pajjiż.
Sur President, il-Belt Valletta hi l-belt tiegħek. Aħna l-poplu tiegħek. Jekk Malta m’hix il-ġgajta li tant ġabet mistħija fuq il-pajjiż – u aħna nafu li m’hix – Malta hi dawk kollha li mit-toroq qiegħdin isejjħu biex tfeġġ il-verità u biex isseħħ il-ġustizzja.
Nhar it-Tnejn nistednuk biex tiġi u tixgħel xemgħa. Tkun qed tgħin biex jintemm dan l-akbar assedju.