Mela. Ara fhimtekx sew Joseph.
Int kont lest biex tagħti proklama lil min kien labranzetta ma’ Keith Schembri, iċ-chief of staff tiegħek, ġewwa Kastilja, imma ma kontx komdu tirrakkomanda maħfra, jew għall-inqas plea bargaining, biex titnaqqas is-sentenza, ta’ min kien qiegħed jallega illi l-mandant u allura l-mastermind wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kien Keith Schembri.
Mill-provi li nafu bihom sal-lum, għandna stat ta’ fatt issa, mhux aktar allegazzjoni, illi Keith Schembri kellu aċċess għar-recordings kollha tas-servizzi speċjali u li kien qed iwassal l-informazzjoni kollha lil Yorgen Fenech fuq l-iżviluppi u tal-kontenut tal-provi li kienu qed jinġabru u li kienu qed jinkriminaw lilu u/jew lil Yorgen Fenech bħala l-mandanti tal-omiċidju.
Għandna prova wkoll, mhux allegazzjoni, illi lil Yorgen, Keith talbu biex ma jikxfux, biex ikun jista jgħinu.
Hemm prova oħra, mhux aktar allegazzjoni, illi wara li kien arrestat Yorgen, lit-tabib tiegħu Vella, Keith Schembri bagħtu bħala messaġġier l-isptar Mater Dei, sabiex jinqeda bih bħala ‘conduit’ biex iwassallu informazzjoni dwar il-progress tal-andament tal-investigazzjoni.
Mela Yorgen nafu biċ-ċert, mhux bl-allegazzjonijiet biss, issa, illi Keith, minn kollox għamel biex Yorgen ma jikxifx l-involviment tiegħu. Mhux hekk?
Tista’ tgħidli, fid-dawl ta’ dan kollu, kif il-kummissarju tiegħek, ħeles lil Keith mill-arrest mingħajr ma resqu?
Jekk Keith, kif jidher ċar minn fejn qed inħarsu aħna, kellu aċċess liberu għar-recordings tas-servizzi sigrieti dana wkoll kellu s-setgħa li jimmanipula r-recordings li jinkriminaw lilu u jitfgħu lil Yorgen fi xkora.
Mhux hekk?
U jekk hu hekk, jista’ jkun li f’dar l-istadju hemm probabbilta, mhux iktar possibilita, li l-uniku xhud li jista’ jikxef il-verita’ kollha huwa Yorgen Fenech u Yorgen Fenech biss.
Mhux hekk?
Yorgen Fenech ma ħaqqux maħfra kompleta. U żgur li le.
Pero forsi stajt tikteb ittra kif ktibt għal Melvyn, li gie fotografat Kastilja labranzetta ma’ Keith, fejn inti stajt faċilmet tikkondizzjona l-premju, biex insejjħulu hekk, li kellu forsi jingħata Yorgen Fenech biex jikxef kollox li jaf dwar dan l-assassinju u l-mottiv warajh u jkompli jikxef kull ma jaf dwar Keith u l-involviment tiegħu u tiegħek, direttament jew indirettament, f’sensiela ta’ skandli ta’ korruzzjoni?
Dażgur li ma stajtx. Mela int miġnun, jew. Miġnun. Imma mhux daqshekk.
Ħu paċenzja, inti ma tistax ikollox l-awtorita u d-diskrezzjoni biex tagħti jew ma tagħtix maħfriet.
Int u Keith, postkom ‘il bogħod kemm jista’ jkun minn din l-investigazzjoni.
Irreżenja llum.
Jien bħala ċittadin Malti, lest li lil Yorgen, illi milli jidher ħa jibla kollox hu, nagħtih sentenza ridotta bi skambju għal informazzjoni li tista’ tikxef l-għanqbuta u l-brimba li hemm tirrakkmaha.
Daphne iqatlet. Issa tard wisq, mhux ħa nqajjmuha mill-mewt. Imma biex tinkixef il-verita u biex jissaffa dal-pajjiż, darba u għal dejjem, jiena lest, bħala cittadin Malti, li ninnegozja mal-ħażin biex naqbad lil min hu agħar minnu. Konvint ukoll, illi li kieku Daphne tista’ titkellem, din miegħi ħa taqbel.
Warrab illum.
Int m’intix il-Prim Ministru tagħna.
Il-maħfriet jingħataw minn min mgħandux kunflitt ta’ interess.
Il-kunflitt tiegħek lampanti, Joe.