Hemm bosta raġunijiet il-għala wieħed għandu jsegwi d-dokumentarju li xandar ir-Rai nhar il-Ħadd li għadda. Forsi wieħed ikun jista’ jifhem il-għala l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia mhux se jħalli effett fuq Malta biss. U dan mhux biss għaliex din il-ġrajja hi dwar assassinju ta’ ġurnalista u li l-ġurnalisti minn madwar id-dinja għandhom neċessarjament juru interess f’ħaġa bħal din.
Din hi ġrajja li ser tħalli effett fuq l-Ewropa, kif irrakkonta tant tajjeb uffiċjal anzjan Taljan li ġie intervistat matul il-programm. L-għaqda Ewropea u l-ħolqien ta’ munita Ewropea waħda ppermettew lill-mafjużi li jilħqu lill-Ewropa kollha mingħajr xkiel. Lill-Ewropa kollha dawn għamluha l-maqjel tagħhom.
Iżda l-awtoritajiet tal-pulizija xorta waħda għadhom qed isibu x-xkiel minkejja l-fatt li tħassru l-fruntieri bejn stat Ewropew u ieħor. Investigaturi qed ikollhom jistennew it-tweġibiet għal ittri rogatorji u qed ikollhom jaħdmu ma’ pulizija lokali li ħafna drabi jkunu qed jiġu imxaħħma mill-mafjużi nnifishom.
Id-dokumentarju maħdum minn Maria Grazia Mazzola jinkludi intervista interessanti ma’ Federico Cafiero de Raho, il-prosekutur Taljan ta’ kontra l-mafja u t-terroriżmu.
Dan jirreferi għal Malta u jintalab igħid x’kien għadda minn moħħu hekk kif sema’ bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa wieġeb hekk: “kull meta tingħata priorità ewlenija lit-tkabbir ekonomiku, tispiċċa li jkollok persuni joperaw f’kull qasam li fih ikunu jridu joperaw u dan mingħajr xkiel u mingħajr kontrolli ta’ xejn”.
“Pajjiż demokratiku għandu jkun konxju dwar l-identità tal-fatturi ekonomiċi li jkunu qed jaħdmu fi ħdanu. Dawn il-fatturi Malta m’hix tgħarbilhom. Il-prodott gross domestiku ta’ Malta jikber. Iżda r-realtà hi li Malta saret pajjiż li nħakem mill-kriminalità organizzata.”
Huwa jirreferi għall-prezz li qed ikollna nħallsu għar-regħba bla rażan u għall-kilba bla kontroll għat-tkabbir ekonomiku a spejjeż tas-sigurtà bażika tagħna. U jitkellem ukoll dwar il-mod kif sfruttajna l-benefiċċji tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea biex nistagħnew malajr kemm jista’ jkun.
“L-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tibda’ taħseb biex tfassal u tadotta liġijiet komuni Ewropej. Lil dawn il-pajjiżi qed niftħulhom għajnejhom għall-perikli li jġibu magħhom l-iNdranghestisti, l-Mafjużi u l-Kamorristi. Dawn ilkoll qed jirnexxielhom jitwaħħdu ma’ dawk li jmexxu l-ekonomija u ma’ dawk li huma attivi fil-politika.
“Hemm bosta pajjiżi li jaħdmu fl-ambitu tal-liġi u li jadottaw regolamenti iebsin biex ikunu jistgħu jikkontrollaw il-kriminalità. Iżda hemm ukoll pajjiżi oħrajn li jippermettu t-tkabbir ekonomiku fit-territorju tagħhom mingħajr kontroll ta’ xejn”.
Federico Cafiero de Raho ġie mistoqsi liema huma dawn il-pajjiżi. “Ir-Rumanija, Malta, is-Slovakkja. L-Italja qiegħda tgħin ukoll pajjiżi tal-Balkani li qed jissieltu ma’ problemi serji relatati mal-infiltrazzjoni tal-kriminalità organizzata.
“F’dawn il-pajjiżi, l-kriminalità sabet l-ispazju biex taħdem għaliex mhux qed isiru investigazzjonijiet li jistgħu jidentifikaw l-irkejjen minn fejn ikun qed jiġi l-investiment. M’hemm ebda kontrolli li jistgħu jħollu r-rabtiet bejn il-kriminalità u s-setgħa.”
Din il-problema fundamentali ta’ żminijietna u l-mod kif wieħed jista’ jsib tarfha għadhom ma bdewx jiġu diskussi mill-membri tal-klassi politika. Għad hemm wisq reżistenza kontra soluzzjoni estensiva fit-twettiq tal-ġustizzja għal dawk li qatlu lil Daphne Caruana Galizia. Iżda lanqas ma hemm għarfien li jeħtieġ li jinstab tarf tal-kwistjonijiet li dwarhom kienet kitbet Daphne Caruana Galizia.
Il-klassi politika m’hix titħaddet dwar modi ġodda kif jista’ jinħoloq il-ġid, dwar kif jista’ jkollna ekonomija b’saħħitha li tista’ ssostni l-aspirazzjonijiet tal-poplu aħna u nippruvaw inkissru l-ktajjen tal-patt imxajtan li ninsabu fih. Kif nistgħu inkomplu noħolqu x-xogħol għal kulħadd u fl-istess waqt ma nħallux lill-mafja tuża t-territorju tagħna biex taħsel flejjes ġejjin mit-traffikar tal-ilsiera u tad-drogi? Kif jista’ jibqa’ jkollna ekonomija miftuħa għad-dinja mingħajr ma tkun ukoll bażi għall-furbani?
Kif se nsaħħu lill-istituzzjonijiet tagħna b’mod li dawn ikunu jistgħu jilqgħu għall-attakki tal-kriminalità organizzata u jkissru kull rabta li jista’ jkun hemm bejn il-politiċi, r-regolaturi u n-“negozjanti” li huma biss il-faċċata pulita u rispettabbli tal-kriminalità?
Kif nistgħu intejbu l-liġijiet biex ma jinqabadx biss il-makku iżda jibdew jinqabdu wkoll il-balieni mafjużi li jhemżu lil xulxin mingħajr ma jħammġu jdejhom?
Jeħtieġ nifhmu li l-kliem ‘Mafia State’ m’humiex biss slogan jew aġġettiv ieħor li bihom inkunu nistgħu nsejħu gvern li ma jkollniex grazzja miegħu. Iżda huma kliem li jiddeskrivu pajjiż li jkollu l-istituzzjonijiet tiegħu maħkuma mill-kriminali barranin u mill-kompliċi Maltin tagħhom. Il-klassi politika lokali meta se tintebaħ li jeħtieġ tfassal liġijiet kontra l-mafja li jagħtu s-setgħa lill-aġenziji li jinfurzaw il-liġijiet biex b’hekk ikunu armati sewwa għal kontra l-akbar għadu li qatt kellhom ma’ wiċċhom?