Kienet Daphne Caruana Galizia li ġiet assassinata permezz ta’ karrozza-bomba u kienu l-membri tal-familja tagħha li tilfu omm, bint, oħt u mara. Iżda l-gvern moħħu biex jilgħabha tal-vittma ta’ dan id-delitt faħxi. M’huwa ħadd ħlief Keith Schembri li qed jiġi mixli fil-qorti minn xhud li ngħata l-proklama mill-gvern stess, li kien “għen” lil Yorgen Fenech, il-bniedem li jinsab mixli mill-gvern li kien il-moħħ wara t-twettiq tad-delitt. Keith Schembri kien l-aktar uffiċjal setgħan tal-gvern, iżda l-gvern xorta waħda jrid li jitpinġa bħala l-vittma ta’ dan id-delitt.

Keith Schembri għadu sal-lum jiġri barra. Dan qed jingħata l-kenn u l-protezzjoni minn sieħbu Joseph Muscat, li għadu sal-lum jokkupa l-kariga li għandu f’Kastilja u Neville Gafà għadu sal-lum igħaddilu informazzjoni dwar Alla biss jaf fuq xiex mill-ogħla sede tal-gvern taħt imnieħer il-prim ministru. U minkejja dan, il-gvern irid jilgħabha tal-vittma ta’ dan id-delitt.

Mhux kull ġurnalist sema’ l-istess diskors li ntqal fil-qorti. Iżda f’ħin minnhom Melvin Theuma stqarr fil-qorti dalgħodu li qed jibża’ li jispiċċaw joqtluh. Huwa kompla jgħid li, ġaladarba Yorgen Fenech kien irranġa biex joqtol lil Daphne, kien qed jibża’ li issa jmiss li jinqatel hu. Dan dejjem skont kif irrapporta l-ġurnalista tat-Times of Malta dwar dak li xehed ix-xhud .

Madankollu tal-Malta Today, tan-Newsbook u tal-Lovin’ Malta semgħu ix-xhieda ta’ Theuma mod ieħor. Fl-istess kuntest, Melvin Theuma kien qed jitkellem dwar l-għajnuna li Keith Schembri kien jagħti lil Yorgen Fenech. U f’dan il-kuntest, ġie kkwotat li qal “bl-istess mod kif huma qatlu lil Daphne Caruana Galizia, huma kienu joqtlu lili wkoll”.

Huma.

M’għandniex xi ngħidu, malli nsegwu t-traskrizzjoni uffiċjali tax-xhieda li ngħatat dalgħodu inkunu nistgħu ngħidu b’ċertezza Melvin Theuma x’qal eżattament. Iżda dan ix-xhud li ngħata l-proklama jidher li qiegħed lilu nnifsu f’xifer hu u jispjega, minn banda, l-mod kif Keith Schembri kien jiġbor l-informazzjoni minn laqgħat tas-servizzi sigrieti f’Kastilja u jgħaddihom lill-moħħ wara l-konġura biex jitwettaq assassinju u, mill-banda l-oħra, jiċħad li  Keith Schembri kien huwa stess il-moħħ wara t-twettiq tad-delitt.

Dalgħodu Owen Bonnici tgħidx kemm kien melodrammatiku f’diskorsu. Il-vittma – jaħasra – qal li ħassu “tradut” li Keith Schembri kixef sigrieti uffiċjali lil qattiel li kien qed jiġi mfittex mill-awtoritajiet.

Ehe, ħassu tradut Owen?? Jaqaw Keith Schembri, li kien poġġut miegħu, qalibhielu ma’ xi ħadd li huwa iżgħar fl-età? Bħala Ministru tal-Ġustizzja u bħala persuna li ngħata s-setgħa li jingħata informazzjoni mis-servizzi sigrieti dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà, kienet u baqgħet ir-responsabbiltà ta’ Owen Bonnici li jħares l-integrità tal-informazzjoni tal-istat. Huwa jinsab fid-dmir li jassigura li l-frott tax-xogħol tal-investigaturi ma jiġix mgħoddi lill-assassini fuq platt tal-fidda.

Dakinhar li Owen Bonnici ġie mgħarraf li Yorgen Fenech huwa taħt id-dell ta’ suspett, kien messu kellu biżżejjed sens f’moħħu li jirrakkomanda li Keith Schembri ma jibqax jieħu sehem fil-laqgħat tas-servizzi sigrieti. L-akbar dover tiegħu ma kienx fil-konfront tal-prim ministru iżda fil-konfront tar-repubblika li favur tagħha kien għamel ħalfa. Kien messu ta parir formali lill-prim ministru u, jekk dan il-parir ma ttieħedx, kien messu għamel rakkomandazzjoni lill-membri sħabu tal-kabinett li, in vista tal-allegazzjonijiet marbutin ma’ 17 Black u Electrogas, Keith Schembri ma kellux jibqa’ jkollu aċċess għas-sigrieti tal-istat biex b’hekk tiġi mħarsa s-sigurtà nazzjonali.

Minflok qeda’ dmiru, Owen Bonnici għamel sentejn sħaħ jikkalpesta d-drittijiet tal-bniedem u fl-istess waqt igħidilna li “għax haw’ għandna r-rooloflow, ħi”.

Rajniha r-rule of law, sur ministru.

Għal dawn l-aħħar sentejn, li kieku ndenja ruħu jaqra’ dak kollu li nkiteb fil-kartelluni li neħħa kuljum minn mal-mafkar tal-Assedju, kien forsi jdaħħal xi ftit melħ f’rasu u ma kienx issa jġib ruħu qisu mbeċilli. Għal sentejn sħaħ, l-istat kellu fuqu d-dell tas-suspett dwar dan id-delitt. Kien appuntu minħabba dan id-dell ta’ suspett li kienet saret il-kampanja madwar l-Ewropa kollha biex titnieda inkjesta indipendenti. Li kieku m’għamilx sentejn sħaħ jagħmel reżistenza kontra t-tnedija tal-inkjesta, fi stadju aktar bikri kien forsi jifhem dak li aħna ilna nissuspettaw.

Lil Owen Bonnici ħadd ma ttradieħ. Kien hu li ttradiena. Bl-aċċess li kellu għal informazzjoni privileġġjata, ma ssuspettax jew lagħbha li ma ssuspettax li sieħbu bil-qiegħda ma ġenbu mal-istess mejda kien ħobża u sikkina ma’ dak li fuqu kien hemm suspett li huwa l-assassin. Jidher ċar li Melvin Theuma qed jagħmel sforz biex ma jiżloqx fi kliemu. Il-fatt li Malta m’għandhiex leġislazzjoni dwar il-mafja fil-kodiċi kriminali jista’ jkun ta’ tfixkil.

Nieħdu eżempju ta’ serqa minn bank. Tliet ħallelin mgħammda jidħlu f’bank armati b’snieter isserrati. Wieħed minnhom jispara u joqtol pulizija li kien għassa u t-tliet ħallelin jiġbru numru ta’ xkejjer mimlijin flus. Barra l-bieb tal-bank, hemm karrozza tistennihom. Ix-xufier ipaqpilhom tliet darbiet hekk kif, mingħand ħabib fil-kwartier tal-pulizija, jirċievi sinjal fuq il-mobile tiegħu li l-pulizija kienu fi triqithom lejn il-bank. Iżda dawn jilħqu jaħarbu qabel tasal il-pulizija u jsuqu għal ġo garaxx. Hemmhekk jintlaqgħu minn tellar li jagħtihom karrozza oħra biex jiskappaw biha u l-karrozza li kienu saqu dlonk jibda’ jżarmaha biex ma tibqax tintagħraf. Dawn iġorru l-flus kollha magħhom u, wara tliet xhur, iħallsu lill-ħabib li kien għaddielhom l-informazzjoni mill-kwartier tal-pulizija u lit-tellar tal-garaxx.

Jaqaw Melvin Theuma donnu qed igħid li Keith Schembri kien ix-xufier tal-karrozza li stenna lill-ħallelin barra l-bieb tal-bank? Jew li forsi kien dak il-ħabib li kien għaddielhom l-informazzjoni mill-kwartier dwar il-wasla imminenti tal-pulizija fuq il-post tad-delitt? Jew li nkella kien it-tellar tal-garaxx?

Mhux importanti x’kien. Il-pulizija li kien għassa nqatel u l-Keith Schembri metaforiku kien parti mill-konġura li qatlitu.

U minkejja dan kollu, il-veru Keith Schembri jinsab imexxi l-pajjiż mill- Mellieħa filwaqt li Owen Bonnici jidhirlu ma ġara’ xejn jekk imur jgħid li jħoss tradiment u fl-istess ħin jibgħat in-nies tiegħu biex jikinsu l-fjuri u x-xemgħat minn mal-mafkar ta’ Daphne fil-Belt Valletta.

Wara kollox, dan ix-xogħol jeħtieġ li jagħmlu xi ħadd, hux tassew?