Il-kelma ‘provokazzjoni’ ilissnuha biss il-ġwejjef. U jlissnuha meta ma jkollhomx argumenti bis-sens x’joffru u meta jkunu qed ilestu ruħhom biex iwieġbu bil-vjolenza. Meta ma jkunx fadlilhom skużi biex igħawwġu l-fatti u meta ma jibqgħux fil-pożizzjoni li jpinġu l-ġennati bħallikieku dawn għandhom mir-raġuni, isibu ġustifikazzjoni biex ixammru l-kmiem u jfajjru d-daqqiet.
Meta l-gvern spiċċawlu l-argumenti u l-iskużi kollha waqt li kienu għaddejjin il-protesti fit-toroq li sejjħu għar-riżenja tal-prim ministru, bdiet tissemma’ l-kelma ‘provokazzjoni’. Hekk kif bdew ħerġin il-provi fil-qorti, hekk kif bosta – inklużi wħud li dejjem appoġġjaw lil tal-Labour – bdew jintebħu bis-serjetà kbira tal-iskandli li kienu qed jinkixfu, hekk kif l-iskużi u l-ġustifikazzjonijiet ta’ dawn l-aħħar tliet snin inkixfu li kienu biss gideb u qerq, il-gvern bidel it-ton u beda’ jgħid li d-dimostranti kienu qed “jipprovokaw”.
Ikkunsidraw ftit kif nhar Jum ir-Repubblika, tista’ tgħid ġiegħlu lill-korp tal-pulizija kollu jidħol il-Belt Valletta bit-tama li jinqala’ xi inċident u, wara li ma seħħ ebda inċident, pinġew il-vittmi immaġinarji: is-suldati u l-Paralimpiċi. Il-gvern ried jiżvija s-suġġett li dwaru kienu qed isiru l-protesti: jiġifieri li għandna prim ministru mplikat fi qtil mgħaddas fil-ħmieġ tal-korruzzjoni u li l-pajjiż m’għandux ikollu prim ministru bħal dan. Il-gvern ried jiżvija s-suġġett għaliex huwa diffiċli li ma taqbilx mal-prinċipju li prim ministru m’għandux ikun ħalliel, aħseb u ara qattiel.
Il-gvern għalhekk iffoka fuq dawk li kienu qed jipprotestaw fit-toroq. Tkaża dwar kemm dawn jobgħodu l-Milied u dak kollu li hu sewwa fid-dinja. Dwar kemm dawn għandhom mibgħeda għal dawk li jinsabu fil-bżonn u li huma saħansitra lesti li jħassrulhom l-Istrina. Dwar kemm dawn jobgħodu lis-sidien tan-negozji u dwar kemm jixtiequ jħarbtulhom il-bejgħ.
M’għandniex xi ngħidu, dan l-argument igħodd biss għal min jaħseb li dawk li qed jipprotestaw fit-toroq qed jagħmlu dan għall-gost jew għax m’għandhomx x’jagħmlu. M’hemmx dubju li fost dawk li qed jipprotestaw hemm ġenituri u tfal li kull sena l-Milied jistennewħ b’ħerqa. Hemm dawk li jiddependu mill-ġenerożità tal-Community Chest Fund biex ikunu jistgħu jħallsu għat-trattament mediku kontra l-marda tal-kanċer li l-gvern qed jirrifjuta li jagħmel tajjeb għalih hu. Hemm ukoll is-sidien tan-negozji li jinsabu nkwetati bin-nuqqas ta’ xogħol li kellhom matul din is-sena. Saħansitra hemm ukoll membri tal-korp tal-pulizija u suldati li jappoġġjaw lil dawk li qed jipprotestaw iżda li jidhrilhom li jkun aktar għaqli għalihom li jibqgħu lura milli jissieħbu magħhom fil-ħin meta ma jkunux xogħol.
Fost dawk li qed jipprotestaw, kien hemm wieħed li ħareġ b’argument tajjeb. Jista’ jingħad li Christian Pace tkellem f’waħda mill-protesti mgeżwer fil-bandiera tal-LGBT pride. M’hemmx dubju li dan jagħmel parti minn kategorija ta’ persuni, jiġifieri LGBT. Iżda kellu raġun igħid pubblikament li, dan kollu għaliex jagħmel parti minn din il-kategorija, ma jfissirx li ser ikun lest li jaċċetta prim ministru korrott li hu wkoll implikat fi qtil. Ma niżlitlu xejn l-assunzjoni tal-gvern li hu jkun lest li jaċċettah.
Bħallikieku li biex tipprotesta kontra Joseph Muscat jeħtieġ li tkun bniedem eterosesswali! Dan huwa argument ridikolu daqs kemm hi ridikola l-idea li Christian Pace jew xi dimostrant ieħor kienu qed “jipprovokaw” – kulma qed jitolbu dawn hu li jwarrab il-prim ministru u li l-pulizija jfittxu li jinvestigawh bis-serjetà.
Joseph Muscat issa reħielha lejn id-Dubaj. Fl-istess ġimgħa li fiha ffaċċja kritika ħarxa talli kien aċċetta rigali lussużi mingħand Yorgen Fenech – il-bniedem li jinsab mixli bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia – siefer għal “btala” mal-familja li bil-paga li għandu żgur li ma setgħax ilaħħaq magħha.
Is-safra lejn id-Dubaj m’hi xejn ħlief ġennata. Btala ta’ tlitt ijiem f’post li tant hu l-bogħod prattikament tfisser btala ta’ jum wieħed. Telaq minn Malta l-Ġimgħa wara nofsinhar u wasal id-Dubaj kmieni s-Sibt filgħodu. Biex ikun jista’ jerġa’ lura għax-xogħol f’Malta nhar it-Tnejn, ikun jeħtieġ jitlaq mid-Dubaj nhar il-Ħadd qabel iżernaq.
Dan ifisser li mar għal btala ta’ jum wieħed fid-Dubaj.
It-titjira kienet waħda First Class. Li jfisser li għaliha ħallas l-ekwivalenti ta’ kwart ta’ dak li jaqla’ f’sena mill-paga. Kemm il-darba ħallas minn butu għall-ewwel darba f’6 snin lejlet ir-riżenja tiegħu, m’hemmx dubju li Muscat għamel ġennata biex nefaq dawk il-flus kollha għal btala ta’ jum wieħed biss.
M’għandniex xi ngħidu, għal din il-“btala” Muscat ma ħareġ xejn minn butu. Bħalma ħareġ xejn minn butu għall-arloġġi tal-idejn li jiswew l-eluf. Min jonfoq minn flejjes li ma jmisshomx qiegħdin f’butu, jkun ħati tad-delitt tal-miżapproprjazzjoni. Min jagħmel dan ikun qed jonfoq ġid misruq.
Bil-mentalità li hu mdorri biha Joseph Muscat, li wieħed jiffanfra b’ġidu hi mġieba mistennija. Id-dandin bil-ġid ma jqishiex bħala mġieba goffa u stramba. Għall-kuntrarju, l-vizzji mimlijin tlellix huma ta’ min jammirahom. Din l-imġieba hi waħda tipika ta’ min ma jafx jiddistingwi bejn dak li hu sewwa u dak li m’huwiex. Aktar ma jkollok, dejjem aħjar u mhux importanti l-mod kif ġie akkwistat il-ġid.
M’hemm xejn ġdid f’din il-mentalità: agħtu ħarsa lejn l-ilbies fin, iċ-ċrieket ħoxnin fis-swaba, il-karrozzi lussużi u l-kwantità ta’ deheb li jintlibes ma’ għenuq il-kapijiet tal-mafja u ma’ dawk tan-nisa tagħhom. U fil-verżjoni ta’ żminijietna ta’ dan kollu ssib irġiel drogati libsin ilbiesi pelliċi, b’ġiżirajjen tad-deheb ħoxnin imdendlin m’għonqhom huma u jxejjru mazez ta’ flus kontanti mdawwrin b’nisa li huma trattati bħallikieku huma għamara lussuża f’darhom.
Meta l-kriminali jibdew jiffanfraw b’ġidhom, ma jkunux qed igawdu l-frott ta’ ħidmiethom. Ikunu qed jipprovokaw u jkunu jridu jwasslu messaġġ lid-dinja li mhux biss huma kriminali iżda li għalihom ma jista’ ħadd. Jista’ jsir ftit li xejn dwar il-ġid li jkunu serqu. Iżda araw ftit il-mod kif dan il-ġid jonfquh.
Nistgħu nibqgħu nispekulaw dwar ir-raġuni vera wara vjaġġ twil 4000 kilometru għal “btala” ta’ jum u dwar jekk fid-Dubaj Joseph Muscat ingħaqadx mal-konġurist l-ieħor Keith Schembri. Min jaf il-bankiera tiegħu f’dak il-pajjiż qalulux li ma jistgħux jibqgħu jinnegozjaw miegħu u jekk għaddewlux ċekk bħalma kienu għaddew ċekk lil Yorgen Fenech meta kienu għalqulu l-kont tas-17 Black? Min jaf sifirx lil uliedu miegħu biex ikun jista’ joħolqulhom trust f’isimhom biex flusu ma’ jispiċċawx ikunu nvestigati minn xi investigazzjoni li għad trid isseħħ dwar l-imġieba tiegħu ta’ meta kien prim ministru?
Mhux probabbli li nsiru nafu t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet mill-lum għall-għada.
Iżda hemm ċerti fatti li ma jistax jiċħadhom. Joseph Muscat għamel din il-ġennata ta’ vjaġġ flimkien ma’ martu u wliedu. B’xi mod ħallas għall-passaġġi. L-ajruplan rikbu bi tbissima fuq fommu li tfakkrek fit-tbissima ta’ dak it-tifel li jkun qed jirkeb l-ajruplan għall-ewwel darba fi triqtu lejn Disneyland. Fir-ritratt li nġibed minn xi bidwi riekeb fil-Business Class, martu – hekk tistħajjilha li tistmaħ mill-għoli tal-pedestall tal-First Class li kienet fih – ma tantx dehret imħassba dwar il-fatt li, fi ftit jiem wara li jirritornaw lura mill-vjaġġ, ħajjitha kienet ser tinbidel.
Kienu jidhru friski daqs il-ħass. Kellhom l-arja fuqhom ta’ dawk li ma jista’ għalihom ħadd u l-messaġġ li xtaqu jwasslu kien proprju dan.
Riedu jipprovokaw lill-pajjiż u jisfidawh biex, jekk għandu l-ħila, jmexxi kontrihom dwar id-delitti li wettqu.
Il-bieraħ Joseph Muscat ingħata rikonoxximent mill-OCCRP bħala ‘l-Persunaġġ tas-Sena għall-Korruzzjoni Man’, li huwa “premju” li fl-imgħoddi kien ingħata lil Ilham Aliyev, lil Rodrigo Duterte u lil Vladimir Putin, fost oħrajn.
Huma u sejrin lejn id-Dubaj, il-koppja Muscat kienu qieshom m’humiex huma. Dawn niżlu fil-qiegħ li qabilhom kienu niżlu fih il-koppja Marcos, il-koppja Mugabe, il-koppja Suharto u l-koppja Ceausescu. M’humiex ser jibqgħu jiġu mfakkra daqs dawn il-koppji tiranni għall-fatt li r-reġim ta’ Muscat dam biss għal sitt snin.
Kull jum żejjed li jibqa’ fis-setgħa jfisser posponiment ieħor tal-fejqan ta’ pajjiżna.