Kontrolluri tal-ajru tal-Isvizzera il-bieraħ filgħodu ma tawx permess biex ajruplan tal-Air Malta li kien f’titjira lejn Londra jgħaddi mill-ispazju tal-ajru ta’ dak il-pajjiż. L-ajruplan għalhekk kellu jdawwar ir-rotta Swiss lejn l-Italja u jtir lejn Londra mingħajr ma jmiss mal-ispazju tal-ajru Svizzeru.

Riekeb fuq l-ajruplan kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat u membri tal-familja tiegħu. Magħhom kien hemm ukoll Karl u Diane Izzo li huma ħbieb tal-familja Muscat. Karl Izzo hu l-ambaxxatur ta’ Malta fil-Montenegro u martu hi sidt diversi negozji li joperaw taħt l-isem Dizz Group.

It-titjira KM100 tal-bieraħ filgħodu telqet fit-07:55. Meta, madwar siegħa wara, l-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru Taljani għaddew ir-responsabbiltà tat-titjira f’idejn il-kollegi Svizzeri tagħhom, l-awtoritajiet Svizzeri infurmaw lill-ekwipaġġ tal-ajruplan bid-deċiżjoni li kienet ittieħdet biex l-ajruplan ma jitħalliex igħaddi mill-ispazju tal-ajru tal-Isvizzera.

Hi proċedura normali għall-operaturi tal-ajru li jagħmlu nota fuq il-flight plan li biha jinfurmaw lill-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru li fost il-passiġġiera hemm kap ta’ gvern.

L-awtoritajiet Svizzeri ma taw ebda raġuni formali l-għala kienu ċaħdu l-permess biex l-ajruplan li fuqu kien riekeb Joseph Muscat jidħol fl-ispazju tal-ajru tal-pajjiż.

Għalkemm l-Isvizzera m’hix stat membru tal-Unjoni Ewropea, din topera fi ħdan il-European Single Sky Network. Ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss, il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru Ewropej huma mistennija li jippermettu titjiriet madwar l-Ewropa mingħajr xkiel.

Il-bieraħ jidher li tfaċċat “ċirkostanza eċċezzjonali” waqt li Joseph Muscat kien riekeb l-ajruplan fi triqtu minn Malta lejn Londra.