Il-bieraħ Jason Micallef qabad ma’ artista li nhar il-Ħadd li ġej ser tkun fuq il-palk wara li din iddeċidiet li tissieħeb fil-protesta kontra l-korruzzjoni. Tgħid il-għala qabad magħha? Qabad magħha għaliex din tidher regolarment f’programm li jixxandar fuq TVM. Għalhekk sabu arma li jistgħu jużawha għar-rikatt, jiġifieri l-konsegwenzi li jkollha ssib ma’ wiċċha jekk tiġġieled għal drittijietha u għat-twemmin tagħha.

Qed ngħixu tirannija dominata minn nies imxajtna. Din it-tirannija wieħed jista’ jiqfilha biss jekk jisfidaha. Jekk jissieħbu fil-protesta dawk kollha li jidhrilhom li mġieba bħal din m’hix aċċettabbli, għad jasal żmien li fih it-tiranni tant ikunu ftit fin-numru li ma jkollhomx is-saħħa li jintimidawna u li jikkastigawna.

M’għandniex xi ngħidu, hemm ħafna aktar raġunijiet oħra il-għala għandna nipprotestaw nhar il-Ħadd. L-initmidazzjoni tal-artisti u tad-dissidenti hi raġuni oħra. Bosta kienu dawk l-artisti li l-messaġġ kienu diġà fehmuh qabel il-bieraħ. Din hi r-raġuni il-għala ħafna minnhom jibqgħu lura mid-dissens u milli jipparteċipaw fil-protesti u joqgħodu b’seba’ għajnejn biex ma joffendux lill-gvern.

Din hi sitwazzjoni ta’ niket iżda hi wkoll waħda li wieħed jista’ jifhimha. Ejjew nirreżistu flimkien. Kunu hemm nhar il-Ħadd li ġej. Id-dettalji jidhru fil-poster ta’ hawn isfel.