Agħtu daqqa t’għajn lejn din it-tweet tal-ministru Byron Camilleri.

Il-loġika tiegħu tfakkarna f’dik ta’ Chris Fearne li, matul il-kampanja għat-tmexxija tal-Partit Laburista, qal li l-unika raġuni li l-PN jrid iżarma l-istazzjonijiet televiżivi tal-partiti hi li m’għandux il-finanzi biex ikompli jmexxi l-istazzjon tiegħu. Dan jista’ jkun minnu. Iżda l-argument m’huwiex dak.

Jekk il-partiti politiċi jkunu jistgħu jeżistu u li jikkomunikaw il-messaġġ biss skond kemm ikollhom saħħa finanzjarja, ma jkollniex demokrazija iżda plutokrazija li fiha l-influwenza politika tkun tiddependi biss fuq kemm partit ikollu flus u ġid.

M’għandniex xi ngħidu, f’Malta s-sitwazzjoni hi agħar minn din: għaliex hawn m’għandniex plutokrazija iżda kakistokrazija.

Bis-saħħa tad-demokrazija, jiggverna l-poplu.

Bis-saħħa tal-plutokrazija, jiggvernaw il-għonja.

Bis-saħħa tal-kakistokrazija, jiggvernaw l-agħar nies li jkollu pajjiż.

U sabiex ikunu jistgħu jħarsu l-influwenza tagħhom, il-għonja jiffinanzjaw lill-agħar nies biex dawn ikunu jistgħu jiggvernaw f’isimhom.

Din mhix teorija. B’liema mod tirrappreżenta lin-nies ta’ Pembroke is-sistema politika tagħna? Min għandu l-akbar influwenza fuq l-esitu tal-proċess politiku? It-tesserati tal-Partit Laburista (jew tal-Partit Nazzjonalista) li joqgħodu f’Pembroke u li jħallsu miżata kull sena? Jew inkella dak is-sinjurun li jħallas is-salarji ta’ dawk li jaħdmu fl-uffiċċji tal-partiti politiċi li kull m’għandu jagħmel hu li jċempel fejn għandu jċempel biex iserraħ rasu li joħroġlu l-permess biex ikun jista’ jibni torri mdaqqas fis-sit li qabel kien tal-ITS?

Kemm Byron Camilleri (kif ukoll il-PL) jeħtieġ jifhem li l-fatt li l-partit tiegħu hu aktar għani mill-PN m’għandux ikun il-kunsiderazzjoni li fuqha għandha tissejjes id-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tingħata għajnuna finanzjarja mill-istat lill-partiti politiċi jew inkella jkunx aħjar li l-partiti ma jibqgħux sidien ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni. Barra minn dan, il-fatt li tal-Labour huma aktar għonja mill-PN ifisser ukoll li tal-Labour huma bil-wisq aktar esposti għall-obbligi korrotti fil-konfront ta’ dawk li jiffinanzjawh.

Hi minn ewl id-dinja li l-partiti politiċi jfittxu li jiġu finanzjati permezz tad-“donazzjonijiet” magħmulin minn negozjanti. Huma permezz ta’ dawn id-donazzjonijiet li l-partit politiċi jinżammu ħajjin u dan għaliex il-ħlas tal-miżati mill-membri ċertament m’humiex biżżejjed biex ilaħħqu mal-ispejjeż. U l-istat – ħaġa mhux tas-soltu għal pajjiż Ewropew – ma jħallas xejn biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-partiti politiċi u tal-kampanji personali.

Din is-sitwazzjoni mhux biss tista’ twassal għall-korruzzjoni – hi ukoll waħda anti-demokratika. Hi sitwazzjoni li lill-partiti politiċi tirriduċihom fi prostituti li jittalbu l-flus mingħad l-għonja. U huwa ovvju li l-għonja ma jagħtu xejn ta’ xejn.

Jekk il-politika tal-pajjiż titfassal biss mill-kbarat, ikun hemm minn fost il-poplu li jispiċċa mingħajr leħen. U ma jfissirx li, għax tkun eżerċitajt id-dritt tal-vot, għandek leħen. Jekk il-partiti politiċi jinjoraw lil min jivvotalhom u jagħtu l-priorità lil dawk li jiffinanzjawhom, il-membri tal-partit ma jkollhom saħħa ta’ xejn u jkunu xejn ħlief kannoli bla krema.

Jekk Byron Camilleri u Chris Fearne ser joqgħodu jispekulaw dwar ir-raġunijiet il-għala tal-PN issa qed jinsistu fuq il-finanzjament tal-partiti politiċi mill-istat, ser ikolli nispekula dwar ir-raġunijiet il-għala l-PN kien biered fl-imgħoddi dwar din l-idea u il-għala tal-Labour llum ma tantx għandhom ħerqa li jikkunsidrawha.

Ir-raġuni hi li bis-saħħa tal-iffinanzjar tal-partiti politiċi mill-istat, dawn jibdew ikollhom jagħtu rendikont dwar il-mod kif ikunu nefqu l-flus. Dawk li jħallsu t-taxxi għandhom il-ħabta li jinsistu li l-flus li jinġabru mit-taxxi jintefqu b’mod responsabbli u li l-ispejjeż ikunu kontrollati. Għandhom il-ħabta wkoll jinsistu li l-istituzzjonijiet u l-proġetti li jiffinanzjaw bi flushom jkunu trasparenti, verifikati b’mod indipendenti u regolati b’regolamenti oġġettivi.

Wieħed jista’ jgħid li, sal-lum, il-partiti politiċi żammew kemmxejn ‘il bogħod mix-xkiel tal-kontabilità li japplika għall-istituzzjonijiet pubbliċi l-oħrajn. U dawk li jiffinanzjawhom ħassewhom dejjem aktar komdi li jistaħbew wara dawn id-“donazzjonijiet” biex imbagħad ikunu jistgħu jitħallsu lura minn fondi pubbliċi.

Jista’ jkun li tal-PN tant jinsab f’pożizzjoni finanzjarjament iddisprata li issa qed jippreferi x-xkiel tal-kontabilità u tat-trasparenza milli jibqa’ jeżisti bil-prospett tal-falliment finanzjarju mdendel fuq rasu. Issa pparagunaw dan kollu maċ-ċiniżmu tal-Partit Laburista li  – għax m’għandux problemi finanzjarji – qed igħid li ma jixtieqx jara lill-partiti politiċi jiġu finanzjati mill-istat.

Bir-riedni tal-gvern f’idejhom, tal-Labour ċertament ma żammewx lura milli jakkwistaw kemm jifilħu. Issa li nafu kemm kien maħmuġ il-gvern ta’ Joseph Muscat, ftit huma dawk li jiddubitaw kemm kienet ukoll maħmuġa t-tmexxija tiegħu tal-partit. Il-ġid kollu li għandhom illum x’aktarx huwa frott il-ħmieġ li l-poplu qed iħallas għalih bid-diżastri ambjentali u reputazzjonali li għandu ma’ wiċċu.

Il-fatt li l-Partit Laburista jinsab lest li jkompli jagħfas fuq il-partit oppost – partit li finanzjarjament jinsab dahru mal-ħajt – jikxef attitudni anti-demokratika.

Ta’ min ifakkar li fis-snin 90 meta l-PN kien fil-gvern, il-PN kien ippropona liġi li permezz tagħha l-partit politiċi jkunu jistgħu jiġu finanzjati mill-istat. Din il-liġi tal-Labour kienu kontriha. Il-PN kien ukoll ippropona riformi biex il-Parlament ikollu rappreżentanza aktar wiesa’ permezz ta’ partiti oħra. Tal-Labour kienu kontra din il-proposta wkoll.

Issa tal-Labour qed jerġgħu jkunu ta’ xkiel għar-riformi demokratiċi li pajjiżna tant jeħtieġ b’mod urġenti. Għal dawn l-aħħar 60 sena il-pajjiż kellu jitqanna’ b’sistema li fiha jsaltnu żewġ partiti. U għal dawn l-aħħar sitt snin kellna nitqannew b’sistema ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata li tfakkrna fil-korruzzjoni tas-snin 7o u 80.

Skont tal-Labour, is-sitwazzjoni m’hix daqshekk gravi. U jidher li l-imġieba tagħhom trid li twassal għal sitwazzjoni ta’ monopolju ta’ partit wieħed.

Jekk jaslu għal dan, is-sitwazzjoni tkun ħafna agħar milli hi bħalissa.