Dalgħodu Robert Abela qed jittama li l-gabirjoli li għamel dwar il-promozzjoni li ngħatat lil Konrad Mizzi, dwar iż-żieda fenominali fis-salarju li ngħata u dwar il-ħatra diplomatika prestiġjuża li tah se jservu biex itaffu r-rabja li nħolqot il-bieraħ.

Se jmut bil-piena.

L-istqarrija li ħareġ fis-siegħat bikrin ta’ dalgħodu li fiha qal li, tant jinsab impenjat favur il-governanza tajba, li ser jieħu azzjoni dwar Konrad Mizzi. L-azzjoni jmissu jeħodha fuqu nnifsu.

Il-ħatra għall-assemblea parlamentari tal-OSCE mhix waħda li l-uffiċċju tiegħu wiritha mingħand ta’ qablu. Din il-ħatra saret mill-grupp parlamentari li hu mmexxi minn Robert Abela stess. Kien hu li għażel li jaħtru u issa ma jistax jippretendi li għandna nemmnuh meta sal-bieraħ il-governanza tajba ġie jaqa’ u jqum minnha iżda mbagħad iridna nemmnuh li l-għada ra d-dawl.

Iżda huwa proprju dan hu li jixtieqna li nemmnu.

Aktar tard ħarġu bl-iskuża li “ma kienux jafu” bil-kuntratt ta’ konsulenza ta’ Konrad Mizzi li tatu l-aġenzija li kienet taqa’ taħtu ħmistax wara li kien tkeċċa minn ministru.

Il-kuntratt xi ħadd ċertament kien jaf bih. Il-bord tat-tmexxija tal-aġenzija tat-turiżmu ċertament kien jaf bih. Kienu jafu li kien irriżenja għaliex kienu jaqgħu taħtu. U minkejja dan, iffirmaw kuntratt miegħu u tawh premju b’żieda spettakolari fil-paga.

Jidher li l-aġenzija ntrabtet legalment għaliex Robert Abela – li sa ħmistax ilu kien għadu jipprattika bħala avukat – jidhirlu li jeħtieġ parir legali qabel jipproċedi biex jittermina l-kuntratt ta’ Konrad Mizzi.

Allura x’inhi r-raġuni li l-membri tal-bord tal-awtorità tat-turiżmu ma ġewx imġiegħla jwarrbu? U jwarrbu b’nota mingħand il-prim ministru li dawk li ser jieħdu posthom se jingħataw struzzjonijiet biex iħarrku lil ta’ qabilhom personalment u dan sabiex jinġabru lura l-ispejjeż li jistgħu jinħolqu bit-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ Konrad Mizzi.

Iridu l-governanza tajba, qalulna. Julia Farrugia Portelli, li ilha ħmistax li nħatret bħala ministru tat-turiżmu, stqarret li kienet għadha kemm saret taf li l-ministru skreditat ta’ qabilha li kien twarrab kien ukoll l-uffiċjal bl-aktar salarju għoli fil-ministeru tagħha. Din ċertament mhux biss m’hix governanza tajba, iżda lanqas biss hemm traċċa ta’ governanza. Dan m’hu xejn ħlief dilettantiżmu, medjokrità u inkompetenza imgeżwrin f’pakkett immarkat bil-kliem “korruzzjoni”, “kompliċità” u “impunità”.

Jaqaw Robert Abela qed jippretendi li l-istess nies li tant ipprotestaw fit-toroq sakemm ġiegħlu lil ta’ qablu jwarrab – minkejja li tal-Labour kienu jqisuh bħala l-kink – se jidħlu f’qoxorthom u jħallu dan it-taħwid kollu jibqa’ għaddej bħallikieku ma kien xejn?

Wara li għaddew ħmistax, irnexxielu jxejjen il-bona fede kollha li biha daħal fl-uffiċċju l-ġdid tiegħu. Wara ħamest ijiem minn dakinhar li ħa l-ġurament tal-ħatra, tilef waħda mill-ministri tiegħu wara li feġġ l-ewwel skandlu. U l-bieraħ, wara li bil-kemm għaddiet ġimgħa, lil Justyne Caruana ħatarha fuq kumitat parlamentari li jgħarbel il-liġijiet. Din governanza tajba? Dan m’huwa xejn ħlief ġenn.

Governanza tajba li lil Lawrence Cutajar tagħtih żjieda fis-salarju wara li dan wera’ li ma kien jiswa’ xejn fit-tmexxija tal-korp tal-pulizija? Liema kienu r-reati kriminali li suppost solva Lawrence Cutajar meta dan lanqas biss kellu l-ħila jxomm li ta’ warajh kien midħla sewwa – tant li kien isiefer miegħu – ta’ persuna suspettata bi qtil?

Governanza tajba meta lil Joseph Muscat terġa’ tilqgħu f’Kastilja – wara li dan kien twarrab mill-kariga skreditat madwar ħmistax qabel – u tiddikuti miegħu l-kuntratt korrott u kriminali tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet li s-sidien tagħhom ħadd ma jaf min huma?

M’hemmx aħjar minn governanza tajba li tkun falza. Robert Abela jidher li aktar moħħu li jmewwet il-protesti milli jmexxi l-gvern tiegħu fuq is-sisien tad-diċenza u l-korrettezza. Il-gabirjoli ma jimpressjonaw lil ħadd.

Nhar l-Erbgħa nerġgħu ninġabru quddiem il-bini tal-Parlament biex nipprotestaw.

Meta se nieqfu nipprotestaw? Jeħtieġ li nifhmu li m’aħniex qed nipprotestaw dwar il-premjijiet mhux mistħoqqa li ser jitneħħew minn taħt ħalq Konrad Mizzi. Se nipprotestaw għaliex Konrad Mizzi għadu sal-lum igawdi l-impunità u dan minkejja t-tixħim u l-korruzzjoni.

U se nipprotestaw ukoll kontra Joseph Muscat, Keith Schembri u l-bqija tal-klikka.