Julia Farrugia Portelli ħarġet stqarrija biex tgħid li ordnat lill-awtorità tat-turiżmu (li taqa’ taħtha) biex tħassar il-kuntratt ta’ konsulenza bla sens li din kienet iffirmat mal-ministru skreditat ta’ qabilha Konrad Mizzi, li kien irriżenja mill-kariga tiegħu.

Każ magħluq? Kollox ward u żahar issa? Din l-istorja tfakkarni f’dak il-ħalliel li jidħol f’ħanut li jbiegħ il-ħaġar prezzjuż liebes ta’ maskarat b’maskra tal-karnival f’wiċċu li jinqabad hu u ħiereġ inkiss inkiss mill-ħanut b’ħaġra prezzjuża f’butu. Il-pulizija tikkonfiskalu l-ħaġra, iżda ma tarrestaħx u tħallih jitlaq b’ammonizzjoni.

Għadhom lanqas bdew iroddu s-salib. Għadna ferm il-bogħod minn sitwazzjoni ta’ normalità. Sitwazzjoni li fiha nkunu nistgħu niskantaw bil-fatt li l-gvern għażel li jaħtar lil Jean Claude Micallef biex imexxi delegazzjoni parlamentari għall-OSCE. Bniedem li organizzazzjoni bħal din ma jifhimx akka r-raġuni għaliex kienet inħolqot. Iżda bħalissa hemm problemi li huma bil-wisq aktar urġenti. Julia Farrugia Portelli ppruvat isserrħilna rasna li Konrad Mizzi għadu ma tħallasx lanqas sitt ħabbiet ta’ dak li hu dovut taħt dan il-kuntratt. U, għaldaqstant, lill-ħalliel maskarat waqqfuh hu u ħiereġ mill-bieb tal-ħanut. Nistaqsi: il-kuntratt min kien li approvaħ? Julia Farrugia Portelli ma kienitx il-ministru responsabbli u għalhekk ħadd ma jista’ jwaħħal fiha. X’aktarx li (dan għadu mhux ċar) l-ministru responsabbli dak iż-żmien kien Joseph Muscat. Jista’ l-gvern dan jikkonfermah? Tgħid Joseph Muscat kien ħareġ ordni bil-miktub lill-awtorità biex din tiffirma kuntratt ma’ Konrad Mizzi? Tgħid din kienet xi inizjattiva ta’ Johann Buttigieg li ffirma l-kuntratt għan-nom tal-awtorità? Dan huwa l-istess galantom li kien ġiegħel membru tal-bord tal-ippjanar ittir lura lejn Malta fuq ajruplan privat biex tivvota favur l-iżvilupp fil-bajja ta’ San Ġorġ. Lil dan, Julia Farrugia Portelli keċċietu? Lill-membri tal-bord tal-awtorità tat-turiżmu keċċiethom? Tgħid il-membri tal-bord qed igħidu li ma kienu jafu b’xejn?

Dan mhux kollox. Meta rriżenja f’Diċembru li għadda, jaqaw Konrad Mizzi tħallas flejjes tat-terminazzjoni tal-impjieg? Jekk it-tweġiba għal din il-mistoqsija hi “iva”, dawn il-flejjes għandhom jitħallsu lura. Mhux sewwa li min jirriżenja minħabba l-arrest tal-assassin li allegatament qatel ġurnalista li kienet kixfet li kien ixxaħħam, xorta waħda jitħallas il-benfiċċji tat-terminazzjoni tal-impjieg.

U oħra. Konrad Mizzi meta ser jiġi investigat dwar ħasil ta’ flus maħmuġin u tixħim? Min ser jibda’ jiċċaqlaq wara li Manfred Galdes xehed fl-inkjesta li l-pulizija għandhom informazzjoni dokumentata dwar ir-reati kriminali li huwa suspettat li wettaq Konrad Mizzi miż-żmien meta kienet għadha ħajja Daphne Caruana Galizia? Lil Robert Abela mhux bi ħsiebna noqgħodu nċapċpulu għall-gabirjoli li għamel. Iżda nippretendu li għandu jagħmel xogħolu fil-konfront ta’ Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat. Jista’ jibda’ billi jeskludihom mill-grupp parlamentari sabiex ikun f’pożizzjoni aħjar li jsibilhom tarfhom. Jekk ma jagħmilx hekk, jista’ jibqa’ ċert li ser isib aktar xkiel ma’ wiċċu hekk kif ikomplu jinkixfu aktar borom.

Għada fis-6pm ser inkunu qed nipprotestaw fil-Belt Valletta. Sur Prim Ministru, jeħtieġ li xi ħadd iwassallek dak li dawk ta’ madwarek qed joqgħodu lura milli jwasslulek. Mhux importanti li int m’intix responsabbli għall-kriminalità tagħhom. Kull darba li tipprova tgħattilhom xturhom – kif ippruvajt tagħmel f’dawn l-aħħar 24 siegħa – ser tinqabad.

U, f’għajnejn bosta nies, diġà qiegħed tidher qisek pupazz f’idejn il-qattiela u l-ħallelin li sal-lum għadhom jiġru barra.

Agħmel dak li hu mistenni minnek Robert Abela. Inkella għandek twarrab.