L-iskuża li qed iġib Joseph Muscat li ma kienx l-uniku wieħed li rċieva arloġġ tal-idejn esklussiv tad-deheb abjad mingħand Yorgen Fenech, m’hi skuża xejn. ‘Iva , Sur Imħallef, qtilt partita Lhud. Iżda dak iż-żmien kulħadd kien qed jagħmel hekk’. Skuża bħal din, anki f’Nuremberg kienu stħaw joħorġu biha.

Kull darba li jsib ruħu b’dahru mal-ħajt, Joseph Muscat jipprova jiżgiċċa u jiżloq mill-mistoqsijiet b’theddid fin ta’ “aħjar toqgħod attent għax nasal biex nikxef jien ukoll”.

Sur Joseph Muscat, jekk tassew temmen f’dak li tgħid u li għandek informazzjoni dwar persuni pubbliċi li aċċettaw rigali jiswew il-belli liri mingħand kuntratturi li kienu wkoll qattiela, ħassiela ta’ flejjes maħmuġin, lagħba klandestini u mafjużi, għandhom bilġri jistaqsuk il-għala din l-informazzjoni bqajt iżżommha s’issa bejnek u bejn ruħek.

Aktar kmieni llum Joseph Muscat lil Jacob Borg qallu li għandu jara kienx hemm persuni oħrajn li rċievew arloġġi tal-idejn tal-Bulgari mingħand Yorgen Fenech b’rigal. M’hemm xejn ħażin li din il-mistoqsija wieħed jistaqsiha.

Allura iva, Sur Joseph Muscat, kun int li tgħidilna ftit min huma dawk li – bħalek – irċievew arloġġi tal-idejn jiswew il-belli liri b’rigal. U hekk kif toħroġ bl-informazzjoni, mur sal-kwartier ġenerali tal-pulizija biex tagħti spjegazzjoni kredibbli il-għala sa issa bqajt tgħattilhom xturhom.

Imma x’aktarx il-verità hi li qed tlissen barkata ħmerijiet f’attentat biex issalva ġildek. U inti u tipprova tgħatti xturek, lill-pulizija tista’ wkoll tgħidlihom lil Yorgen Fenech int x’tajtu talli għaddielek dawk il-pakketti jlellxu ta’ kulur kannella.