Iż-żewġ kandidati li qiegħdin itellqu bejniethom għat-tmexxija tal-Partit Laburista qed jappellaw għall-għaqda. L-għaqda li qiegħdin jappellaw favur tagħha mhix l-istess għaqda li xi ħadd bħal, ngħidu aħna, l-Arċisqof jappella favuriha. L-għaqda li jridu dawn it-tnejn m’hix imsejsa fuq interessi komuni jew fuq l-issagrifikar tal-ħtiġijiet personali b’riżq il-ġid komuni: għaqda bħal din hi msejsa fuq l-impenn lejn il-ġid tal-proxxmu.
Fl-għaqda li qed jippriedkaw favuriha Robert Abela u Chris Fearne, m’hemm ebda sens ta’ altruwiżmu. L-għaqda li jridu dawn tixbaħ ħafna l-unanimità sfurzata: jew tappoġġjana jew ikollok tbati. Kull min ma jagħżel li ma jappoġġjax lill-Partit Laburista huwa traditur u għandu jintrema’.
Agħtu daqqa t’għajn lejn din id-dikjarazzjoni ċara ta’ Robert Abela li qed jaspira li nhar it-Tnejn filgħodu jkun il-Prim Ministru ta’ Malta. “L-ewwel in-nies tagħna”. Dan m’huwiex Mosè hu u nieżel mill-muntanja. Meta jirreferi għan-“nies tagħna”, m’huwiex jirreferi għal xi ġens magħżul. Mhux qed jirreferi għalija jew għalik. “In-nies tagħna” huma dawk li jmexxu lill-Partit Laburista, dawk li jimmilitaw fih, dawk li jaħdmu fi ħdanu b’mod volontarju biex jgħinuh jirbaħ l-elezzjonijiet, dawk li jivvutawlu jew li jgħidu li vvutawlu bi bdil ma’ xi pjaċir.
Jekk int qarrej, x’aktarx int ma tifformax parti minn-“nies tagħna” u għalhekk m’intix ser titiqiegħed fl-ewwel filliera. It-tifsira superfiċjali ta’ dan kollu hi l-wiegħda ta’ tribaliżmu, klijenteliżmu, favoritiżmu, nepotiżmu u diskriminazzjoni. Tafu intom, fl-2012 din il-wiegħda kienu jsejjħulha “meritokrazija”. Wara Marzu 2013 ħadd fil-Partit Laburista ma tħawwad dwar il-perverżjoni tat-tifsira oriġinali tal-1984 tal-kelma meritokrazija.
Agħtu daqqa t’għajn lejn ix-xhieda li ta l-bieraħ John Rizzo. Dan tkellem dwar il-konversazzjoni li l-ewwel kellu ma’ Joseph Muscat u l-għada mal-imgħallem tiegħu Keith Schembri fiż-żmien meta kien tkeċċa mill-korp tal-pulizija. Kienu offrewlu l-flus biex jitlaq mill-kariga u biex postu jittieħed minn bażużlu Laburist. Hekk kif, fuq “kwistjoni ta’ prinċipju”, irrifjuta l-offerta tal-flus (ilna ħafna ma nisimgħu ħaġa bħal din), keċċewħ xorta waħda. Minkejja l-kompetenza indiskussa ta’ John Rizzo, ħatru floku lil persuna inqas kwalifikata, b’inqas esperjenza u b’inqas lejaltà lejn il-ġurament tal-kariga. Tafu għaliex? Għaliex “l-ewwel in-nies tagħna”. Dak li nħatar flok John Rizzo ma kienetx biss persuna “minn tagħna”. Kienet ukoll persuna li bħala kummissarju ġdid tal-pulizija kienet ser tuża l-kariga tagħha biex tieħu ħsieb “in-nies tagħna”.
“L-ewwel in-nies tagħna” tfisser li għal dawk il-mexxejja, dawk l-aġenti u dawk il-partitarji tal-Partit Laburista li jikkwalifikaw, il-liġijiet ma jgħoddux. Dan huwa preċiżament il-mod li permezz tiegħu Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi għadhom sal-lum igħadduha lixxa. Għaliex “l-ewwel in-nies tagħna”. Meta jkun fl-uffiċċju tiegħu f’Kastilja nhar it-Tnejn filgħodu, Robert Abela lil min ser iqis bħala “nies tagħna”? Keith Schembri ser ikun fost “in-nies tagħna”? Dan u oħrajn bħalu ser jingħataw prijorità tribali fuq, ngħidu aħna, dawk li qed jinsistu li ssir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia? It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet diġà nafuhom. “In-nies tagħna” m’hi xejn ħlief wiegħda favur l-inġustizzja, favur id-diskriminazzjoni, favur ir-repressjoni u favur l-abbuż.
“In-nies tagħna” huwa impenn kontra l-meritokrazija. Minn issa ‘l quddiem, il-pajjiż mhux ser jibqa’ jkun maqsum bejn Nazzjonalisti u Laburisti iżda bejn dawk li ser jitqiegħdu l-ewwel u dawk li jitwarrbu. Tinkwetaw xejn dwar dawk l-avukati Nazzjonalisti li jkunux jistgħu jikkompetu mal-kuntratti legali ta’ Robert Abela mal-gvern immexxi minnu. Tinkwetaw xejn dwar dawk il-pulizija b’simpatiji Nazzjonalisti li ma jkollhomx ċans għal ħatra għolja. Tinkwetaw xejn dwar iċ-ċittadini tat-tieni klassi u dwar l-emarġinati li mhumiex “nies tagħna”. Immaġinaw ftit fejn jinxteħtu dawk il-foqra li ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-ħlas tal-kera. Aħsbu ftit f’dawn l-immigranti mejtin bil-ġuħ u msakkrin f’ċelel għal xhur sħaħ li huma mċaħħdin minn kull forma ta’ wens. Aħsbu ftit f’dik il-familja li qed tfittex li ssir ġustizzja magħha wara li d-dritt għall-ħajja ġie mċaħħad minn gvern li l-wens li jaf jagħti jammonta biss għal kliem bħal “tal-Bidnija orrajt?”.
Aħna m’aħniex nies ta’ Robert Abela. Il-mod li bih ittamawna li se jkun hemm żminijiet aħjar wara li jdabbar rasu Joseph Muscat m’hu xejn ħlief konġura kriminali biex ikomplu jikkontrollaw lill-pajjiż u lill-poplu u biex fl-istess waqt jikkonservaw is-setgħa u l-impunità.
Dan l-aħħar Chris Fearne stqarr li jinsab kburi li serva bħala l-assistent ta’ Joseph Muscat. J’Alla li xi darba lkoll kemm huma jispiċċaw jieħdu dak li ħaqqhom.
Għad jasal dak il-jum li fih “in-nies tagħna” jintebħu bil-qerq kollu li wettaqtu.