Robert Abela sar prim ministru ta’ Malta billi, għal dawn l-aħħar 4 ġimgħat, lil Malta qalilha ftit li xejn. Baqa’ mdendel mal-politika tad-disprezz li tant serviet lil Joseph Muscat biex seta’ kampa għal żmien twil f’Kastilja. L-aħjar mod li bih tista’ tmur tajjeb waqt intervista hu li taħrab minnha. Tul dawn l-aħħar 4 ġimgħat, Robert Abela kiser aktar wegħdi milli xi wħud jiksru tul tfulithom kollha. Ħarab minn intervisti televiżivi, baqa’ m’attendiex għal attivitajiet pubbliċi u żelaq minn kull sfida li saritlu dwar dak li kien bi ħsiebu jwettaq.
Minflok, baqa’ jsus wara s-17,000 tesserat Laburista li huma nies li jiġu jaqgħu u jqumu mill-korruzzjoni u l-qtil li għalihom il-mexxejja tagħhom huma responsabbli. Dawn mhux biss jappoġġjaw lill-Partit iżda jibqgħu membri tiegħu ukoll.
Għal dawn in-nies, il-partit politiku li tella’, appoġġja u sostna fis-setgħa lill-klikka tal-Panama u dawk li qatlu lil Daphne, huma s-soluzzjoni għall-problemi li ħolqu l-klikka tal-Panama u dawk li qatlu lil Daphne.
Chris Fearne ppersonifika lil dawk is-sostenituri tal-Partit Laburista li ilhom jafu li l-gvern ta’ Joseph Muscat ma setax jibqa’ għaddej kif kien. Iżda minn wara l-kwinti żamm is-skiet għal 6 snin u f’dawn l-aħħar 3 minnhom baqa’ ma ċċaqlaqx. Kien jaf li kieku kellu jirribella kontra Joseph Muscat qabel Joseph Muscat huwa stess jaċċetta li kellu jwarrab, il-membri tal-partit kienu jpattuhielu u kien jitlef iċ-ċans li xi darba jeħodlu postu. Chris Fearne ma kienx lest li jbati għall-prinċipji tiegħu.
U mbagħad, matul dawn l-aħħar 4 ġimgħat, għaxxaqha hu u jagħti intervisti u f’laqgħat pubbliċi li kien mistieden jattendi għalihom lil hinn mill-attivitajiet li jattendu għalihom il-membri tal-partit.
Lill-membri tal-partit kellimhom b’lingwaġġ li setgħu jifhmuh. Qalilhom li sakemm idum ħaj, il-PN ma jarax il-gvern. Qalilhom li għall-gvern tiegħu, l-Laburisti kienu ser jiġu l-ewwel u qabel ħaddieħor. Tkellem għaċ-ċapċip tal-gallarija iżda urta bil-kbir lil dawk li m’humiex membri tal-partit u li ma kienux ser ikunu huma li jagħżlu l-prim ministru l-ġdid ta’ Malta.
Meta kien ġie mistoqsi dwar il-ħmieġ li hemm fi ħdan il-gvern u dwar id-demm li wħud iċċapsu bih, Chris Fearne – minkejja li hu arroganti u mimli bih innifsu u għax bażikament huwa bniedem diċenti – ma kellux il-ħila jigdeb daqs kemm kienu gidbu dawk li ġew qablu.
L-arroganza ta’ Chris Fearne tammonta għal dik l-onestà brutali li twassal biex lill-pazjent ma joqgħodx idurlu mal-lewża u jgħidlu bla tlaqliq il-marda – tkun kemm tkun serja – f’hiex tikkonsisti.
Matul il-kampanja, Chris Fearne stqarr pubblikament li Malta kienet tilfet il-fiduċja ta’ sħabha l-Ewropej. Qal ukoll li l-ewwel ħaġa li kien jeħtieġ jagħmel bħala prim ministru hi li jniedi djalogu mas-soċjetà ċivili bil-għan li tissewwa’ s-saltna tad-dritt. Dan ma jistax ħlief ifisser li kien qed jammetti li s-saltna tad-dritt f’Malta ma kienitx qed taħdem kif suppost. Tkellem b’lingwaġġ ta’ prim ministru għaliex arroganti biżżejjed biex għamilha fatta u għaliex – kif nifhimha jien – kien determinat li jagħmel dak li hu sewwa u jsewwi l-ħsara li ħalla Joseph Muscat.
Hu u jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti u l-attività li attenda għaliha fil-Kamra tal-Kummerċ – attività li l-avversarju tiegħu naqas li jattendi għaliha – huwa tkellem bl-onestà brutali ta’ kirurgu qabel il-bidu ta’ operazzjoni. Dak li stqarr niżel għasel madwar il-pajjiż u kien kliem li d-dinja kienet qed tistenna’ mingħandu.
Madankollu, dak li stqarr ma kien idoqq xejn għal widnejn il-membri tal-Partit Laburista. Dawn ma riedux jisimgħu lil min igħidilhom li kienu għamlu għażla żbaljata. U bejn kandidat li ammetta li taħt il-Labour Malta kienet tilfet il-fiduċja tal-bqija tad-dinja u kandidat ieħor li dan il-kliem ma qalux, dawn għażlu lil dak li baqa’ b’fommu sieket u li ser jibqa’ sieket.