Dan kollu għaliex fl-2004, għall-grazzja t’Alla, elezzjoni interna fil-PN kienet rebbħet lil Lawrence Gonzi fuq John Dalli, ma jfissirx li għandna nibqgħu biss nittamaw li t-tesserati tal-partiti ser jibqgħu jagħmlu għażliet għaqlin dwar min għandu jokkupa l-kariga ta’ prim ministru.

U l-Partit Laburista fis-sena 2020 m’għandu xejn x’jaqsam mal-Partit Nazzjonalista tal-2004. Il-Partit Laburista li dalwaqt jagħżel il-prim ministru li jmiss huwa l-istess partit li għadu ma xebgħax jigglorifika lil Joseph Muscat bħallikieku huwa xi xempju erojku nazzjonali. Agħtu daqqa t’għajn lejn din il-kitba patetika ta’ Alfred Grixti li qal li qabżulu d-dmugħ wara li rċieva ittra mingħand Joseph Muscat. U dan ma nfexx f’bikja għax Joseph Muscat sal-aħħar baqa’ jagħmel użu mir-riżorsi tal-istat għall-propaganda personali u partiġġjana tiegħu.

 

Is-sitwazzjoni hi xort’oħra għaliex l-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt se ssir fil-kuntest ta’ gvern korrott u qattiel ta’ Joseph Muscat. Insemmi punt wieħed biss. Chris Fearne stqarr li ma jaqbilx mal-idea tal-PN favur it-tneħħija tal-istazzjonijiet televiżivi tal-partiti u dan għaliex ir-raġuni vera wara t-talba tal-PN tinsab fil-fatt li dan m’għandux il-mezzi biex jiffinanzja l-istazzjon televiżiv tiegħu.

X’qed jgħid eżattament Chris Fearne? Tgħid qed igħid li t-tixrid tal-informazzjoni u tal-aħbarijiet għandu jiddependi fuq kemm partit politiku jkun sinjur? Jekk ikun hekk, ma jkunx qed jiggarantixxi li l-informazzjoni tixtered biss minn dak il-partit politiku li jkun lest li jservi l-interessi tan-negozjanti (u li jitħallew jagħmlu li jridu) li minn naħa tagħhom jkunu huma li jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tat-tmexxija ta’ dawn il-mezzi tax-xandir?

It-TVM huwa regolat mill-Awtorità tax-Xandir. Fit-teorija, din l-Awtorità tassigura li jkun hemm bilanċ fix-xandir. Madankollu l-istazzjoni tat-televiżjoni tal-Labour m’huwiex regolat. Għaldaqstant kif jista’ qatt jiġi żgurat li wieħed mill-kandidati għall-kariga ta’ prim ministru ma’ jingħatax vantaġġ mill-One TV fuq il-kandidat l-ieħor bis-saħħa tal-fatt li l-“ġurnalisti” li jaħdmu ma’ dan l-istazzjon ikunu qed jappoġġjaw lilu? Liema entità tkun tista’ tassigura l-imparzjalità b’mod indipendenti? Ċertament il-bilanċ ma tkunx tista’ żżommu bis-saħħa tan-Net TV kemm il-darba s-sid tiegħu – jiġifieri l-PN – ikollu jagħlqu minħabba nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji.

Id-demokrazija ma taħdimx b’dan il-mod. Fl-elezzjoni għat-tmexxija tal-PN, konna rajna din il-kwalità ta’ manipulazzjoni. Tal-One TV kienu fil-beraħ favur Adrian Delia. U wara li ġie elett Adrian Delia, ‘ġurnalisti’ li jaħdmu man-Net TV sabu ruħħom ukoll bħala membri tal-kumitat eżekuttiv tal-partit – effettivament saru s-sidien tagħhom stess.

Kien hemm xi ħadd li ssorvelja l-mod kif iffinanzjaw il-kampanja tagħhom Adrian Delia u l-kandidati li kienu tellqu miegħu? M’hemm ebda liġi li tirregola l-mod li bih jistgħu jiffinanzjaw il-kampanji u dwar kemm jistgħu jagħmlu dejn ma’ min ikun lest li jislifhom il-flus.

Din hi sitwazzjoni mill-aktar perversa. Biex ikun jista’ jiffinanzja l-kampanja tiegħu biex jitla’ mid-distrett ta’ Raħal Ġdid, Silvio Parnis huwa obbligat li jagħti rendikont ta’ kull sold li jiġbor. Iżda Robert Abela m’huwiex obbligat li jagħti rendikont dwar il-mod kif qed jiffinanzja l-kampanja tiegħu biex isir prim ministru ta’ Malta.

Il-liġijiet Maltin dwar il-partiti politiċi jeħtieġ li jiġu mġedda. Il-partiti politiċi bilkemm jissemmew fil-Kostituzzjoni nnifisha. Minkejja l-fatt li dawn qed joperaw b’mod mhux regolat, għandhom is-saħħa u s-setgħa li jagħżlu l-prim ministru (jew il-‘kink’) mingħajr l-indħil ta’ ħadd.

Huma u jixlu lil xulxin b’qerq u tbagħbis, m’għandhomx dawn ikunu minn ta’ l-ewwel li jfornu lill-poplu bl-ispjegazzjonijiet?