L-apparenza fiżika ta’ Neville Gafà taf tingannak. Għandi dubji serji dwar kemm is-sinċerità li tkellem biha bħal sajjetta fil-bnazzi kienitx riżultat ta’ xi konverżjoni damaxxena. Id-deċiżjoni tiegħu li jikxef lill-prim ministru u li jixlieħ li kien ħareġ ordni llegali biex immigranti jitreġġgħu lura lejn il-Libja (aqraw ir-rapport li xandar in-Newsbook il-bieraħ filgħaxija) ma kienitx daqshekk għall-għarrieda daqs kemm dehret li hi.
F’Novembru 2019, Neville Gafà kien għadu jaħdem mal-gvern u kien għadu konvint lil Joseph Muscat ħadd ma jista’ jwarrbu mis-setgħa. Din l-istorja li kienet xandret it-Times of Malta ma kienitx dehret għax kien wasslilha l-aħbar huwa stess u, sa fejn huwa magħruf, jista’ jkun li ma kellu x’jaqsam xejn max-xandir tar-rapport fil-ġurnal. Iżda s-skiet totali tiegħu seta’ ġie interpretat bħala konferma.
Iżda meta twarrab mill-prim ministru l-ġdid, beda’ jberraq. Fid-19 ta’ Frar, huwa xehed fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u stqarr li ried iserraħ ras kulħadd li ma’ Keith Schembri jitkellem biss fuq il-futbol. Iżda meta ġie mistoqsi xogħlu f’hiex jikkonsisti, stqarr li kien qiegħed hemm biex b’mod erojku jħarisna mill-immigranti.
L-għada xxandret intervista li saritlu mill-Malta Today u matulha kkonferma l-istorja li kienet xandret it-Times of Malta ftit xhur qabel. Jiġifieri li, bis-saħħa tiegħu, Malta kienet laħqet ftehim sigriet mal-Libja dwar l-immigranti.
Ma tantx tkellem dwar dettalji, iżda kliemu kienu qanqlu bosta suspetti.
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-ftehim sigrieti milħuqa bejn stati kienu ġew aboliti u dan minħabba l-ħerba li dawn kienu qed jikkaġunaw meta gvernijiet ta’ stati ma kienux jintebħu li kienu qed jitlewmu mal-ħbieb sigrieti tal-għedewwa tagħhom. Fin-Nazzjonijiet Uniti hemm reġistru tat-trattati u dawk it-trattati li jkunu xxandru biss jistgħu jiġu nfurzati mill-qorti dinjija. Kull trattat ieħor li ma jkunx reġistrat huwa kunsidrat illegali u bħala wieħed li jimraħ fis-saltna tal-mafjużi u mhux f’dak tad-dinja diplomatika.
Kien għal din ir-raġuni li l-ftehim sigriet mal-Libja ntlaħaq bis-saħħa tal-ħidma ta’ eks-assistent f’ħanut tan-nuċċalijiet u mhux bil-ħidma ta’ membri tas-servizz diplomatiku.
Dak li Neville Gafà qal lill-inkjesta jispjega l-għala l-ftehim ma setax ma jkunx sigriet. U ma setax ma jkunx sigriet għaliex kien sar ftehim biex isiru atti illegali. Malta tkun qed tikser il-liġijiet meta treġġa’ lura lill-immigranti lejn il-Libja sakemm ikun għad hemm gwerra ċivili f’dak il-pajjiż. Għaliex huwa fatt magħruf li immigrant Afrikan fil-Libja jaf ilaqqat ħafna agħar mill-epidemija Covid-19: jaf ilaqqat it-tortura, l-iskjavitù u l-mewt. Jew inkella xi ikla ħabs għal għomru f’kundizzjonijiet miżerabbli.
Malta hi legalment marbuta li tiżgura li ma ġġibx ruħħa b’mod li tasal biex tkaxkar lil kull bniedem – hu min hu – lejn post li fih id-drittijiet tal-bniedem jinsabu mgħaffġin taħt is-saqajn. U meta gvern ma jagħmilx ħiltu kollha biex iħares dawn id-drittijiet, l-istat ikun qed jikser l-obbligazzjonijiet tiegħu. Iżda s-sitwazzjoni tkun ħafna agħar meta jkollok gvern li jikkollabora u jikko-ordina biex igħaffeġ b’mod sistematiku fuq id-drittijiet tal-bniedem għaliex l-istat isir kompliċi fl-illegalità u fl-abbuż.
U meta nġibu ruħna b’dan il-mod, ikunu qed inġibu ruħna qisna avukati ta’ pajjiżi aggressivi fi gwerra li fihom priġunieri jiġu stmati ta’ ribelli u mhux bħala suldati ġellieda biex b’hekk inkunu nistgħu ngħidu li ma ksirniex il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dakinhar li ħallejnihom imutu bil-ġuħ. U biex jipprova igħatti xturu fil-ksur tal-liġijiet internazzjonali, l-gvern ta’ Malta jidher li qed japplika din il-kwalità ta’ sofistrija kull darba li jqabbad vapur tas-sajd privat – minflok jagħmel użu mit-tagħmir li għandha l-armata – biex ikaxkar lil dawn l-imsejkna lura lejn it-tortura u l-mewt.
Dan kollu konna ilna li xammejnieh. U għal min kien għadu fid-dubju, kliem Neville Gafà issa kixef kollox.
Neville Gafà qalilna dak li naqas li jgħid Evarist Bartolo: jiġifieri li jeżisti ftehim mal-Libja biex l-immigranti li jkunu fl-ibħra Maltin u li jiġu salvati, jitreġġgħu lura lejn dak il-pajjiż. Neville Gafà qalilna dak li ma setax igħidilna Robert Abela: jiġifieri li l-gvern Malti qed jieħu sehem fit-traffikar illegali tal-bnedmin.
Neville Gafà dan ma qalux għaliex huwa xi bniedem għaref jew għaliex ried ikun onest. L-intelliġenza u s-sinċerità tiegħu huma rrilevanti. Li hu rilevanti huwa l-fatt li issa għandna pentito li għadu kemm kixef reat kriminali mafjuż li kien tgħatta b’maskra biex jidher bħallikieku kien xi att ta’ servizz pubbliku.
X’inhu l-kuntest ta’ dan kollu?
Għaliex taħsbu li Robert Abela ġab ruħu bil-mod li biħ ġab ruħu meta rreaġixxa għall-kwerela kriminali li għamlet Repubblika dwar l-imwiet li seħħew fi tmiem il-ġimgħa tal-Għid? Ma taħsbux li pprotesta xi ftit iżżejjed? Ma jidhrilkomx li l-attakk ko-ordinat, ix-xiljiet ta’ tradiment, it-theddid u l-kummenti ta’ mijiet ta’ trolls jitgħajjru kien eżaġerat u eċċessiv?
Issa forsi nistgħu nifhmu aħjar għaliex Robert Abela ma jridx li jkollu xi maġistrat jagħmillu l-mistoqsijiet pertinenti. Jew lil min għad isiru dawn il-mistoqsijiet. Minn dak li xandar in-Newsbook, jidher li l-maġistrat inkwirenti staqsa mistoqsija lil Neville Gafà.
U għal raġunijiet li s’issa għadhom m’humiex ċari, Neville Gafà wera’ ruħu lest li jwieġeb.