Il-lejla l-Prim Ministru Robert Abela pprova jnessi minn moħħ in-nies il-fatt li mietu tnax il-ruħ fl-ibħra tagħna tort ta’ deċiżjoni li ħadu hu u l-Forzi Armati biex ma jsalvawhomx u jitilquhom għal riħhom fil-baħar.

U fetaħ attakk fuq Repubblika.

Huwa pass ta’ bla preċedent meta l-prim ministru u l-gvern kollu tiegħu jwaqqfu x-xandir pubbliku fit-8 ta’ filgħaxija sabiex jindirizza lin-nazzjon minħabba kawża li għamlet fil-qorti organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili.

Il-gvern kollu ġie mobilizzat f’konferenza stampa li fiha ma tħallewx isiru mistoqsijiet – ħaġa li lanqas Donald Trump għadu qatt m’għamel – u li fiha Repubblika ġiet mixlija li mminat l-isforz nazzjonali li qed isir biex tingħeleb l-epidemija. Ħallat flimkien żewġ kwistjonijiet separati: l-epidemija COVID-19 u l-periklu ta’ għarqa fil-baħar.

Fi stqarrija li għamlet b’reazzjoni, Repubblika ċaħdet li qiegħda timmina l-isforzi biex tingħeleb l-epidemija. U ċaħdet ukoll l-akkuża malinna li, dan kollu għaliex dehrilha li għandha ssemma’ leħinha, qed tinfetta lin-nies bil-mard.

Repubblika qalet li skantat tisma’ lill-prim ministru jiddikjara li l-possibilità li jintbagħat il-ħabs għal għomru qed jeħodha bis-serjetà u dan bħallikieku Repubblika għandha s-saħħa li titfa’ lil xi ħadd il-ħabs. Huma l-istituzzjonijiet tal-istat li għandhom is-setgħa li jinvestigaw jekk il-prim ministru u oħrajn humiex responsabbli għall-imwiet li seħħew fil-baħar.

Il-konferenza stampa tal-prim ministru ġiet ko-ordinata mal-attività li kellu aktar kmieni dalgħodu l-kap tal-oppożizzjoni. Repubblika qalet li din il-ko-ordinazzjoni m’hi xejn ħlief att perikoluż ta’ intimidazzjoni li saret bl-iskop li tiżolaha u li tesponi lill-membri tagħha għall-attakki u għat-theddid li diġà qed ikollhom u li mistennija jiżdiedu. Il-prim ministru ma jrid lil ħadd jażżarda jistaqsi jekk id-deċiżjonijiet li ħa sarrfux f’imwiet ta’ persuni innoċenti.

Repubblika qalet li tinsab sodisfatta b’ħaġa waħda li qal il-prim ministru. Bis-saħħa tal-inizjattiva li ttieħdet, ser titnieda inkjesta biex jiġu stabiliti l-fatti. Dawk li qagħdu għal-liġijiet Maltin u barranin m’għandhom xejn minn xiex jibżgħu jekk Robert Abela tassew jemmen li f’Malta ssaltan il-ġustizzja.

“Repubblika qed teżiġi t-twettiq tal-verità u tal-ġustizzja. Minflok jipprova jintimidana u jsikkitna, l-prim ministru għandu jara li jitwettqu l-verità u l-ġustizzja anki ma’ persuni mhux magħrufa li kulma għamlu kien li talbu li jiġu salvati mill-għarqa”.

Repubblika ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li Robert Abela u l-Armata setgħu ċaħdu l-allegazzjoni li dehret fl-aħbarijiet madwar id-dinja li kien sar sabutaġġ fuq dgħajsa mgħobbija bl-immigranti. Sal-lum għadu ma ċaħad xejn.

Repubblika għamlet sejħa biex tingħata protezzjoni lix-xhieda dwar dan l-inċident li jinsabu fil-kustodja tal-gvern.