Hi u tagħti d-digriet tagħha fuq rikors li kien għamel il-Koħħu biex jingħata l-libertà proviżorja, l-Imħallef li qed tmexxi l-proċess kontra dawk li huma suspettati li qatlu lil Daphne, stqarret li “huwa evidenti li x-xibka ta’ kriminalità li kellha x’taqsam mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għadha ma ġietx ikkontrollata għal kollox u għad hemm min kien imdaħħal fit-tfassil tad-delitt li għadu ma ssejaħx biex jagħti rendikont ta’ għemilu”.

Dan l-istqarrija ma saritx sena jew sentejn ilu. Saret tliet ġimgħat ilu.

U minn dakinhar ‘l hawn, ix-xhud li ngħata proklama mill-istat xehed fuq dak li kien “sema'” dwar imħuħ u sensara oħrajn li għadhom ma ssejħux biex jagħtu rendikont ta’ għemilhom.

Hu u jwieġeb għal mistoqsijiet ta’ ġurnalist, Chris Cardona stqarr li Melvyn Theuma ma xehedx fuq ħwejjeġ li hu stess kien ra b’għajnejh. Iżda tkellem dwar dak li kien qallu Mario Degiorgio, li jiġi ħu Alfred u Ġorġ Degiorgio. Dan huwa kollu minnu. Daqs kemm hu minnu wkoll li Chris Cardona qed jiċħad li kellu jaqsam b’xi mod mad-delitt. Keith Schembri qed jiċħad ukoll li kellu x’jaqsam. Dan ukoll kien issemma’ diversi drabi, iżda s’issa għadu ma ssejjaħx biex jagħti rendikont ta’ għemilu.

X’inhuma jistennew?

Jeħtieġ niftakru li kien għadda żmien mhux ħażin qabel finalment ġie arrestat Yorgen Fenech f’Novembru 2019 minkejja l-fatt li l-Pulizija kienet ilha tissuspetta fih sa minn April 2018 meta kien kellimha Ċensu Muscat il-Koħħu għall-ewwel darba.

Illum kont qed nipprova nispjega dan l-iżvilupp lil ġurnalist mill-Ġermanja li staqsieni meta huwa mistenni jintemm il-ġuri ta’ Yorgen Fenech. Ġuri? X’ġuri hu?

Irrid nagħmilha ċara li ħadd m’hu jistenna li għandu jkun hemm proċessi fil-qorti ta’ iġri w ġerri. Iżda minn dakinhar li ġew arrestati l-aħwa Degiorgio, l-Amerikani arrestaw lil Ali Sadr Hashemi Nejad, għaddewh minn proċess kriminali fil-qorti u ġie misjub ħati ta’ ħasil ta’ flus. U jidher li l-appell minn din is-sentenza u s-sentenza finali ser tkun leħqet ingħatat sa ma jasal iż-żmien li l-Fulu, ċ-Ċiniż and l-Koħħu jgħaddu ġuri mixlijin bi qtil.

Fil-konfront tas-sistema ġudizzjarja tagħna, dan m’hu xejn ħlief falliment. U huwa falliment mhux neċessarjament għal raġunijiet politiċi partiġġjani u minħabba l-imminar tal-kors tal-ġustizzja, għalkemm m’hix ħaġa ta’ barra minn hawn li wieħed jissuspetta f’dawn l-elementi li qed komplu jgħarrqu s-sistema tal-ġustizzja b’dewmien eżaġerat.

Il-kwistjoni hi li dan id-dewmien qiegħed dejjem inaqqas iċ-ċansijiet li l-proċess jintemm b’verdett ta’ kundanna ta’ Yorgen Fenech mill-ġurati.

Il-proċessi kriminali kontra l-mixlija lkoll jieħdu ż-żmien tagħhom. Il-proċeduri kontra l-aħwa Degiorgio u kontra  Muscat kienu nbdew meta dawn ġew mixlija fil-qorti f’Diċembru 2017. Wieħed m’għandux jistenna li dawn igħaddu ġuri qabel tmiem din is-sena. L-imxijja Covid-19 kompliet iżżid id-dewmien iżda ma m’effettwatx wisq il-kors tal-proċess tal-kumpilazzjoni li issa ilu għaddej għal 24 xahar.

Yorgen Fenech kien ġie mixli fil-qorti f’Novembru 2019. Dan ifisser li mhux ser igħaddi ġuri mill-inqas qabel igħaddu 18 il-xahar ieħor.

Għadna ma nafux meta ser jiġu arrestati “dawk li kienu mdaħħlin fit-tfassil tad-delitt u li għadhom ma ssejħux biex jagħtu rendikont ta’ għemilhom.” Ovvju. Min jaf jekk dawn humiex qatt ser jissejħu? Min jaf jekk, wara li għaddew 30 xahar minn meta nqatlet Daphne, dawn għadx jinġabru mill-Pulizija?

Nistgħu insibu ruħna f’sitwazzjoni li fiha wħud li kellhom sehem fil-konġura kriminali ta’ qtil, jiġu mgħoddija ġuri minkejja l-fatt li – kif diġà ammettiet l-Imħallef – għad hemm oħrajn li kienu mdaħħlin ukoll fid-delitt li l-Pulizija taf bihom, iżda li tħallew jiġru barra.

Dawn iċ-ċirkostanzi kif ser jifhmuhom il-ġurati? Mhux l-ewwel darba li kellna ġurijiet li fihom il-membri tal-ġurija, minkejja li jkunu konvinti dwar il-ħtija tal-mixli, lill-istess mixli jispiċċaw jitħassruh għaliex ikunu fehmu li serva ta’ paraventu għall-klieb il-baħar li l-Pulizija baqgħet ma ressqitx il-qorti.

Filwaqt li Keith Schembri u Chris Cardona qed ikomplu jagħtu ħliel dwar l-involviment fil-konġura ta’ qtil billi jippruvaw iwaħħlu f’xulxin u filwaqt li bosta huma dawk li qed ikomplu jitkellmu dwar l-impunità assoluta tagħhom fl-isfond tal-ħjiel ċirkostanzjali li baqa’ ma ġiex investigat, qed iġegħeluna nintebħu li għadna ma fhimniex il-kobor tal-mostru li spiċċa biex ħasad il-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia.

F’intervista li xxandret dalgħodu, Chris Cardona stqarr li “kull min għandu nteress li jsir jaf,” jista’ jgħarbel ir-rekords mediċi tiegħu, “kemm jekk dawn ikunu Repubblika, is-Civil Society Network, inti bħala ġurnalist, l-avukati tal-familja Caruana Galizia, il-familja nnifisha, ulied Daphne Caruana Galizia”.

Ħallina Chris, trid? Ebda persuna minn dawk li ssemmew m’għandhom id-dritt jew ir-rwol li jfittxu u jgħarblu r-rekords mediċi ta’ Chris Cardona. Minn naħa l-oħra, jekk jeżisti suspett raġjonevoli li dawn ir-rekords mediċi jistgħu jgħinu biex jippruvaw it-twettiq ta’ delitt kriminali, l-Pulizija tinsab fid-dmir li tiflihom. Nista’ ngħid b’ċertezza li Repubblika m’hix ser tilmenta jekk ma titħalliex tifli r-rekords mediċi ta’ Chris Cardona. Iżda għandha raġun li tilmenta li l-awtoritajiet responsabbli jidher li m’għandhom ebda ħeġġa li jinvestigaw b’serjetà dan id-delitt.

Fl-intervisti li qed jagħmel, Chris Cardona qed ikompli “jipprova” li dak li smajna dwar l-allegat sehem tiegħu fid-delitt m’huwiex minnu għaliex “il-Puliizja kienu baqgħu ma kellmuħx dwar dawn l-allegazzjonijiet.” Iżda mhux dan huwa appuntu l-qofol ta’ kollox?

Qabel ġie arrestat wara sforz investigattiv li kien sar mill-Europol, ħadd ma kien għadu kellem lil Melvyn Theuma bejn dakinhar li dan kien wassal envelopp kannella b’ordni biex tinqatel Daphne (f’Ġunju 2017) u l-arrest tiegħu li seħħ f’Novembru 2019. Il-Pulizija baqgħet qatt ma kellmitu. Dan ifisser li ma kellmitux għaliex ma kellhiex f’idejha l-provi li kien imdaħħal fid-delitt? Ċertament ma kellhiex il-provi kollha f’idejha, iżda kellha f’idejha biżżejjed provi biex setgħet tarrestah.

Hu u jipprova jaħrab mill-port li kien bena’ missieru qabel ġie arrestat, ħadd ma kien kellem lil Yorgen Fenech bejn dakinhar li huwa talab lil Melvyn Theuma biex jibgħatlu għal Ġorġ iċ-Ċiniż fiż-żmien meta kienet feġġet il-kontroversja Egrant-Michelle Muscat (f’April 2017) u dakinhar tal-arrest tiegħu f’Novembru 2019. Il-Pulizija baqgħu qatt ma kellmuh. Dan ifisser li l-Pulizija ma kellhomx f’idejhom provi li dan kien imdaħħal fit-twettiq tad-delitt? Ċertament ma kellhomx f’idejhom il-provi kollha, iżda żgur li kellhom biżżejjed biex setgħu jarrestawh.

Għaldaqstant il-ġurati – is-sena d-dieħla jew inkella s-sena ta’ wara – ser jiġġudikaw persuni mixlijin bi qtil filwaqt li persuni mhux identifikati li l-Pulizija qatt ma kienet kellmithom, li setgħu kienu kompliċi jew anki l-imħuħ wara d-delitt, qed jitħallew jiġru barra.

Għad naslu għall-punt li fih tant ikun hemm persuni suspettati bit-twettiq tal-istess delitt li jkun impossibbli li tinsab ħtija f’xi persuna waħda.

Dan kien il-mod li bih Meinrad Calleja u Ian Farrugia kienu għaddewha lixxa mill-konsegwenzi tal-attentat fuq il-ħajja ta’ Richard Cachia Caruana. U dan biex ma nsemmix lix-xhud li, f’dak il-każ, kien ingħata proklama mill-istat. Qed nirreferi għal Joseph Fenech.

Hemm xi ħadd li qed jipprova jilgħabna. Kif stqarr dwaru nnifsu Chris Cardona, dawn in-nies m’għadx għandhom interess li jħarsu l-ħajja politika tagħhom u lanqas jinteressahom li jħarsu reputazzjoni li diġà hi waħda maħmuġa u jippreferu jħalluna nindannaw bl-impunità li għadhom qed igawdu u fl-istess waqt ixerrdu stejjer li, anki jekk jgħaddu ġuri, jkunu jistgħu jgħadduha lixxa.

X’jeħtieġ li jsir? Għandna nsoddu ħalqna biex, mingħajr ma rridu, ma nservux l-interessi ta’ Chris Cardona, ta’ Keith Schembri, jew forsi anki ta’ Yorgen Fenech, tal-aħwa Degiorgio u ta’ Ċensu Muscat u dawn jispiċċaw jgħadduha lixxa? Għandna nwaħħlu fina nfusna?

Jew għandna naqbdu l-barri minn qrunu? X’inhi r-raġuni għal dan id-dewmien kollu?