Il-possibilità li Chris Cardona seta’ kien imdaħħal fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia reġgħet feġġet wara li din il-ġimgħa Melvyn Theuma wieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu fil-qorti.

Jason Azzopardi, li fil-qorti qed jidher parte civile għall-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, nhar it-Tnejn staqsa lil  Melvyn Theuma jekk qattx kien sema’ bi ħlas li kien għamel Chris Cardona lil Alfred Degiorgio magħruf bħala ‘l-Fulu’.

Melvyn Theuma wieġeb li din l-istorja kien semagħha.

Theuma xehed li din l-istorja kien qalhielu Mario Degiorgio li jiġi ħu Ġorġ ‘iċ-Ċiniz’ u ħu Alfred ‘il-Fulu’ Degiorgio li ilhom il-ħabs jistennew li jgħaddu ġuri mill-4 ta’ Diċembru 2017 mixlijin bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Melvyn Theuma xehed li Mario Degiorgio kien qallu li Chris Cardona kien ħallas €350,000 lil ħuħ Alfred Degiorgio biex joqtol lil Daphne u, biex għamel dan, inqeda’ b’intermedjarju. Jason Azzopardi staqsa lil Theuma jekk Mario Degiorgio qattx semma’ min hu dan l-intermedjarju. Theuma wieġeb li dan l-intermedjarju kien issemma’ min hu u seta’ jiftakar li ismu jibda’ bil-“B”.

Jason Azzopardi staqsa lil Melvyn Theuma jekk setax jiftakar lil Mario Degiorgio jsemmi l-isem ta’ Anthony Chetcuti, magħruf bħala Toni l-Biglee. Melvyn Theuma wieġeb li ma jistax jeskludi li kien issemma’, iżda ma setax ikun ċert.

Min hu dan Anthony Chetcuti, li huwa magħruf ukoll bħala Toni l-Biglee?

L-informazzjoni li ġejja ġbartha mingħand diversi għejjun u ma jfissirx li din l-informazzjoni twassal għall-konklużjoni li Anthony Chetcuti kien parti mill-konfoffa li wasslet għad-delitt. Provi bħal dawn, jekk jeżistu, jkun jeħtieġ li jgħaddu mill-għarbiel tal-qorti.

Anthony Chetcuti kien ingħaqad mal-korp tal-pulizija wara li l-PN tela’ fil-gvern fl-1987 u kien membru tas-Special Assignment Group, li huwa sinjal li kellu simpatiji politiċi ma’ dan il-partit. L-SAG kienet inħolqot fi sforz biex titnaqqas l-influwenza tal-pulizija li dak iż-żmien kellhom simpatija sproporzjonata mal-Partit Laburista u li kienu ntużaw biex iservu ta’ staffa għar-reġim Laburista fis-snin tmenin. Snin li fihom twettqet vjolenza bil-barka tal-istat,   inkluż qtil politiku fl-uffiċċju ta’ dak li kien il-Kummissarju tal-Pulizija fil-Kwartier Ġenerali tal-Furjana.

Madankollu jidher li, wara li għaddew is-snin, il-karriera fil-pulizija ta’ Chetcuti kienet waslet fi tmiemha u kien wasal fi tmiemu wkoll l-appoġġ tiegħu lill-PN. Huwa telaq mill-korp u qabel l-elezzjoni tal-2013 sar ħabib ma’ Chris Cardona.

Fis-snin ta’ qabel l-elezzjoni u minn dakinhar ‘l hawn, ta’ sikwit kien ikun ma’ Chris Cardona u wera’ l-appoġġ tiegħu fil-beraħ għall-Partit Laburista. Anthony Chetcuti m’huwiex xi dilettant kbir tal-Facebook iżda b’mod konsistenti jirċievi messaġġi ta’ propaganda Laburista mingħand ħbieb li jittrattaw dwar Joseph Muscat u Chris Cardona.

Meta Chris Cardona inħatar ministru, lil Anthony Chetcuti għenu biex jakkwista mpjieg mal-Malta Freeport Corporation li hi l-aġenzija tal-istat li hi sid il-container terminal mħaddma mill-privat fin-nofsinhar ta’ Malta. Il-Korporazzjoni hi wkoll responsabbli għas-sigurtà tal-post.

‘Il-Biglee’ ingħata xogħol ta’ gwardjan tas-sigurtà. Għejjun mill-Port Ħieles qaluli li kien hemm xi tħassib dwar il-possibilita li Anthony Chetcuti abbuża mill-pożizzjoni tiegħu biex iħaffef il-kuntrabandu tas-sigarretti. Huwa qatt ma ġie mixli b’rabta ma’ dawn is-suspetti.

Il-kuntrabandu tas-sigaretti kien issemma’ f’ittra li kienet twasslet lil Yorgen Fenech wara li kien ġie arrestat, f’liema ittra kien hemm struzzjonijiet dwar x’għandu jsir biex għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jispiċċa jeħel Chris Cardona. F’din l-ittra, li Keith Schembri jiċħad li kien kitibha hu, inkiteb li Chris Cardona kien tkellem mal-aħwa Degiorgio dwar arranġament li bis-saħħa tiegħu setgħu idaħħlu s-sigarretti bil-kuntrabandu mill-Port Ħieles u biex iżommu l-qliegħ minnu.

Għejjun qaluli li dan l-‘arranġament’ kien tfassal fuq arranġament ieħor li l-aħwa Degiorgio jaħsbu li Anthony Chetcuti ‘il-Biglee’ diġà kellu ma’ Chris Cardona. S’issa m’hemmx provi dwar dan. Kull m’hemm hi x-xhieda ta’ Theuma u dawk li ssemmew minnu qed jiċħdu dak li ntqal fil-qorti.

Ir-ritratt ta’ Anthony Chetcuti ittieħed mill-Facebook profile li jġib l-isem Anthony Biglee li jingħad li huwa Anthony Chetcuti.