Ma qrajtx id-dettalji tal-akkużi li ser jinġiebu kontrihom iżda jidher li dawn huma marbutin ma’ ħlasijiet illeċti li kienu saru minn Keith Schembri lil dak li kien imexxi lill-Allied Newspapers Adrian Hillman u dan fl-isfond tal-kuntratt ta’ bejgħ ta’ makna tal-istampar li l-kumpannija li xxandar il-ġurnal Times of Malta kienet rebbħet lill-kumpannija li sidha huwa Keith Schembri.
Il-Pulizija kienet bdiet l-investigazzjonijiet tagħha wara li fl-2017 tnediet inkjesta maġisterjali fuq ordni tal-Maġistrat Aaron Bugeja. Din l-ordni kienet inħarġet wara li Simon Busuttil għadda lill-Maġistrat patafjun ta’ dokumenti lill-Maġistrat bħala prova tad-delitti li kienu twettqu.
Aħna u nistennew biex naraw eżatt biex ser jiġu mixlijin, ta’ min wieħed ifakkar dwar ċerti fatti.
Dawn il-persuni ilna nitkellmu dwarhom għal żmien twil. Il-każijiet li ser insemmi jinsabu mdaħħlin fihom il-persuni li l-Pulizija qed tinterroga llum iżda m’humiex neċessarjament marbutin mal-każ speċifiku li qed jiġu mixlija dwaru llum.
Nibdew b’Matthew Pace. Dan huwa l-istess bniedem li deher f’ritratt jiċċelebra r-rebħa tal-Labour fl-2013 bix-xampanja f’idu fid-dar ta’ Jeffrey Pullicino Orlando. Fir-ritratt jidher kokka bil-bandiera f’idu.
Fit-2 ta’ April 2013, Matthew Pace inħatar biex iservi fuq il-Bord tal-MEPA minkejja l-fatt li sa erba’ snin qabel kien jaħdem ta’ insurance salesman mal-kumpannija Global Capital.
Il-kumpannija MFSP ħoloqha ma’ żewġ soċji oħrajn. Għalih Keith Schembri kien ħabib u klijent speċjali u, s’intendi, ħakkew dahar xulxin.
Matthew Pace mhux biss ħa ħsieb l-investimenti ta’ Keith Schembri iżda l-investimenti ta’ membri oħrajn tal-klikka Tagħna Lkoll bħal Robert Musumeci, Malcolm Scerri u dak li kien il-kap tal-Bank of Valletta Deo Scerri.
Hu u jaċċetta u “jsaffi” depożiti ta’ flus li saru minn Keith Schembri – u għaldaqstant kien jaf sewwa li Keith Schembri kien qed jiddepożita flejjes li ma messhomx kienu f’idejh – Matthew Pace kien qisu pappagall jirrepeti l-kliem “fejn huma l-provi?” – kliem li kienu ħarġu bihom tal-Labour kull darba li dawk li kienu jmexxuh – ewlieni fosthom Keith Schembri – kienu jinqabdu bil-qalziet imniżżel sa għarqubhom. Issa qed jidher ċar li l-“provi” kienu dejjem f’idejn dawk li dejjem kienu jiċħdu l-eżistenza tagħhom.
Lil Matthew Pace ma ppremjawħx biss bil-prestiġju. Tawħ ukoll diversi opportunitajiet. Skont dawn in-nies, f’pajjiżna din hi li tfisser il-meritokrazija.
Ħatra fuq il-bord tal-MEPA swiet mitqlu deheb lil min huwa sid ta’ real estate franchise u lil min – bħal Matthew Pace u sħabu Laburisti – kien lest li jinjora r-regoli bażiċi dwar kunflitti ta’ interess.
Flimkien ma’ Michael Bonello (mhux dak li kien il-gvernatur tal-Bank Ċentrali) u Neil Carter, Matthew Pace kien sid ta’ Swieqi Alliance, franchise ta’ Remax Properties, kumpannija li tinnegozja l-bejgħ u l-kirjiet ta’ proprjetajiet.
Lil Adrian Hillman m’aħniex ser narawh fl-għassa tal-pulizija llum għaliex bħalissa jinsab imsiefer. Dwar dan smajna kemm il-darba. Dan kien warrab mill-impjieg tiegħu mal-Allied Newspapers bħala bniedem li kien ġie skreditat iżda madwar ħmistax wara l-nqatlet Daphne, smajna li kien inħatar fuq il-bord tat-tmexxija tal-American University of Malta. Kien ser jinħatar ukoll biex imexxi l-gaming authority. Min jaf kemm kien ikun kuntent b’dan Yorgen Fenech. Iżda din il-ħatra spiċċat ma saritx.
U mbagħad xi ngħidu għal Malcolm Scerri – bniedem ħa ħsieb in-negozji privati ta’ Keith Schembri waqt li l-istess Keith Schembri ħa ħsieb biex iħares l-interessi personali tiegħu mill-aktar uffiċċju pubbliku li wieħed jista’ jimmaġina: l-uffiċċju taċ-chief of staff tal-prim ministru.
Waħda minn dawn il-biċċiet art kienet għaddiet b’kera ta’ €33,470 fis-sean għal 65 sean lil Kasco Limited. Il-kejl ta’ din il-biċċa art hu ta’ 2,475 metru kwadru u, skont il-kutratt, il-kumpannija Kasco hi marbuta li tagħmel użu mill-istess art biex “tipproċessa l-karta, prodotti tal-karta u linka”.
Madankoll l-kuntratt lil Kasco Limited jippermettilha tgħaddi l-art f’idejn Kasco Recycling Limited biex minn fuqha din tkun tista’ tħaddem “ir-riċiklaġġ tal-plastik, fdalijiet tat-Tetrapak” u materjal ieħor.
Meta fi Frar 2018 wieġeb mistoqsija ta’ Jacob Borg tat-Times of Malta, Keith Schembri “ipprova jnaqqas l-importanza tar-rabtiet li kellu ma’ negozju ġdid li kellu x’jiggwadanja mill-politika ġdida tal-gvern favur ir-riċiklaġġ tal-fliekxen tal-plastik”.
Minn investigazzjoni mmexxija mit-Times of Malta, rriżulta li kumpannija Norveġiża li ġġib l-isem ta’ Tomra li timmanifattura makni tar-riċiklaġġ tal-fliexken tal-plastik ripetutament kienet qed tirreferi lil min kien interessat jakkwista dan it-tagħmir lil Malcolm Scerri, sieħeb Keith Schembri fin-negozju tar-riċiklaġġ.
Dalgħodu rajn wkoll lil Brian Tonna u lil Karl Cini. Kienu dawn it-tnejn li kienu ħolqu l-kumpanniji sigrieti fil-Panama għal Keith Schembri u għal Konrad Mizzi. U, fir-rapport tal-inkjesta dwar Egrant, Karl Cini ssemma’ bħala persuna suspettata li għamlet dokumenti foloz. Sal-lum Brian Tonna baqa’ jgħid li hu u mhux Michelle Muscat huwa sid l-Egrant, iżda l-kredibilità tiegħu – jekk qatt tista’ ssejħilha hekk – llum mistenni li taqla’ daqqa oħra.
Il-lista ta’ skandli li kien imdaħħal fihom Keith Schembri huma aktar friski fil-memorja kollettiva. Dan kien sid ta’ kumpannija sigrieta fil-Panama li kellha tirċievi flejjes mingħand Yorgen Fenech. Kien għadda lilu nnifsu art pubblika leliet elezzjoni ġenerali. Kien irċieva flejjes minn għejjun mhux magħrufa wara li kien ivvjaġġja lejn l-Ażerbajġan u kien ġiegħel lil Matthew Pace jgħaddihomlu mis-sistema. Kien irċieva f’kont sigriet fil-Pilatus Bank €100,000 mingħand Brian Tonna. Skont hu, l-Maġistrat ikkonkludiet li dawn il-flejjes ma kienux minn tixħim marbut mal-bejgħ tal-passaporti lil sinjuruni Russi. Mhux hekk tgħid!
Xhud tal-prosekuzzjoni stqarr li kien għadda nformazzjoni kunfidenzjali lil Yorgen Fenech qabel kienu ġew arrestati l-aħwa Degiorgio. Dan jagħti lil wieħed x’jifhem li kien jaf qabel kulħadd bid-dettalji tal-konġura biex Daphne tiġi assassinata. Huwa ċaħad li kien kiteb ittra lil Yorgen Fenech li fiha tah struzzjonijiet biex iwaħħal ir-responsabbiltà għall-qtil ta’ Daphne fuq Chris Cardona, iżda sal-lum ma sirna nafu b’ħadd li jista’ jeħodlu postu bħala l-awtur ta’ dik l-ittra.
Keith Schembi kien ġie arrestat b’rabta mal-qtil ta’ Daphne ftit siegħat wara li warrab mill-kariga ta’ chief of staff fl-uffiċċju tal-prim ministru. U matul din il-medda qasira ta’ żmien, għeb il-mobile phone tiegħu.
Għaliex jeħtieġ li dan kollu niftakruh? Għaliex illum m’huwiex il-jum li fih ser issir il-ġustizzja. Jekk Keith Schembri u l-kompliċi tiegħu ser jiġu mġiegħla kif suppost biex iwieġbu għal għemil li ilna nafu bih, dak li qed naraw illum għandu jkun xenarju regolari għas-snin li ġejjin.
Din il-ġimgħa Keith Schembri għamel ħafna għaġeb u stqarr li dak li ser jiġi mixli dwaru huwa marbut ma’ dak li seħħ qabel l-2013.
Iżda minn dan il-fatt nistgħu niġbdu konklużjoni importanti. Meta llum ser naraw lil Keith Schembri mixli flimkien mal-bqija tal-ġgajta tiegħu – ser naraw appuntu ġgajta. Ġgajta ta’ kriminali li diġà kienu fin-negozju qabel il-poplu Malti għażilhom biex imexxilu l-pajjiż. Ġgajta ta’ kriminali li kienet qed tlesti biex taħkem lill-pajjiż u biex timla’ l-bwiet tagħha minn flus il-poplu. Ġgajta ta’ kriminali li hi korrota sa ġuf ommha u li rfinat il-ħiliet tagħha fil-kriminalità finanzjarja biex, meta jasal iż-żmien, tkun tista’ tgawdi kemm tiflah.