L-eks Kummissarju Ewropew John Dalli, li fl-2012 kien ġie mġiegħel jirriżenja mill-kariga wara li kienet inbdiet investigazzjoni tal-OLAF dwar allegazzjonijiet li galoppin ta’ John Dalli kien talab il-ħlas baxx baxx ta’ €60 miljun mingħand kumpannija Svediża, fil-ġranet li ġejjin ser jitressaq il-Qorti biex iwieġeb għal akkużi li ser isiru kontrih.

Dan il-każ ta’ John Dalli tħalla bejn sema u ilma għal diversi snin u dan minkejja l-fatt li l-Pulizija Maltija f’laqgħa interna li seħħet f’Diċembru 2012 kienet iddeċidiet li tixli lil John Dalli b’tixħim. F’dik il-laqgħa presjeduta minn John Rizzo, dak iż-żmien Kummissarju tal-Pulizija, r-rakkomandazzjonijiet Angelo Gafà, dak iż0żmien Spettur tal-Pulizija, kienu ġew aċċettati. Agħtu daqqa t’għajn lejn ir-rapport li kont xandart hawn f’Lulju 2021.

Dalgħodu waslitli l-aħbar li John Dalli kien ser jitressaq il-Qorti minn kitba tad-deputat tal-PN Jason Azzopardi li fakkar li d-deċiżjoni li kien ħa John Rizzo li joqgħod fuq il-parir li kien tah Angelo Gafà kienet ġiet imxejjna mis-suċċessur tiegħu Peter Paul Zammit li kien ġie maħtur Kummissarju wara li John Rizzo tneħħa mill-gvern Laburista l-ġdid.

Dak iż-żmien, Peter Paul Zammit kien stqarr li hu kien reġa’ fela’ l-każ kontra John Dalli u ddeċieda li l-Pulizija ma kellhiex għalfejn tieħu passi. Hekk kif ittieħdet din id-deċiżjoni, John Dalli rritorna lura Malta minn Brussell u ftit wara nħatar konsulent dwar kwistjonijiet fil-qasam tas-saħħa mill-Prim Ministru Joseph Muscat.

John Rizzo huwa mistenni li jkun xhud tal-prosekuzzjoni fil-każ kontra John Dalli.

F’Lulju li għadda, l-każ ta’ John Dalli tkellmet Repubblika li għamlet sejjħa lill-Pulizija biex tieħu passi dwar każi ta’ korruzzjoni. Dak iż-żmien, John Dalli kien ħa għalih talli Repubblika nkludiet ismu f’lista ta’ politiċi u persuni pubbliċi li għadhom ma tressqux il-Qorti biex iwieġbu għal akkużi kriminali u dan minkejja l-eżistenza ta’ provi. John Dalli talab lil Repubblika li tiskuża ruħħa, iżda din baqgħet ma ngħatatx.