Il-prim ministru stqarr li wasal iż-żmien biex nibdew nitkellmu dwar ir-riforma elettorali. Proprju issa jrid jitkellem? Dan ilu prim ministru sa minn Jannar tal-2020 u membru parlamentari mill-2017. U proprju issa, ftit ġimgħat biss qabel l-elezzjoni ġenerali, deherlu li kellu jirrikonoxxi li din ir-riforma hi meħtieġa.
Fil-fehma tiegħi, diskors bħal dan huwa abbuż. L-ewwel jaħtfuna u jħalluna bil-ġuħ u mbagħad joqogħdu jittamawna li ser ilestulna ikla bnina. Jippretendu li għandna nkunu grati lejhom minkejja l-fatt li din l-ikla bnina mbagħad ma tasal qatt.
Tajjeb li nitkellmu dwar riformi elettorali – iżda dibattitu bħal dan m’għandux isir lejlet elezzjoni ġenerali. Ninsab konxju tal-fatt li għandu jkun hemm bidla fil-liġijiet u li din il-bidla messha ilha li saret. Naqbel ukoll li jeżistu aspetti fis-sistema elettorali tagħna li huma l-kaġun tal-problemi li għandna fid-demokrazija tagħna. Hi x-xewqa tiegħi li ssir bidla u, tul medda ta’ diversi snin, smajt b’ideat tassew tajbin.
Iżda m’għandna qatt inwettqu riforma fis-sistema elettorali lejlet elezzjoni ġenerali għax dan iġib miegħu ħafna inċertezza fejn ikollhom x’jaqsmu r-regoli l-ġodda. Ma jkun xejn ħlief ġenn jekk ser noqogħdu nitħaddtu proprju f’dan l-istadju dwar ir-riformi. Jew agħar, jekk forsi nitħajru nużaw dawn ir-riformi biex nimminaw il-ftit li fadal mid-demokrazija tagħna.
Il-wegħdi jafu jagħmew lil x’uħud.
Nieħdu bħala eżempju d-dilettanti tat-tlielaq tal-karozzi. Il-gvern qed isemmi “pjanijiet” li għandu għall-bini ta’ trakka. Qed naraw billboards iħabbru dawn il-pjanijiet daqslikieku rebħu kuntratt għal xi tellieqa tal-F1. Il-pjanijiet ġew sottomessi, iżda jeħtieġ li l-gvern issa jgħaddi biex jiġġustifika spiża bħal din. Għandu jkun hemm studji biex jiġi pruvat li l-bini ta’ din it-trakka mhix ser tkun ta’ piż finanzjarju mingħajr ma tħalli qligħ għall-pajjiż. Iżda jeħtieġ niftakru li din il-wegħda elettorali saret miż-żewġ partiti ewlwnin li qed jippruvaw iħajru lil dawn id-dilettanti biex jivvutawlhom.
Ftit ħsibijiet.
L-ewwel nett, il-“wegħda” ta’ trakka ġdida tirxoxta lejliet kull elezzjoni ġenerali. Dan is-suġġett jaf ma jinteressakx wisq u taf ukoll tasal biex tinsa li kemm-il darba ssemma’ fl-imgħoddi. Iżda hija ħaġa li bilkemm titwemmen li bosta dilettanti jinsew li l-wegħda ta’ bini ta’ trakka ssir qabel kull elezzjoni u mbagħad tispiċċa biex ma tinbena qatt. Il-partiti poltiċi ser jibqgħu jitwemmnu?
Il-bini ta’ trakka qatt ma kellu jiġi mwiegħed. Mhuwiex xogħol il-gvern li jissussidja sport – li wara kollox ma jagħmel xejn biex itejjeb is-saħħa – permezz ta’ trasferiment ta’ art u nfiq ta’ flus, jew it-tnejn f’daqqa. Naf li qed nagħmel aktar għedewwa milli neħtieġ, u forsi qed niżbalja meta nsaħħan irjus oħra kontrija. Iżda jien ma nistax niġġustifika l-bini ta’ trakka ffinanzjata minn flus pubbliċi fuq art pubblika. Jekk iridu trakka, id-dilettanti jmisshom jibnu waħda bi flushom. Diġà hawn wisq karozzi jtellqu fit-toroq tagħna.
Il-gvern iġib l-iskuża li ser jiffinanzja l-proġett mid-dħul tal-bejgħ tal-passaporti bħallikieku mhuwiex fid-dmir li jiġġustifika l-mod kif jintefqu dawn il-flus. Jeħtieġ nifhmu li l-liġijiet tal-pajjiż japplikaw xorta waħda. Il-gvern ma jistax jaqbad u jberbaq il-flus, ġejjin minn fejn ġejjin.
Trakka tat-tlielaq tal-karrozzi mhux biss tkun ħela mill-użu tal-art. Hawn qed nitħaddtu dwar sport li huwa storbjuż u jħammeġ ftit inqas minn power station tal-faħam fejn tidħol l-emerġenza li ninsabu fiha sforz it-tibdil fil-klima. Inizjattiva bħal din bi flus il-poplu titfagħna diversi passi lura. Aħsbu biss kemm ikun jeħtieġ li jitħawlu siġar sabiex jittaffa t-tniġġis mill-karbonju li tiġġenera trakka. Li kieku Ħal Far kellu jinbidel f’bosk, l-ispiża biex noħolquh u nmantnuh tkun inqas.
Għad jasal żmien li matulu nkunu nistgħu nitkellmu bis-serjetà dwar il-bini ta’ trakka. Li rrid ngħid hu li issa mhuwiex iż-żmien. Issa qed toqrob elezzjoni ġenerali u nafu li anki l-iktar affarijiet bażiċi li tistenna li tisma’ mill-partiti politiċi jispiċċaw biex jtiru mar-riħ – sensittività lejn il-kriżi fil-klima, parteċipazzjoni tal-istakeholders, użu oġġettiv tal-art pubblika – u jibdew iwiegħdu bl-addoċċ lil dawk li jkollhom il-ħila li jokorbu l-aktar.
Waqt elezzjoni ġenerali jintilef kull sens ta’ proporzjon. Dan huwa żmien ideali biex matulu nitkellmu dwar il-kmamar li hemm fl-Armier, jew dwar il-bini ta’ mina bejn il-gżejjer, jew dwar il-bini ta’ biżżejjed mini taħt l-art biex ikollna ferrovija taħt l-art.
Qed nitħaddtu dwar dawn is-suġġetti proprju issa għaliex ħadd ma jidher li għandu l-ħin jew ir-rieda li jmeri dak li qed iwiegħdu l-partiti, jew li tal-anqas ifittxu fil-parti ta’ taħt tal-karozza tleqq li qed joffrulna.
Neċitaw rwieħna wisq meta nisimgħu l-wegħdi ħerġin wieħed wara l-ieħor.
Il-kontradizzjonijiet m’aħniex inxommuhom. Clyde Caruana, l-Ministru tal-Finanzi, qed iħabbar qawmien ġdid għal dan il-pajjiż biex ma nibqgħux dipendenti mill-industrija tal-bini. Ċertmanet din hi ħaġa li nixtiquha lkoll. Iżda l-fatti huma li, meta l-pajjiż kien fehma waħda li qed niddipendu wisq mill-industrija tal-kostruzzjoni, Clyde Caruana fetaħ il-bibien beraħ biex idaħħal ħaddiema mill-Pakistan u mit-Turkija biex jaħdmu fil-bini.
Kif qatt nistgħu nemmnu lil min qed iwiegħed ekonomija b’saħħitha li ma tiddependix mill-bini ġaladarnba din il-wegħda qed issir minn dawk li qed iwiegħdu li jibnu trakka?
U xi ngħidu dwar Aaron Farrugia li lbieraħ ħabbar “investiment” ta’ €300,000 li ġew allokati lil 11-il kunsill lokali bil-għan li “jħaddru l-ambjent”? Lil 11-il kunsill lokali mit-68 li għandna fil-pajjiż, ser igħaddilhom €27,000 il-wieħed. Ġaladarba lissen il-kelma “investiment”, dan ifisser li qed jistenna xi qliegħ. Xi qliegħ hu dan? Skoss ward fix-xahar ta’ April? Liema mirakli se jwettqu dawn l-ispazji ħodor meta mqabbla mal-istima ta’ €20 miljun biex jibni trakka?
Dan kollu mhuwiex iġegħelna nkemmxu xufftejna?
Meta rasna tkun taħt mannara ma tantx inkunu nistgħu nirraġunaw sewwa.