Il-Kummissarju tal-Pulizija ma aċċettax ilment li Yorgen Fenech għamel xi ftit ġimgħat ilu li permezz tiegħu xela lil Jason Azzopardi u lill-“blogger Manuel Delia” li għamlu “attakk sistematiku kontra l-Imħallef Giovanni Grixti”.

Yorgen Fenech allega li kitba f’din il-website u kummenti li kiteb Jason Azzopardi fil-midja soċjali kisru l-provvedimenti tal-kodiċi kriminali li jitkellmu dwar disprezz u theddid kontra Mħallef waqt il-qadi ta’ dmirijietu bl-intenzjoni li jiġi intimidat jew influwenzat.

Il-kitbiet kixfu li l-Imħallef Giovanni Grixti kien naqas li ftit tas-snin qabel jiddikjara li kien xtara lanċa mingħand missier Yorgen Fenech.

Yorgen Fenech allega wkoll li l-imġiba ta’ Jason Azzopardi u tiegħi ħaqqha sa sentejn ħabs kif ukoll it-twaħħil ta’ multi.

Yorgen Fenech talab li ssir investigazzjoni immedjata kontra Jason Azzopardi li huwa wkoll l-avukat tal-familja tal-vittma ta’ reat kriminali li Yorgen Fenech jinsab mixli dwaru, jiġifieri l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Yorgen Fenech allega ukoll li jien qed inkun ta’ “preġudizzju” fil-konfront tiegħu u li jien qed “nikser id-dritt fundamentali tiegħu li jkollu smigħ xieraq”.

Fi tweġiba ffirmata mill-Avukat tal-Istat Chris Soler, illum il-Kummissarju tal-Pulizija stqarr li ma nkiser ebda dritt fundamentali ta’ Yorgen Fenech. U li l-azzjonijiet li ħadu Jason Azzopardi u Manuel Delia ma jammontawx għal intimidazzjoni fil-konfront tal-imħallef.

Ta’ min isemmi li l-Imħallef innifsu, Giovanni Grixti, jingħad li għamel ilment simili lill-Pulizia. Dawn l-allegazzjonijiet li jien kont għamilt xi ħaġa illegali saru wkoll mill-avukat ta’ Yorgen Fenech, Charles Mercieca, permezz tal-midja soċjali.

Fil-qorti Yorgen Fenech jidher li tefa’ l-attenzjoni tiegħu fuq kitbieti biss u dan minkejja l-fatt li mezzi tax-xandir oħra kienu xandru l-istess storja fl-istess żmien. Kumbinazzjoni dan l-ilment sar matul l-istess ġimgħa li fiha numru ta’ emails suppost mibgħutin minni ntbagħtu biex isir tbagħbis fil-provi u dan bil-ħsieb malinn li jiġu konfermati l-akkużi ta’ Yorgen Fenech fil-konfront tiegħi u fil-konfront ta’ Jason Azzopardi.

Din il-website ġiet ukoll imbagħbsa ħafna drabi, u dan qabel ġew imbagħbsa websites oħrajn minn persuni mhux magħrufa.