Issa li l-prosekuturi fetħu kawża kontra gwardjani tal-ħabs dwar il-mewt ta’ priġuniera li seħħet taħt għajnejhom, tfeġġ il-kwistjoni dwar min għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika.

F’dan pajjiżna bħallikieku ngħixu kuljum maħkumin mid-deni tal-elezzjoni. Saħansitra anki sa erba’ snin qabel elezzjoni, l-gvern tant ikun imwerwer li ser jitlef xi vot li lanqas biss jazzarda jammetti li wieħed minn fosthom seta’ żbalja. Issa li l-elezzjoni ġenerali tinsab biss ġimgħat jew xhur ‘il bogħod, ibqgħu ċerti li l-kritiċi tas-sistema tal-ħabs u tat-tmexxija tiegħu mhux ser jingħataw widen.

M’għandi ebda ħtieġa li nżid ma’ dak li stqarrew Peppi Azzopardi u Andrew Azzopardi fis-sens li, f’dan l-istadju u aktar minn qatt qabel, jeħtieġ li ssir inkjesta pubblika dwar il-mod kif qed jitmexxa l-ħabs. Il-mistoqsija fuq fomm bosta nies hi dwar jekk l-istat għandux jerfa’ r-responsabbiltà, imqar b’mod parzjali, dwar l-imwiet inspjegabbli li seħħew kemm ilu jmexxi l-ħabs Alexander Dalli.

Din il-mistoqsija diġà weġbuha l-prosekuturi. Dawn qed jgħidu li, skont l-istat, iż-żewġ gwardjani huma responsabbli għall-aħħar suwiċidju li seħħ. Dawn il-gwardjani jaqdu r-rwol ta’ ħaddiema tal-istat u jwettqu xogħol f’isem l-istat. Għalhekk jidher ċar li l-prosekuturi huma tal-fehma li, għalkemm b’mod involontarju, forsi b’negliġenza, forsi bis-saħħa tal-għażla ta’ proċeduri ħżiena, sforz in-nuqqas ta’ taħriġ jew ta’ dixxiplina eżaġerata, l-istat huwa responsabbli għallinqas għal wieħed minn dawn is-suwiċidji.

It-teħid ta’ dawn il-proċeduri kellhom iwasslu għar-riżenja awtomatika ta’ Alex Dalli. Dan messu ilu li dabbar rasu. In-numru ta’ priġunieri li mietu taħt it-tmexxija tiegħu kien wieħed imdaqqas. Id-diskorsi li jagħmel, li jfakkru fi Stalag 17, kellhom ikunu biżżejjed biex jitwarrab.

U ġaladarba ma twarrabx dak iż-żmien, ċertament mhux ser jitwarrab issa.

Madankollu l-każ li qed nitkellmu dwaru jmur lil hinn minn Alex Dalli nnifsu. Id-deċiżjoni li jinħatar u li jinżamm fil-ħatra minkejja l-imwiet li seħħew hi waħda politika. Issa għandna sitwazzjoni fejn persuni li jaħdmu taħtu ġew mixlija li kkawżaw il-mewt ta’ mill-inqas persuna waħda li kienet taħt il-kustodja tagħhom. Lil Byron Camilleri ma nistgħux nixluh bl-eżaġerazzjonijiet komiċi jew bl-imġiba assurda li jinqala’ għalihom Alex Dalli – bniedem li jingħad li hu dilettant tax-xwabel kolonjali li ta’ sikwit ixejjer f’wiċċ in-nies jew tal-midalji bl-emblema eraldika tal-familtu li jħobb iqassam.

Minkejja dan kollu, Byron Camilleri baqa’ jiddefendi b’mod konsistenti t-tmexxija ta’ Alex Dalli fil-ħabs.

Id-deċizjoni li jinħatar Alex Dalli u li jinżamm fil-ħatra minkejja dak li qed iseħħ hi waħda politika. U issa li l-prosekuturi qed jixlu lill-ħaddiema li jaqgħu taħtu b’responsabbiltà kriminali għall-mewt ta’ mara, l-ministru għandu jinżamm kontabbli għal dawn id-deċiżjonijiet politiċi.

Inkjesta tkun tista’ tistabbilixxi n-nuqqasijiet amministrattivi u sa liema punt jkun jeħtieġ li tintrefa’ r-responsabbiltà politika. Iżda issa għandna tweġiba ċara għall-mistoqsija dwar jekk l-istat huwiex responsabbli, imqar b’mod parzjali, mill-inqas għal mewt ta’ mara waqt li din kienet fil-ħabs.

Byron Camilleri għandu jwarrab. Iżda tistgħu tibqgħu ċerti li mhux ser jagħmel dan. Għaliex, hi x’inhi l-fehma dwar Malta tas-Sinjura von der Leyen, is-saltna tad-dritt u d-drittijiet fundamentali f’Malta huma sodi daqs kemm ikun sod żwieġ ta’ konvenjenza fejn il-kundizzjonijiet taż-żwieġ jinbidlu minn jum għal ieħor skont kif jaqbel għas-sieħeb dominanti ewlieni: jiġifieri l-gvern tagħna.