Tal-FIAU għadhom kemm waħħlu multa rekord ta’ ftit anqas minn €5 miljuni lil Pilatus Bank plc talli dan il-Bank intuża biex jaħsel flus maħmuġin u bħala għodda għall-iffinanzjar tat-terroriżmu.

Ippermettuli li nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin.

1. Damu 3 snin sħaħ biex jikkonfermaw dak li kien minn ewl id-dinja mill-bidu nett

Il-multa li weħel il-Bank kienet frott ta’ deċiżjoni li ttieħdet wara li fl-2018 kienet saret “extensive compliance review”. Jiġifieri 3 snin ilu. Għalkemm il-multa hi waħda rekord, il-liġijiet li ġew applikati m’humiex ġodda. Id-deċiżjoni hi msejsa fuq numru ta’ liġijiet li ilhom fis-seħħ mill-2008, kif emendati fl-2015, jiġifieri minn tliet snin qabel saret ir-review. Għalkemm m’għandi ebda dubju li kellu jsir ħafna xogħol, il-fatt jibqa’ li għalkemm mill-Pilatus Bank għaddew somom enormi ta’ flus, dan il-Bank kellu biss numru żgħir ta’ kontijiet.   

Mhux aċċettabbli li damu 3 snin sħaħ biex jikkonkludu. X’aktarx li tal-FIAU għad joħorġu b’xi spjegazzjoni għal dan. Iżda kemm jekk ir-raġuni kienet minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani, kemm jekk għaliex Peter Grech u Silvio Valletta damu biex warrbu qabel inbdew investigazzjonijiet bis-serjetà, jew kienet x’kienet ir-raġuni, l-konklużjoni li nġibdet ċertament m’hix ser tifdina f’għajnejn id-dinja finanzjarja. Tikkonferma biss li kien ħaqqna li ninxteħtu fil-Lista l-Griża mill-FATF. Għaliex lil Ali Sadr konna tajnieħ liċenzja biex iħaddem il-Pilatus Bank f’radda ta’salib. Iżda domna 3 snin sħaħ biex niddeċiedu x’kien jeħtieġ li jsir wara li l-Awtorità Bankarja Ewropea ordnat l-għeluq tiegħu.

Id-deċiżjoni li ttieħdet tista’ tiġi appellata quddiem il-Qorti u għaldaqstant din m’hix waħda definittiva.

2. Daphne kellha raġun

M’għandniex xi ngħidu, Daphne Caruana Galizia kellha raġun. Li kieku ma kienux għall-investigazzjonijiet ġurnalistiċi li għamlet, tal-Pilatus Bank kienu jibqgħu għaddejjin jaħslu l-flus għall-kriminali b’impunità sħiħa. Wara li kienet xandret l-istejjer tagħha dwar il-Pilatus Bank, l-awtoritajiet kienu injorawha u l-Partit Laburista u l-qaddejja tiegħu għamlu minn kollox biex jiddieħku biha u jiskreditawha.

Fir-ritratt t’hawn fuq tistgħu tilmħu partitarji Laburisti jiċċelebraw fuq it-taraġ tal-bini fejn kien hemm il-Pilatus Bank l-għada tal-elezzjoni ġenerali tal-2017. Ma nistax naħlef, imma li kieku kelli nagħmel imħatra m’għandix dubju li kull wieħed minn dawn il-persuni ser jerġgħu jivvutaw Labour fl-elezzjoni li ġejja. Huwa minnu li ma tistax titfa’ lil kulħadd f’keffa waħda, iżda li huwa ċar hu li dawn in-nies ma jafux jiddistingwu bejn is-sewwa u dak li m’huwiex u tassew tixirqilhom il-kelma “Ġaħan”.

3. Il-whistle-blower għad hemm il-ħtieġa tagħha 

Impjegata tal-Pilatus Bank li kienet tkeċċiet għaliex uriet li ma kienitx lesta li tkun kompliċi mal-illegalitajiet li issa ġew rikonoxxuti mill-FIAU, qed tiġi mfittxija mill-Pulizija Maltija fuq akkużi foloz li kienu saru kontriha mis-sid vendikattiv tal-Bank. Ix-xogħol investigattiv li kienet wettqet Daphne Caruana Galizia kien kuraġġjuż, preċiż u definittiv. U hi stess kienet issostni li ma kienitx issib tarf li kienu ma kellhiex l-għejjun tagħha biex igħinuha. Waħda minn dawn l-għejjun kienet Maria Efimova. Lil dan pajjiżna din il-mara – li tant ġiet imgħajjra u mkażbra – tatu servizz kbir għaliex kien bis-saħħa tagħha li nkixfet il-verità dwar il-Bank li fih hi kienet taħdem. U minkejja dan, sal-lum għad hemm rapporti kriminali kontriha. Il-prosekutur Malti għandu minnufih jara li jċedi l-kawżi li saru kontriha u l-Istat Malti għandu jirrigrazzjaha tas-servizz li tat.

4. Il-multa m’hix il-kastig għar-reati kriminali li twettqu 

Is-somma ta’ €5 miljun – għalkemm waħda ġmielha – hi waħda simbolika. Il-multi amministrattivi ma jitwaħħlux biex ikun hemm il-kastig. Jitwaħħlu biex iservu ta’ deterrent għal min ikun qed imexxi negozju biex dawn ikollhom jaħsbuha darbtejn qabel jagħżlu li jiksru l-liġijiet. Il-multa li weħlu tal-Pilatus Bank talli dawn ħaslu flejjes maħmuġin inxebbagħha ma’ multa li jeħel qattiel talli jkun naqas li jnaddaf l-arma li biha jkun qatel.  Tal-Pilatus Bank mhux biss ħaslu l-flus maħmuġin. Il-Pilatus Bank twaqqaf apposta bħala organizzazzjoni mill-kriminali għall-kriminali biex jaħsel il-flus.

Ta’ min isemmi li l-awtoritajiet Maltin għandhom lanqas biss bdew iroddu s-salib biex imexxu kontra r-reati kriminali li wettqu s-sidien, id-diretturi, l-impjegati u l-klijenti tal-Pilatus Bank. Mhux biżżejjed li tal-Pilatus Bank jeħlu multa. Jeħtieġ ukoll li ma jiġux injorati dawn ir-reati li twettqu. Jekk dawn jiġu njorati, inkunu qiesna waħħalna multa lil qattiel talli dan naqas li jħallas il-kontijiet tiegħu tad-dawl u l-ilma!

Ali Sadr u oħrajn kienu jafu li f’idejhom kienu qed jirċievu flus maħmuġin u dawn il-flus kienu ġew ipproċessati biex “jitnaddfu”. U kien hemm min iddepożita dawn il-flus maħsulin.

L-inkjesta maġisterjali dwar ir-reati li twettqu fil-Pilatus Bank ilha lesta kważi 9 xhur u, minkejja dan, il-Pulizija għad ma kellhiex il-ħila li tressaq persuna waħda li hi waħda fil-qorti. Din l-inkjesta swiet lill-pajjiż €7.5 miljun, iżda s’issa l-istituzzjonijiet tal-Istat Malti m’għandhom assolutament xejn x’juru ħlief rapport sigriet li ħadd għadu ma rah u li jidher li ma sar xejn dwaru.

Fil-bord tal-Pilatus Bank plc għad hemm erba’ diretturi. X’sar minnhom it-Tork Mustafa Cetinel, l-Iranjan liebes il-maskra ta’ ċittadin tad-Dominika Hamidreza Ghanbari u l-Amerikani Robert Klingensmith u Luis Felipe Rivera? Kemm għad irridu nistennew biex dawn il-ħallelin jgħebu mix-xena flimkien ma’ dak li kien iċ-Chairman tagħhom Ali Sadr qabel nibdew inroddu s-salib u nibdew it-taħrikiet kriminali?

X’nambuhom il-liġijiet ġaladarba m’għandniex il-ħila li ninfurzawhom?

5. Il-multa x’aktarx ma tistax tinġabar

Dakinhar li Ali Sadr ħarrek lil Daphne Caruana Galizia talli din xandret stejjer li llum nafu li kienu veri u preċiżi, lill-qorti ta’ Arizona talabha li tikkundannaha biex tħallsu kumpens ta’ $40 miljun. Wara li l-Bank kien ġie mġiegħel jagħlaq u nbdiet ir-review tal-FIAU fl-2018, id-diretturi tal-Pilatus Bank kienu ħarrku għad-danni lill-Malta Financial Services Authority u talbu li jingħatawlhom lura b’kemm jiswa’ ġid ta’ €80 miljun. Il-multa ta’ €5 miljun weħilha l-Bank u mhux dawk li kienu jmexxuh u għandha titħallas mill-Bank kemm il-darba dan jingħata aċċess għal dan il-ġid. Dan m’huwiex kastig fil-konfront ta’ Bank li llum huwa magħluq. Huwa biss spiża maħluqa mill-gvern.

Għaldaqstant il-€5 miljun mhux ser jinġabru u l-multa ma tistax tiġi nfurzata.

  1. Qed taraw il-għala għandna bżonn liġijiet kontra s-SLAPP?

Dan l-episodju isaħħaħ l-argument favur it-teħid ta’ miżuri legali biex jiġu mħarsa l-ġurnalisti minn kawżi SLAPP. S’intendi, hemm il-kawża fil-qorti tal-Arizona kontra Daphne Caruana Galizia, imma Ali Sadr wasal s’hemm biss għax kien jaf sewwa li xejn ma kien se jwaqqafha milli tkompli tikteb. Araw ftit x’kont ktibt jien fl-24 ta’ Ottubru 2017, tmint ijiem wara li nqatlet Daphne, fejn irrapportajt dwar l-attakk kontra organizzazzjonijiet ewlenin tal-aħbarijiet li kien sar mill-avukati tal-Pilatus Bank fejn dawn kienu ġew mhedda b’kawżi fl-Amerika li setgħu jfaqqruhom kemm il-darba dawn jibqgħu ma ma jħassrux l-istejjer dwar il-Pilatus Bank mill-arkivji tagħhom. It-theddid kien ta l-frott. Fil-ġranet wara l-qtil ta’ Daphne, il-ġurnalisti Maltin, bir-raġun, twerwru . L-awtoritajiet Maltin għadhom sal-lum jirrifjutaw li jgħaddu liġijiet biex jipproteġu lill-ġurnalisti  minn dan it-tip ta’ theddid.

  1. Xi ħadd għandu jaħti għan-nuqqas tal-FIAU

Tal-FIAU damu tliet snin biex jieħdu deċiżjoni dwar dak li diġà kienu jafu bih sa mill-2018. Kien ikun aħjar li kieku għamlu l-kontijiet dwar għemilhom stess fl-2017. Jeħtieġ niftakru li  fl-2016, tal-FIAU diġà kellhom il-provi f’idejhom li bis-saħħa tagħhom illum waħħlu l-multa ta’ €5 miljun. Dak iż-żmien tal-FIAU kienu sabu “nuqqasijiet serji” fil-proċeduri ta’ kontra l-ħasil tal-flus tal-Pilatus Bank. Iżda ġara’ li d-Direttur tal-FIAU ta’ dak iż-żmien Manfred Galdes kien kostrett li jwarrab minħabba l-fatt li l-Pulizija kienet baqgħet ċassa minkejja l-provi ċari ta’ ksur ta’ liġi li kellha f’idejha. U mbagħad kellu jkun is-suċċessur tiegħu, Kenneth Farrugia, li ta l-barka tiegħu u ddikjara li ma kien sab ebda nuqqas min-naħa tal-Pilatus Bank.

Jeħtieġ wieħed jifhem li, kieku tal-FIAU tħallew ikomplu bil-pressjoni inizjali li kienu qed jagħmlu, l-awtoritajiet Maltin kienu jġiegħlu lill-Bank li jagħlaq. Dan ma seħħx u issa akkwistajna l-fama ta’ pajjiż li ma jiddejjaq xejn li jgħatti xtur il-kriminali. L-istess pajjiż li fih inqatlet ġurnalista. Id-deċiżjoni li ħa d-Direttur tal-FIAU hi waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex pajjiżna spiċċa fil-Lista l-Griża. Il-piż biex ireġġa’ lura r-reputazzjoni tal-pajjiż għal dak li kien ftit tas-snin ilu jinsab fuq spallejh.

L-Awtorità Bankarja Ewropea kienet investigat l-imġieba tal-FIAU tal-2016 u meta lestiet l-investigazzjoni tagħha, “nidiet djalogu” mal-aġenzija bil-għan li jsiru l-bidliet neċessarji. Il-bidliet jidher li daħlu fis-seħħ iżda ħadd ma ġie mġiegħel jerfa’ r-responsabbiltà għan-nuqqasijiet li kienu seħħew fl-2016.

Staqsejt lil Kenneth Farrugia jekk iħossx li għandu jerfa’ responsabbiltà personali. Weġibni fin-negattiv u qalli li r-reviżjoni tal-liġijiet tal-2018 “kienet frott ta’ eżami estensiv (li) daħħal metodoloġija totalment differenti minn dik li kienet użata mill-FIAU fl-investigazzjoni tal- awtorizzazzjoni tal-2016 u li din il-metodoloġija, flimkien mal-policies u l-proċeduri aktar dgħajfin li kellha l-FIAU fl-2016 u qabel, kien wassal biex l-FIAU għalqet il-każ fl-2016.”

Pożizzjoni tipika Maltija. Ħadd ma jaħti.

  1. Aktar minn qatt qabel, ma nistgħux noqgħodu fuq il-konklużjoni dwar l-Egrant 

Jekk naqtgħu barra dawk l-Iġħna jiċċelebraw fuq it-taraġ tal-Pilatus Bank, Joseph Muscat m’għandux jibqa’ jingħata l-benefiċċju tad-dubju dwar Egrant. Il-konklużjoni ta’ Aaron Bugeja li ma nstabux provi fil-Pilatus Bank li Egrant hi ta’ Michelle Muscat u li fil-kont ta’ din il-kumpannija kienu daħlu ħlasijiet illeċti mill-Ażerbajġan għandha tittieħed fil-kuntest tal-fatt li tal-FIAU ddikjaraw li fuq kull kont – nirrepeti, kull kont – tal-Bank ma kienux ittieħdu salvagwardji bankarji bażiċi u bis-saħħa t’hekk ma kienet saret ebda għassa biex ikun magħruf minn fejn kienu ġejjin il-flus u dwar jekk dawn kienux ħlasijiet illeċti jew le. Il- Pilatus Bank kien twaqqaf bħala għodda għall-kriminali. Kien inħoloq sabiex jgħattilhom xturhom. Min hu f’sensih u min hu onest ma jistax jasal biex jgħid li Aaron Bugeja kien irnexxielu jħoll kobba li tħabblet apposta mill-Pilatus Bank biex jasal għall-konklużjoni li Michelle Muscat ma kinitx sidt l-Egrant.

  1. Il-Pilatus Bank huwa wkoll reat politiku

Il-Pilatus Bank m’huwiex biss reat ekonomiku fil-qasam tal-privat. Kien ukoll proġett politiku. Sayed Ali Sadr Hashemi Nejad kellu rabtiet intimi ma’ Joseph Muscat u ma’ Keith Schembri: fl-2015 dawn kienu saħansitra mistednin għat-tieġ tiegħu f’Firenze. Minkejja l-ġens Iranjan tiegħu, dan ingħata liċenza bankarja Ewropea fi żmien rekord. Il-ġens tiegħu kien inħeba’ bil-għajnuna ta’ ħabib intimu ieħor, Christian Kalin, li lil Ali Sadr kien għaddielu aktar minn passaport wieħed tal-gżira St Kitts & Nevis. Ali Sadr ma kellu l-ebda esperjenza fil-qasam bankarju u konvenjentement ma staqsewh ebda mistoqsija pertinenti dwar il-passat tiegħu. Passat li jinkludi ħasil ta’ flus b’9 ċifri ġejjin minn investimenti Iranjani fil-Veneżwela.

  1. Edward Scicluna l-għala għadu fil-Bank Ċentrali?

Bil-mod intelliġenti imma qarrieq tiegħu Edward Scicluna, dak iż-żmien Ministru tal-Finanzi responsabbli tal-liġijiet ta’ kontra l-ħasil tal-flus, wara li Ali Sadr kien ġie arrestat u mixli fl-Istati Uniti, fil-Parlament kien iddefenda lill-Pilatus Bank kif ukoll id-deċiżjoni tal-awtoritajiet li jħalluh ikompli jopera. Jekk xejn aktar, din kienet deċiżjoni ħażina li swiet lill-pajjiż qares. Edward Scicluna llum huwa l-bankier ewlieni ta’ Malta. Hu l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Hemm ħafna raġunijiet għaliex dan għandu jitwarrab b’mod immedjat. Din hi raġuni oħra.