Aħfruli jekk ninstema’ qisni diska bil-labra mwaħħla, imma ma nistax nagħmel mod ieħor.

M’għandix dubju li l-President George Vella tassew jixtieq li l-pajjiż jibda proċess ta’ fejqan wara t-trawma li ġab miegħu l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Iżda jidher li l-President qed jagħmel il-pressjoni tiegħu fuq dik is-sezzjoni żgħira tal-poplu li jaf li huma lesti li jagħtuh widen u li wkoll jafu jċedu għal din il-pressjoni. Huwa jaf li dawn in-nies kulma jridu hu li jkomplu jgħixu ħajjithom fil-kwiet. Jaf ukoll li dawn huma waħdiet li mhumiex persuni fanatiċi u għaldaqstant aktar faċli li wieħed jipperswadihom.

Aħna nifformaw parti minn din is-sezzjoni żgħira. Il-President jixtieqna naħfru u nkomplu għaddejjin bil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Qed jiffoka fuqna għaliex – għalkemm għandna rjus iebsa – jaf li jkun aktar faċli għalih li jipperswadina b’kuntrast ma’ dik il-folla li magħha ħadem tul ħajtu.

Ċertament mhux ser jitlob lill-partitarji tal-partit tiegħu biex jaħfru, biex jirrikonoxxu l-post mistħoqq ta’ Daphne Caruana Galizia fl-istorja tagħna, biex ma jirrabjawx meta jaraw lilu u l-gvern jagħtuha ġieħ u biex jammettu li l-partit tagħhom żbalja bl-ikrah meta kien għajjarha  saħħara giddieba, fost titli oħra.

Dakinhar li, fuq ordni tal-President, minn biswit il-mafkar tal-Assedju l-Kbir tneħħew fjuri u xemgħat mqegħdin biex jagħtu qima lil Daphne, George Vella u Robert Abela kienu jafu li kellhom opportunità unika biex juru t-triq li tista’ twassal għall-fejqan. Li kieku riedu setgħu raw biex ikun hemm spazju għall-girlandi kollha tagħhom mingħajr ma jintmess xejn mill-fjuri u x-xemgħat tal-protesta. Li kieku riedu, setgħu waħħdu s-sagrifiċċju tagħha mal-okkażjoni tat-tifkira tal-Assedju. Li kieku riedu, setgħu għamlu dak li talbuhom jagħmlu l-Imħallfin tal-inkjesta, jiġifieri li l-ogħla membri tal-Istat Malti għandhom jaqdu dmirhom u jaħdmu biex ifejqu l-ġrieħi. Aktar u aktar meta wieħed jiftakar li l-Imħallfin tal-inkjesta għabbewhom bir-responsabbiltà għall-ġrieħi li nħolqu.

Issa jista’ jagħti l-każ li George Vella u Robert Abela għamlu li għamlu mhux minħabba dak li forsi għadhom iħossu bejnhom u bejn ruħhom dwar Daphne Caruana Galizia u l-kitbiet tagħha.

Iżda jidhirli li timraħ taħt il-wiċċ hemm xi ħaġa aktar sottili.

Ir-rabja u d-diżappunt tagħna u r-rabja ta’ dawk li qed  jipprotestaw biex issir ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia nesprimuhom b’mod li George Vella u Robert Abela jistgħu jobsruh. In-nisa kuraġġjużi ta’ Occupy Justice ma damux wisq biex marru fuq l-mafkar u f’tebqa t’għajn reġgħu qiegħdu l-messaġġi ta’ qima lejn Daphne u fl-istess waqt ġeddew l-għajta tagħhom favur il-ġustizzja fil-konfront tagħha.

George Vella u Robert Abela jafu li, kieku kellhom jaħtfu l-opportunità biex idewwu l-feriti billi jirrikonoxxu lil Daphne bħala eroj Maltija, ir-rabja u d-diżappunt bla qies tal-partitarji tagħhom tkun waħda li taf tiġi espressa b’mod differenti.

Mhux qed nalludi għal xi vjolenza jew għal xi forom oħra ta’ barbariżmu li bħalhom rajna ma’ wiċċna  f’dawk ix-xhur li matulhom Owen Bonnici u l-ħaddiema tiegħu kienu għamlu minn kollox biex jiċċensuraw il-protesta tagħna, għalkemm ma nista’ neskludi xejn.

Qed nirreferi għall-impatt li jista’ jkun hemm fejn għandhom x’jaqsmu l-voti ta’ dawk li vvutaw b’ħeġġa għall-Partit Laburista wara li kienu bellgħulhom l-istejjer dwar il-“gideb” ta’ Daphne. Qed nirreferi wkoll għall-partitarji Laburisti ħorox, jew għallinqas għal xi wħud minnhom, li issa waslu fi stadju li fih qed jintebħu li l-partit tagħhom daħak bihom.

Aktar ma nersqu qrib l-elezzjoni ġenerali, l-kalkoli politiċi qed jingħataw prijorità.

Għaliex taħsbu li l-awtoritajiet baqgħu jittitubaw dwar l-irtirar tal-liċenzja tas-swali tal-logħob tal-familja Fenech  minkejja l-fatt li dawn ammettew fil-beraħ li kienu bagħbsu fil-logħob tal-imħatri u hekk kif qed ikomplu jitfaċċaw provi li s-sidien użaw is-swali tal-logħob tagħhom biex isiru ħlasijiet illeċti?

Dwar din il-kwistjoni dalgħodu tkellimt ma’ marti u din malajr fetħitli għajnejja. Qaltli biex naħseb ftit dwar dawk il-ħaddiema kollha li ddaħħlu jaħdmu mal-familja Fenech fuq rakkomandazzjonijiet ta’ ministri u kandidati. Qaltli wkoll biex naħseb dwar x’jiġri li kieku dawn l-imsejkna kellhom jitilfu l-impjieg tagħhom wara li jkunu rranġawlhom biex jingħataw impjieg basta jwegħduhom il-vot. Min jaf kif dawn kellhom jivvutaw li kieku kellhom jitilfu l-impjieg wara li l-gvern ikun ħa passi biex jingħalqu s-swali tal-logħob?

Tiksaħ meta tintebaħ li l-politiċi tagħna, għalkemm jidhru normali, għalkemm jitkellmu u jġibu ruħhom b’mod normali, fil-fatt mhuma normali xejn. Is-swaba’ inviżibbli tal-qarnita jaħkmuhom, jikkontrollawhom u jużawhom.

Anki li kieku kellhom juru r-rieda li jirranġaw l-affarijiet, m’għandhomx il-ħila li jagħmlu dan.

U ma nistax naħlef li din ir-rieda fil-fatt teżisti.