Fost affarijiet oħra, l-President George Vella qiegħed pubblikament iċanfar lil dawk li jikkritikawh għax, skont kif hu qiegħed kliemu, qed ixerrdu “l-impressjoni falza” li l-biċċa l-kbira ta’ dawk li għandhom kariga pubblika huma korrotti, b’xi mod jinsabu mimsusin u qed jaħdmu b’risq ċerti interessi moħbijin.

Il-President espriema l-appoġġ tiegħu għal kull min għandu kariga pubblika – bħalu – li jaħdmu b’onestà u mingħajr kompromessi mal-kuxjenza tagħhom, iżda qed jiġu mżebilħa minħabba din il-kritika. Semma wkoll it-tħassib tiegħu għall-fatt li din l-impressjoni ħażina li qed tingħata li kulħadd huwa korrott mhix qed tħajjar liż-żgħażagħ li jinvolvu ruħħom fil-politika.

Jidher li l-President ma segwiex ix-xandiriet tal-One TV ta’ dan l-aħħar.

Fil-fehma tiegħi l-President George Vella ħa falza stikka. Mhumiex il-kritiċi tal-politiċi korrotti li qed ipinġu lill-politiċi onesti f’dawl ikrah. Iżda huma l-politiċi korrotti nfushom li qed jagħmlu dan. L-imġieba tagħhom tant qed tagħti eżempju ħażin li min ġenwinament ikun irid jagħti sehmu fis-soċjetà jispiċċa jikkonkludi li l-politika ma tgħoddx għalih.

George Vella jidher li ħa għalih u qed juri l-għadab tiegħu. Għamel riferenzi għat-“tiġbid tal-ispag” li, fil-fehma tiegħi, ried jagħti r-risposta indiretta tiegħu għal artiklu mxandar mill-attivista Alessandra Dee Crespo fit-Times of Malta l-ġimgħa l-oħra.

Minkejja r-reputazzjoni li ngħatajt, mhux ser inkun jien li niddetta l-mod dwar kif ħaddieħor għandu jwettaq xogħlu. U ċertament mhux ser nagħmel dan fil-konfront tal-President. Iżda jidhirli li kwalunkwe ċittadin ordinarju għandu l-ħila li jesprimi t-tamiet tiegħu dwar fiex għandhom jikkonsistu d-dmirijiet tal-President.

Jidhirli li m’għandniex nittamaw li l-President għandu joqgħod iħares ir-reputazzjoni personali tiegħu. Ma messux tkellem bit-ton difensiv li tkellem bih. U s-sejħiet tiegħu sabiex kulħadd jinsa l-imgħoddi bħallikieku ż-żmien li fih iggverna Joseph Muscat ma seħħx (biex ma nsemmix ir-rwol ewlieni tiegħu tul dak iż-żmien) iġiegħluni nissuspetta ħażin dwar l-intenzjonijiet tiegħu.

Id-dibattitu dwar x’għamel jew x’m’għamilx tul dawk is-snin ta’ Joseph Muscat, qabel u wara li nkixfu l-Panama Papers, qabel u wara li nqatlet Daphne Caruana Galizia, u qabel u wara sirna nafu dwar 17 Black, huwa rilevanti għaliex huwa eżami tal-karattru tiegħu li għandu jwassal biex jgħidilna issa jixraqlux ir-rwol ta’ medjatur.

Jidhirli li l-imġieba attwali ta’ George Vella għandha l-potenzjal li tħassar in-nuqqasijiet tal-passat tiegħu u jinfeda. Iżda kull darba li jiddefendih, il-passat tiegħu jkun qed iġeddu. Kull darba li jiddefendi l-imġieba tiegħu ta’ sebgħa, erbgħa u sentejn ilu, ikun qed jiddefendi lil Joseph Muscat.

Biex ikun jista’ jsewwi l-firda li teżisti f’pajjiżna u li qed jilmenta dwarha, l-President għandu jżomm ruħu ‘l bogħod minn Joseph Muscat. Nafu biżżejjed persuni min-naħa waħda li, permezz tal-protesti tagħhom biswit il-mafkar tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta, għadhom sal-lum jinsistu mal-istituzzjonijet li ssir ġustizzja ma’ dawk li kisru l-liġijiet. Nixtiequ naraw persuni minn naħa l-oħra jagħmlu l-istess. Naturalment dawn huma persuni b’imgħoddi li fih  ħadu deċiżjonijiet u ġabu ruħhom b’mod li miegħu ċertament ma qbilniex. Kif, wara kollox, dawn mhumiex se jaqblu mal-imgħoddi tagħna stess.

F’intervista fuq radju 103 ma’ Fr Joe Borg, George Vella tkellem dwar il-vot tiegħu fil-Parlament dakinhar li l-Kamra tad-Deputati intalbet turi l-isfiduċja f’Konrad Mizzi wara l-kxif tal-Panama Papers. Dakinhar huwa vvota favur Konrad Mizzi. Hawn ma naqblux miegħu. Li kieku vvota mod ieħor, il-pajjiż kien jiffranka ħafna inkwiet. Ċertament huwa ma jaqbilx ma kull min ivvota biex iġiegħlu jwarrab u qal li dawn kienu vvutaw kif ivvutaw minkejja l-fatt li ma kienx hemm provi u għaldaqstant ivvutaw b’mod partiġġjan.

Hu x’inhu, jekk huwa juri li għandu l-ħila li jagħlaq għajnejh għall-mod kif ivvutaw dawk li ma kienx jaqbel magħhom, aħna nkunu nistgħu nagħmlu l-istess fil-konfront tiegħu. Wara kollox, hu l-President. Sta għalih li jaħdem biex isewwi l-firdiet (u mhux joqgħod jilmenta dwarhom biss) u fil-kwiet jingħaqad magħna fl-insistenza tagħna favur il-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia. Tlabnieh imur biswit il-mafkar tal-Assedju l-Kbir u jqiegħed il-fjuri u x-xemgħat.

Fl-intervista fuq radju 103, huwa stqarr li ma jsib ebda problema li jagħmel dan dment li jkollu l-permess tal-familja. Li hu ta’ sinifikat huwa l-fatt li din l-offerta għamilha fil-pubbliku. Sa dakinhar anki dan kien għadu qed jirrifjuta li jagħmlu. Għaldaqstant jidher li kien hemm xi ċaqliq għall-aħjar.

Jien m’jiniex il-portavuċi tal-familja ta’ Daphne u mhux biħsiebni nbassar il-fehmiet tagħhom dwar dan is-suġġett.

Kulma nista’ ngħid hu li minn dakinhar li bdew il-protesti fil-Belt Valletta erba’ snin ilu, il-qima u l-ġieħ li bqajna nagħtu lil Daphne Caruana Galizia kien u baqa’ wirja ta’ appoġġ sħiħ lejn il-familja tagħha. Qatt ma laqlaqna, qatt ma użajna ton difensiv jew tkellimna żejjed dwar il-kwalitajiet ta’ Daphne. Qatt ma kien hemm ambigwità fil-konfront tal-istituzzjonijiet fl-insistenza tagħna għall-ġustizzja għaliha. Ġustizzja għaliha kif ukoll ġustizzja għall-motivazzjoni wara l-qtil tagħha.

Jidhirli li l-President George Vella għandu l-ħila li jdewwi l-feriti. Dejjem jekk iridna nemmnu li m’hemm ħadd jostakolah minħabba lealtajiet fil-konfront tal-partit u l-partitarji.

Jidhirli wkoll li l-President George Vella għandu l-ħila li jsib tarf tal-firdiet nazzjonali tagħna bis-saħħa tal-imġieba tiegħu. M’għandix dubju li għandu l-ħila li, bil-preżenza tiegħu, lil tal-One TV iġegħelhom ixandru rapport dwar il-ġieħ u l-qima li jkun ta lil Daphne Caruana Galizia u b’hekk jegħleb il-mibgħeda u l-preġudizzju li dawn kienu ilhom jiżirgħu tul dawk is-snin kollha sa dakinhar ta’ mewtha.

Jidhirli li l-President George Vella għandu l-ħila aktar minn ħaddieħor li jgħaqqad il-pajjiż. Għandu l-ħila aktar minn dawk li jappoġġawh jew li jikkritikawh, aktar mill-politiċi jew mit-trolls li jaħsbu li qed iservu lil pajjiżhom huma u jxerrdu gideb u mibgħeda kuljum fuq il-Facebook.

Għalhekk nitlob lil George Vella ma jibqax jitkellem dwar l-għaqda nazzjonali. Permezz tal-imġieba tiegħu jista’ juri li din l-għaqda tista’ sseħħ.