Il-Qorti tal-Appell ċaħdet ’il fuq minn mitt eċċezzjoni li għamlet id-difiża ta’ George u Alfred Degiorgio fil-kawża l-prosekuzzjoni qed tmexxi kontrihom. M’għandniex xi ngħidu, dan jawgura tajjeb għall-prosekuzzjoni li issa tista’ tkompli tħejji ruħha biex tippreżenta l-każ quddiem il-ġurati u tipprova l-ħtija tal-akkużati. Kien hemm eċċezzjoni dwar parti mill-provi li kienet se tressaq il-prosekuzzjoni dwar diskors telefoniku ta’ George Degiorgio li issa ġiet ikkunsidrata li ma tgħoddx. Din il-prova li kien ippreżenta Keith Arnaud aktar kmieni fil-kawża twarrbet għar-raġuni li l-prosekuzzjoni ma ġabitx prova li s-servizzi tas-sigurtà kellhom il-permess bil-miktub li jissemmgħu t-telefon ta’ George Degiorgio. Dan mhux ser jaffettwa wisq il-każ tal-prosekuzzjoni għaliex din għandha provi aktar milli teħtieġ. Il-punt tiegħi hawn mhuwiex dwar il-każ innifsu iżda li għandha tingħata spjegazzjoni dwar kif sar l-iżball. Issa nafu li żbalji jsiru. L-ebda bniedem m’għandu d-don tal-perfezzjoni. Iżda jeħtieġ li niftakru li dan l-iżball seħħ fl-aktar investigazzjoni importanti li kellu l-pajjiż f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin u kulħadd kellu joqgħod attent ħafna aktar mis-soltu.

Imbagħad hemm kwistjoni oħra. Bla dubju ta’ xejn, il-fatt li kienu qed jissemmgħu t-telefon ta’ George Degiorgio kien wieħed ġustifikat u m’għandniex inħabblu rasna dwar xi ksur tad-drittijiet għall-privatezza tiegħu. Ħadd m’għandu dritt għall-privatezza meta jkun qalb konġura biex tinqatel persuna oħra. Madankollu l-mistoqsija toħroġ waħidha. Jaqaw qed ikun hemm min jissemma’ t-telefonati mingħajr ma jkollu permess biex jagħmel dan? F’pajjiżna s-sorveljanza regolatorja diġà hi dgħajfa ħafna. L-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kienet aċċettat is-sottomissjonijiet tal-familja li rrakkomandat li s-sorveljanza regolatorja tal-wiretapping għandha tinbidel kompletament u għandhom jitneħħew is-setgħat li għandhom il-politiċi f’dan il-qasam. Iżda f’dan il-każ (u oħrajn bħalu) qed naraw li anki l-proċeduri eżistenti mhumiex jitħaddmu. Għandna drawwa li nagħlqu għajnejna meta l-proċeduri jintużaw biex jinqabdu l-kriminali. Iżda r-raġuni l-għala li dawn jeżistu hi biex jiġi żgurat li l-proċeduri ma jintużawx kontra min mhuwiex kriminal. Dawk li jissemmu’ l-konverżazzjonijiet ta’ min mhuwiex kriminal qatt ma jispiċċaw fil-qorti. Ma nistgħu qatt inkunu nafu bin-nuqqasijiet fil-proċeduri u ma jista’ qatt ikollna opportunità li ningħataw spjegazzjoni.

Dawn il-konverżazzjonijiet qed jissemmgħu għal skopijiet ulterjuri.

U dak m’għandux ikun.