Tassew tal-mistħija. Is-sentenza li sar magħruf għaliha hija dik li permezz tagħha kien qabel mal-appell li kienu għamlu l-Klikka tal-Panama minn digriet tal-Qorti tal-Maġistrati li kien ordna li jingħata bidu għal inkjesta in genere dwar dak li kien qed isostni Simon Busuttil fis-sens li l-Panama Papers kellhom xamma kbira ta’ twettiq ta’ reat kriminali.

Giovanni Grixti kien irrevoka l-ordni tal-Qorti tal-Maġistrati u stqarr li Simon Busuttil ma kienx ressaq provi li kien seħħ reat kriminali u li kien ibbaża ruħu fuq rapporti fil-midja u għaldaqstant l-akkużi li għamel ma kienu xejn għajr spekulazzjoni.

Din is-sentenza ħalliet lil kulħadd skantat. Skont Grixti, huma biss reati kriminali pruvati li jistgħu jkunu s-suġġetti ta’ inkjesta maġisterjali. X’nambuha inkjesta fil-każ ta’ reat kriminali li jkun diġà pruvat? Li kieku Simon Busuttil seta’ jressaq provi li l-Klikka tal-Panama kienu ħatja, kienu jintbagħtu dritt il-ħabs, u barra bid-daqq.

B’xorti tajba ħadd ma ħa s-sentenza tal-Imħallef Grixti bis-serjetà. Il-Maġistrati l-oħra li injoraw l-għerf legali tiegħu żgur ma ħaduhiex bis-serjetà għaliex xorta waħda ordnaw it-tnedija ta’ inkjesti wara li kienu saru talbiet imsejsin fuq l-istess kriterji tal-ilmenti ta’ Simon Busuttil. U, ma rridux ninsew li talba ġdida għal inkjesta dwar il-Panama Papers wasslet ukoll għal inkjesta u minn dak iż-żmien ‘l hawn saru wkoll arresti u prosekuzzjonijiet.

Bla dubju, l-Imħallfin għandhom il-ħila li jiżbaljaw daqs kull bniedem ieħor. Iżda jibqa’ fatt  inkwetanti dak li Mħallef minn tlieta fil-Qorti Kriminali li qed jisma’ kawżi bħal dawn jasal  biex assolutament ma jifhimx x’titlob minnu l-liġi.

L-Imħallef Grixti kien wera l-istess sintomi dakinhar li ġie mitlub mill-avukati ta’ Yorgen Fenech biex lill-klijent tagħhom jagħtih il-libertà proviżorja. Meta l-Qorti presjeduta minnu bdiet tisma’ s-sottomissjonijiet, il-prosekuturi kienu diġà ppreżentaw formalment l-akkużi kontra Yorgen Fenech. U l-liġi tgħid b’mod ċar li meta l-akkużi jkunu ġew preżentati formalment, ma tistax tingħata libertà proviżorja lil min diġà jkun qiegħed taħt kustodja preventiva.

Ma kellux għalxiex iħabbel moħħu u kellha tkun deċiżjoni mill-aktar faċli. Iżda minflok ta s-sentenza dak il-ħin stess, l-Imħallef Grixti deherlu li kellu joqgħod jaħsibha. L-għada, żamm lil kulħadd fuq ix-xwiek.

Għalkemm ma kellhiex tagħmillu l-iċken differenza, l-fatt jibqa’ li huwa jaf li kien qed jilgħab man-nar. Il-kwistjoni li kellu f’ħoġru ma kinitx biss dwar fejn Yorgen Fenech kien ser imidd rasu dak il-lejl. Il-qofol hu li fuq naħa kellu hemm bniedem mafjuż, b’ħafna riżorsi u motivazzjoni biex jaħrab mill-pajjiż, u fuq in-naħa l-oħra kellu numru ta’ xhieda u uffiċjali tal-istat li diġà huma mwerwrin minnu u dan minkejja l-fatt li jinsab maqful fil-ħabs – aħseb u ara li kieku kellu jinħeles mill-arrest bil-barka tal-Istat.

Fil-liġijiet tagħna ma jipprovdux għal arranġamenti speċjali fit-trattament tal-mafjużi. Ma kien hemm l-ebda raġuni l-għala Giovanni Grixti kellu joqgħod jaħsibha dwar il-każ ta’ Yorgen Fenech. Kull ma kellu jagħmel kien li japplika l-liġi dwar il-libertà proviżorja kif inhi.

Milli jidher dan m’għamlux. Iżda jidher ċar li kien qed isegwi lil Jason Azzopardi fuq Facebook.

Mid-dehra dak li kiteb Jason Azzopardi tant ħarbat is-serenità ta’ Giovanni Grixti li l-Imħallef spiċċa biex ressaq ilment kriminali kontrih. L-avukati ta’ Yorgen Fenech sa waslu biex stqarrew ukoll li Jason Azzopardi (u jien) konna ksirna l-liġi dakinhar.

Huwa minnu li jeżistu liġijiet li jipprojbixxu lil min jipprova jintimida jew jinfluwenza mħallef. Wieħed ma jistax, pereżempju, jistenna quddiem dar ta’ mħallef b’pistola f’idejh jew jheddu li joqtol lil uliedu jekk ma jaqtax sentenza favurih. Ma tridx wisq għerf biex tintebaħ li mġiba bħal din hi waħda illegali.

Iżda jekk wieħed jikteb fuq Facebook li Mħallef baqa’ ma ddikjarax li kien xtara jott li x’aktarx ma setax jixtrih bis-salarju li għandu, li kien xtrah mingħand missier imputat li għad irid jiddeċiedi dwar talba li għamel, li qed idum jaħsibha biex japplika liġi ċara u tonda, żgur li l-Kodiċi Kriminali ma jipprovdix għal xenarju bħal dan.

Fil-fatt kemm l-Avukat Ġenerali kif ukoll il-Pulizija qablu li l-ilment ta’ Giovanni Grixti kien nieqas minn bażi legali.

Affarijiet li jiġru ta’ spiss. Ikun hemm min, pereżempju, imur għand il-Pulizija biex jilmenta li ġar qed jagħtih fastidju b’kant jew b’xi mod ieħor, u l-Pulizija bil-paċenzja kollha jfehmuh li mhux kull ma jdejjaqna bilfors huwa illegali u għaldaqstant il-Pulizija ma tkunx f’pożizzjoni li tipproċedi.

Madankollu, f’dan il-każ, il-Pulizija bil-pulit irrifjutat li tipproċedi fuq ilment li tressaq minn Imħallef tal-Qorti Kriminali. Li kieku l-Imħallef kien jaf jistħi, kien ikun irid l-art tibilgħu. Mhux ta’ b’xejn indanna meta Jason Azzopardi kiteb żewġ kelmiet fil-Facebook indirizzati lill-Imħallef: ‘taf tistħi?’

Mhux hekk, Sur Imħallef?