Il-kriżi fil-ħabs issa ġiet “politiċizzata”. Qed nuża l-kelma kif tintuża fil-Malti skont it-tifsira li akkwistat fil-kuntest lokali u mhux skont kif fil-fatt tfisser. F’Malta oġġett isir “politiċizzat” meta ma tibqax isseħħ il-possibilità li wieħed ibiddel il-fehma ta’ min jibqa’ jirrepeti dak li jistqarr il-partit politiku tiegħu.

Il-mewt ta’ persuna li kienet taħt il-kustodja tal-istat hi suġġett politiku. Imġiba ‘politika’ ma tistax ħlief tfisser kwistjoni ta’ politika nazzjonali, dibattitu, anki kontroversja. Il-kelma ‘politiċizzat’ tfisser li d-dibattitu jkun intemm. U minn hemm ‘il quddiem jibda l-għajjat sfrenat.

Nistgħu lkoll naqblu dwar ċertu kwistjonijiet dment li l-partiti politiċi ma jfittxux dak li jifridhom hawn ukoll. Inċident tat-traffiku ikrah jew inċendju f’xi fabbrika li fih imutu n-nies jafu “jgħaqqduna bħala nazzjon”, kif jingħad meta jkun hemm funerali tal-massa. Iżda meta jitfaċċa xi ħjiel li l-inċidenti u l-imwiet setgħu seħħew – anki b’mod parzjali – sforz nuqqasijiet jew sforz negliġenza amministrattiva, l-partitarji tal-gvern iqumu b’kemm ikollhom saħħa biex iwaħħlu fil-vittmi.

Il-problema tal-imwiet fil-ħabs kien messha ilha li tfaċċat fuq l-aġenda nazzjonali. M’iniex partikolarment kburi li xi żmien ilu kont qajjimt is-suġġett. Anki jien kont domt biex tkellimt iżda kont segwejt il-passi ta’ dawk li għandhom il-kuxjenza li tmexxihom u li ilhom jilmentaw għal snin sħaħ, minkejja l-fatt li dawn dejjem ġew injorati.

Jien ukoll ġieli batejt mill-preġudizzji kontra l-priġunieri tal-ħabs. Li kieku s-suwiċidji seħħew f’xi skola, ibqgħu ċerti li ma kontx indum biex noqmos.

Niftakar li kont staqsejt lid-direttur tal-ħabs Alex Dalli dwar żewġ każijiet li kont naf bihom jien ta’ priġunieri li għamlu suwiċidju taħt it-tmexxija tiegħu. Wieħed kien jinsab għomru l-ħabs talli kien qatel erbgħa min-nies kiesaħ u biered f’erba’ omiċidji wara xulxin. L-ieħor kien qatel lil sieħbu b’daqqiet ta’ tornavit.

Jingħad x’jingħad dwar iċ-ċiviltà tal-bniedem, jibqa’ l-fatt li bħala bnedmin insibuha pjuttost diffiċli li naqbżu għal min ikun ħaqar bnedmin oħrajn b’tant ħruxija.

Tgħallimt li xorta waħda għandna naqbżu għal dawn il-persuni wara li tkellimt ma’ nies li xogħolhom hu li jaħdmu fost il-priġunieri, li xogħolhom ma jikkonsistix fl-għoti tal-kastigi iżda li jipproteġu, jieħdu ħsieb, jitimgħu u jlibbsu, li jedukaw u jirriformaw lill-persuni fdati fil-kustodja tagħhom waqt li dawn ikunu qed jiskontaw il-piena li tkun ħaqqhom skont il-ġustizzja.

Minkejja li huma ħabsin, dawn jibqgħu bnedmin. Għal bosta, din mhix ħaġa li hi minn ewl id-dinja. U mhix minn ewl id-dinja għalija kif ta’ spiss ikolli nfakkar lili nnifsi.

Is-suwiċidju ta’ Kim Borg, l-aħħar fost lista twila ta’ suwiċidji fil-ħabs, biddel kollox. Ir-rakkont tal-familja tagħha dwar il-ħruxija u sadiżmu li għaddiet minnu, fejn spiċċat biex qatgħet qalbha mid-dinja saħansitra tliet ġimgħat biss qabel kellha tinħeles mill-ħabs, qanqal l-interess għax din hi storja ta’ xebba, maqbuda f’ċirku ta’ droga u li kienet qed tħallas ta’ reati kriminali li ma ħallewx vittmi.

Il-mewt tagħha qanqal interess ġdid dwar il-kundizzjonijiet fil-ħabs, u x’aktarx għad jitqanqal dibattitu ġdid dwar kemm hi xierqa sentenza ta’ ħabs għal ċertu reati.

Sakemm tfaċċa l-każ taż-żagħżugħa Kim Borg, għal snin twal il-gvern injora kull kritika dwar il-politika tiegħu dwar il-ħabs. Id-direttur tal-ħabs saħansitra ċaħad li huwa xi sadist iffissat bis-setgħa u għal ftit din il-kritika ma qishiex bħallikieku kienet xi forma ta’ tifħir.

Dawn kienu tal-fehma li n-nies mhux ser joqogħdu jħabblu rashom dwar min joqtol ruħu b’idejh waqt li jkun qed jiskonta sentenza ta’ għomru l-ħabs għal qtil għaliex iqisu li nkunu qed niffrankaw l-ispejjeż tal-ikel u tal-akkommodazzjoni.

Iżda l-każ ta’ Kim Borg huwa kemxejn aktar politikament problematiku għall-gvern. Din it-tfajla tirrappreżenta t-tnax-il suwiċidati l-oħrajn u kif ukoll it-tbatijiet ta’ bosta li għadhom mimlijin bil-għomor iżda li jixtiequ li mhumiex. Mhux biss għax il-mewta tagħha hi l-aktar waħda li għadha friska fl-imħuħ. Tirrappreżenta t-tnax li mietu qabilha għar-raġuni li, kuntrarjament għall-każijiet l-oħra kollha, tfakkarna li kulħadd jista’ jaqbad triq żbaljata u jispiċċa ħażin.

Għalkemm il-kwistjoni hi waħda politikament problematika għall-gvern, dan ma jfissirx li l-gvern biħsiebu jbiddel il-politika tiegħu bil-għan li sseħħ bidla fis-sentiment pubbliku.

Il-gvern, eżatt bħall-faxxisti li jimmanipulaw kif ikunu jridu lill-imħuħ tal-maġġoranza, lill-kritiċi jqishom bħala beżżiegħa liberali b’qalbhom f’idhom li jemmnu li għandhom raġun iżda li m’għandhomx il-ħila li jipperswadu lill-maġġoranza li l-fehmiet tagħhom huma dawk li jgħoddu.

Wara li qatlu lill-persuna ta’ Kim Borg, issa għaddew biex jeliminaw lil Kim Borg bħala simbolu.

Ma tridx wisq biex twaħħal f’priġunier li jkun għamel suwiċidju biex b’hekk tiġi skreditata l-memorja tiegħu u b’hekk ukoll jinqered kull dritt, anki d-dritt tad-dinjità fil-ħabs. Bosta jirraġunaw li, kieku m’abbużawx mid-droga, li kieku ma wettqux reati kriminali biex jiffinanzjaw il-vizzju tagħhom, li kieku obdew ir-regoli tal-ħabs, li kieku ma tgħallqux, dawn ma kinux imutu qasir il-għomor.

Fil-Facebook kien hemm min ħadha kontra d-deċiżjoni ta’ missier Kim Borg li jfittex lill-gvern għad-danni għall-mewt ta’ bintu u wera l-fehma li huwa l-missier li għandu jiġi mfittex mill-istat u dan talli kien ta trobbija ħażina lil bintu.

Il-fatt jibqa’ li ġaladarba l-bidla fil-ħabs mhix ser isseħħ u dan sforz bidla fil-politika tal-gvern, l-uniku mod li tista’ sseħħ bidla tibqa’ permezz ta’ azzjoni fil-qrati bit-tama li tkun il-ġudikatura li timponi l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fuq it-tmexxija tal-ħabs.

Missier Kim Borg, fin-niket bla qies tieħu, qed jagħti servizz lill-pajjiż meta jġiegħel lill-qrati jiflu realtà li wħud minna l-ġurnalisti ilna niktbu dwarha. Kitba li ftit li xejn ħalliet xi impatt soċjali.

Uħud mill-kitbiet li ġew indirizzati lill-familja ta’ Kim Borg jew lejn dawk li jikkritikaw l-gvern, huma l-frott tal-ħażen u tal-kefrija ta’ dawk li m’għandhom ebda mogħdrija għal bnedmin oħra. Bosta minnhom mhuma xejn ħlief trolls qaddejja tal-partit tal-gvern.

Ma tridx wisq għerf biex tintebaħ bl-għodda li jużaw. Tisma’ rimarki tal-Ministru li apposta ma jitkellimx ċar u li jagħti biss ħjiel ta’ x’ikun irid ifisser. Fuq l-aħbarijiet ikkontrollati mill-gvern, jagħmlu ħilithom biex jiskreditaw u jiżolaw lill-vittmi u lil dawk li jappoġġjawhom. Issib kitbiet minn kompliċi bħal Simon Mercieca li ma jistħux juru l-mibgħeda ideoloġika tagħhom għal dawk li huma vulnerabbli fis-soċjetà. U hemm ukoll t-trolls. Għexieren ta’ ilħna rrabjati li jakkużaw lil Kim Borg li bis-suwiċidju tagħha stess ippruvat tagħmel ħsara lill-partit politiku ta’ qalbhom.

Daqslikieku li din l-imsejkna kellha l-ħila li jkollha ħsibijiet bħal dawn fil-moħħ ittorturat tagħha!

Din diġà rajnieha sseħħ. Daphne Caruana Galizia ma kinitx priġuniera. Kellha kondotta nadifa. Qatt ma waqqfet lil dawk li jappoġġjaw lill-gvern milli jivvintaw, milli jikkalunjaw u milli jagħmlu ħilithom biex jeqirdu l-memorja tagħha saħansitra wara l-qtil tagħha.

F’ħafna aspetti, s-sinifikat tal-mewt ta’ Kim Borg huwa differenti minn dak ta’ Daphne Caruana Galizia. Kim ma kinitx mara li kienet ilha snin twal tiġġieled favur id-demokrazija u li nqatlet proprju minħabba f’hekk.

Iżda fejn jidħlu aspetti oħra, jidher li hemm xebħ. Bħalma hemm xebħ mal-mewt ta’ Miriam Pace li llum saret simbolu tal-vittmi innoċenti kollha tal-kostruzzjoni abbużiva. Traġedja li wkoll hi konsegwenza tar-relazzjoni abbużiva u kriminali bejn in-negozju u s-setgħa politika.

Mal-mogħdija taż-żmien, Kim Borg qed issir simbolu tal-vittmi innoċenti kollha li qed ibatu minħabba l-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom u minħabba s-sadiżmu mwettaq fuq persuni nies li jinsabu fil-kustodja tal-istat. Kim Borg kienet ħatja tar-reati kriminali li wettqet. Dawk li għamlu suwiċidju kienu fil-ħabs minħabba l-imġiba ħażina tagħhom. Iżda ħadd minnhom ma wettaq reati li kien ħaqqhom il-mewt. Madankollu spiċċaw biex inqatlu.

Sadattant l-awtoritajiet jibqgħu jassigurawna li l-inkjesti sigrieti li qed jagħmlu ma jagħtu ebda raġun lis-suspetti tagħna. Iżda sforz il-kultura ta’ biża’, vjolenza u intimidazzjoni li Alex Dalli tant jiftaħar biha u sforz l-istil ta’ tmexxija li jemmen fiha hu, ma nistgħux ma nikkonkludux li wħud minn dawn is-suwiċidji setgħu ġew evitati, wħud minnhom setgħu ġew provokati, wħud minnhom kaġunati, u wħud minnhom – forsi – ġew faċilitati.

Il-ksur tal-libertà tal-kelma, in-nuqqas ta’ tħaris ta’ dawk li huma dgħajfin fis-soċjetà mir-regħba tas-sinjuruni, u ċ-ċaħda tad-drittijiet fundamentali lil min ikun fil-kustodja tal-istat huma t-tliet uċuħ tal-istess imġiba mxajtna li teżisti fil-qalba tal-gvern tagħna. L-uċuħ ta’ Daphne Caruana Galizia, ta’ Miriam Pace, u issa ta’ Kim Borg huma l-uċuħ li qed iħarsu lejna.

L-appoġġ li jgawdi l-gvern mill-maġġoranza f’dan il-pajjiż hi xilja fuqna lkoll. Iva, anki fuqna li noħorġu għonqna biex nikkritikaw. Għaliex, ma’ kull jum li jgħaddi, qed nonqsu milli ninsistu li dawn in-nisa mhux biss mietu.

Iżda li konna aħna li qtilniehom.