Agħtu daqqa t’għajn lejn din l-intervista ta’ Matthew Xuereb ma’ missier it-tfajla li għamlet suwiċidju fil-ħabs ta’ Kordin. Żewġ gwardjani jinsabu mixlija bi qtil involontarju.
F’bosta aspetti, l-verżjoni tal-missier xejn ma taqbel mal-istorja uffiċjali. Uffiċjalment, l-awtoritajiet tal-ħabs jgħidu li ma kellhomx għalxiex jissuspettaw li Kim Borg riedet toqtol ruħha b’idejha. Missierha qal lit-Times of Malta li tabib tal-isptar qallu li Kim Borg kienet għamlet erba’ attentati oħra ta’ suwiċidu. L-aħħar attentat seħħ biss jumejn qabel irnexxielha toqtol ruħha b’idejha.
L-istorja uffiċjali tgħid ukoll li Kim Borg qatt ma nqaflet waħedha f’ċella, waqt li missierha jgħid lit-Times of Malta li bintu nżammet iżolata għal disat ijiem sħaħ u dan għaliex kienet baqgħet fid-doċċa għal 2 minuti aktar mill-ħin allokat lilha.
M’inix ngħid li dak li qed jallega l-missier imnikket huwa kollu minnu. Iżda dak li stqarr ċertament ma jistax jiġi injorat, speċjalment meta m’hemmx wisq li wieħed jista’ jispjega għall-fatt li xebba ta’ tletin sena kellha toqtol ruħha b’idejha tliet ġimgħat biss qabel kellha ttemm żmienha fil-ħabs.
Dak li ddeskriva bħala buljar brutali u dixxiplina bla sens jaslu biex iġennu lil dak li jkun. Aħseb u ara għandhomx iġennu tfajla li kellha ndiema kbira għar-reati li ammettiet li wettqet biex setgħet tiffinanzja l-vizzju.
Byron Camilleri li, għal raġuni li mhix ċara, jidher li lest jinżel fil-ħama ma’ Alex Dalli, ftit tal-jiem ilu għamel ħiltu biex jenfasizza li d-direttur tal-ħabs ma kienx infurmat dwar l-imġiba tal-akkużati fil-konfront ta’ Kim Borg.
Li kieku dan kien xi att ta’ kuntrabandu sigriet jew xi azzjoni li ttieħdet minn wara dahar id-direttur, kont nasal biex nifhem. Imma jekk huwa minnu li d-direttur tal-ħabs tassew ma kienx jaf li priġuniera, għal 4 darbiet fuq xulxin, ippruvat toqtol lilha nnifisha u li kienet inqaflet weħidha f’ċella għal millinqas darbtejn (darba minnhom għax ipprotestat kontra att vili ta’ umiljazzjoni minn gwardjana), x’inhu jagħmel fil-kariga?
Għaliex il-fatti huma li, skont xiber Alex Dalli. l-ħaddiema ta’ taħtu ma kinux obbligati li jinfurmawh. L-istruzzjonijiet speċifiċi tiegħu, imnaqqxin kif inhuma fuq plakka biex kulħadd ikun jista’ jaqrahom, ix-xogħol ewlieni ta’ gwardjan hu li jwerwer lill-priġunieri.
U jekk il-gwardjani akkużati tassew ibbuljaw lil Kim Borg bla waqfien, iżolawha, ikkastigawha bla raġuni u ġennewha sal-punt tad-disprament u biża’, mela skont il-kejl ta’ Alex Dalli, kienu qed jaqdu dmirhom.
Jekk għad jiġu misjuba ħatja talli involontarjament ikkawżaw il-mewt tagħha, għandu jerfa’ r-responsabbiltà wkoll ħati dak li ta l-barka lill-imġiba tagħhom.
U għandu jerfa’ r-responsabbiltà wkoll il-Ministru li għadu sal-lum jaqbeż għalih.