L-aġenzija ta’ kontra l-ħasil tal-flus tal-Latvja infurmat lil Ana Gomes li ilha sitt xhur li għaddiet infomazzjoni lill-awtoritajiet Maltin dwar il-kumpannija 17 Black. E-mails li xxandru dwar 17 Black juru li din hi waħda minn żewġ kumpanniji li kienet intrabtet li tgħaddi l-miljuni fil-kontijiet bankarji tal-kumpanniji ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi fil-Panama.

U kemm ilhom li xxandru dawn l-e-mails nibtu numru ta’ mistoqsijiet dwar min hu sid (jew min huma s-sidien) ta’ 17 Black u dan sabiex insiru nafu l-identità tal-persuna li ntrabtet li tħallas lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi mijiet ta’ eluf ta’ dollari fix-xahar. M’għandniex xi ngħidu, dawn il-mistoqsijiet baqgħu sal-lum bla tweġiba.

Minn tweet li għamlet Ana Gomes ftit sigħat ilu,  jidher li l-awtoritajiet Maltin ilhom minn Frar jafu sid jew is-sidien tas-17 Black min hu jew min huma.

Il-FIAU tal-Latvja forniet ukoll dettalji dwar trasferimenti ta’ flejjes lil ABLV, sa dak iż-żmien Bank li kien għadu qed jopera fil-Latvja. Dawn id-dokumenti fihom it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li għadhom sal-lum bla tweġiba.

Nistaqsi: dawn id-dokumenti jiskulpaw lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi? Jekk huwa hekk, allura dawn għaliex baqgħu sal-lum ma xxandrux?

Nistaqsi wkoll: ma jfissirx li d-dokumenti ma jiskulpawhomx u li allura l-informazzjoni li diġà xxandret hi konfermata? X’inhi r-raġuni  li dawn it-tnejn baqgħu ma ttellgħux il-qorti?

Dan l-iżvilupp importanti sirna nafu bih permezz ta’ MEP Portugiża. Għal numru ta’ snin matul il-karriera tagħha Ana Gomes nidiet diversi kampanji kontra r-reati kriminali finanzjarji. U għadha sal-lum tagħti s-servizzi tagħha lill-Ewropa u lil Malta b’riżq it-tfittxija tal-verità.

Imissna nistħu li MEP Portugiża kellha l-ħila tikxef dak li l-awtoritajiet Maltin għamlu l-almu kollu tagħhom biex jaħbu.