L-editorjal tat-Times of Malta tal-lum jittratta dwar ix-xebħ fil-mod kif iġibu ruħħom Michelle Muscat u Nickie Vella de Fremaux. L-editur isejjħilhom WAGs u jipparagunahom man-nisa ta’ footballers professjonali li wħud minnhom huma magħrufa għall-vujtaġni tagħhom.
U jikkritikahom talli jużaw il-pożizzjoni pubblika tagħhom biex iwaħħlu f’kulħadd – minflok fihom infushom – kull darba li jiżolqu fin-niexef.
Apprezzajt il-kontenut ta’ dan l-editorjal għaliex irnexxielu jqaxxar is-sitwazzjoni ħafna aħjar milli kelli l-ħila nagħmel jien dwar suġġett li ppruvajt nikteb dwaru żmien qabel.
Fi tweet, id-deputat Jason Azzopardi qabel mal-editorjal. Jien ma kellimtux iżda nassumi li ntebaħ li, hu u japprova l-editorjal, ser ikun ukoll qed jirrita lill-kbarat tad-Dar Ċentrali. Mingħand Jason Azzoaprdi, Michelle Muscat ma kellhiex għalfejn tistenna kumplimenti.
Nistedinkom taqraw l-editorjal. U aħsbu ftit https://t.co/JfV4z4KZqH
— Jason Azzopardi (@AzzopardiJason) 27 ta’ Awwissu 2018
Pierre Portelli kien pront u fi tweet b’risposta, sekondata minn Hermann Schiavone, wera’ l-istmerrija tiegħu.
Editorjal patetiku. Dawk li huma ġenwinament interessati jsiru jafu x’ifisser il-PN għandhom jaqraw u jaqsmu dan li ġej https://t.co/OzuyTKeJ21
— Pierre Portelli (@pportelli) 27 ta’ Awwissu 2018
Ma niskantax li Pierre Portelli ħadha kontra dak li kiteb Jason Azzopardi u bħala l-factotum tat-tmexxija tal-PN nikkonċedi li kien fid-dmir li jsib mezz kif seta’ jċanfar deputat tal-partit tiegħu stess talli dan qabel pubblikament mal-kontenut ta’ editorjal li kkritika lil mart l-imgħallem tiegħu.
Iżda Pierre Portelli żbalja bl-ikraħ fl-għodda li għażel. Huwa kkritika lill-editorjal u sejjaħlu “patetiku”. Aġġettiv bħal dan ma jirriflettix tajjeb fuq partit politiku li jippretendi li qed jinqala’ mill-qiegħ. Ir-relazzjoni tal-Partit mal-membri tal-istampa bħalissa jmissha qed titjieb u r-rappreżentanti tiegħu jmisshom qed jaħdmu id f’id biex itejjbu l-ħidma ta’ bejniethom.
Jason Azzopardi wieġeb billi kiteb li huwa “ġenn” li editorjal tat-Times of Malta wieħed isejjaħlu “patetiku”. Qal ukoll li meta wieħed igħid diskors bħal dan, ikun qed jaqbeż għal Michelle Muscat.
Li tgħajjar “patetiku” lil ġurnal li Partit rispettabbli jkun jeħtieġu biex iwassal il-messaġġ politiku tiegħu huwa ġenn. Jien kburi li l-ħabel ta’ Michelle Muscat qatt ma ġbidtu. https://t.co/45bipR2kP3
— Jason Azzopardi (@AzzopardiJason) 27 ta’ Awwissu 2018
Ma nafx x’setgħet kienet l-intenzjoni ta’ Pierre Portelli. Iżda ibqgħu ċerti li mil-lum ‘il quddiem il-konversazzjonijiet li ser ikollu mal-ġurnalisti tat-Times of Malta se jkunu kemmxejn skomdi.
Fil-frattemp jista’ forsi jibda’ jaħseb dwar l-iskumdità li jista’ jħoss meta jlissen xi kelmtejn ma’ mart il-kap tiegħu. Għaliex – patetiku jew mhux – jekk jerġgħu jirrepetu ruħħom ix-xenati li tkellem dwarhom l-editorjal stennew li r-reazzjoni tkun aktar mifruxa.