Il-Prim Ministru għadu kemm ikkonferma r-rapport li xandret dalgħodu t-Times of Malta u stqarr li l-ġimgħa li għaddiet kien hemm numru ta’ persuni li ġew arrestati dwar ħasil ta’ flus maħmuġin u li wieħed minn dawn il-persuni huwa suspettat li għandu x’jaqsam mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Joseph Muscat qal ukoll li għamel impenn bil-miktub li jirrakkomanda maħfra presidenzjali hekk kif il-persuna suspettata tipprovdi l-informazzjoni li jeħtieġu l-prosekuturi.
Il-Prim Ministru stqarr li huwa favur dak li kien kontrih sa ftit jiem ilu biss. Fl-imgħoddi kien stqarr li kien “xettiku” dwar l-għoti tal-immunità lil persuni suspettati biex dawn ikunu jistgħu jixhdu kontra ħaddieħor. Hawn qed insejjħulha “maħfra”. Iżda hawn, ħadd m’hu jaħfer xejn. Kulma jiġri hu li dawk li jkunu mdaħħlin f’delitt kriminali jingħataw l-immunità mill-prosekuzzjoni bi bdil mal-informazzjoni li dawn jintrabtu li jagħtu bil-ġurament u permezz tax-xhieda tagħhom bil-għan li jinqabdu l-imħuħ wara t-twettiq ta’ delitt.
Joseph Muscat jidher li m’għadux xettiku u jidher ukoll li hu u ta’ madwaru lill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia m’għadhomx jiddejqu jsejħulu dak li fil-fatt hu: jiġifieri assassinju. Dak li kien il-kelliem tiegħu – li issa jinsab paxxut fil-bejta tiegħu fil-Malta Enterprise – kien kiteb li ma jaqbilx mal-“implikazzjonijiet politiċi” tal-kelma assassinju. Iżda meta l-ġimgħa li għaddiet ħabbar il-bdil fil-kompożizzjoni tal-bord tal-inkjesta indipendenti, l-gvern irrefera għall-qtil bħala assassinju. U l-Prim Ministru, hu u jitkellem illum, m’għamel ebda riferenza għal deċiżjoni li ttieħdet mill-Kabinett u qal li d-deċiżjoni kien wasal għaliha hu waħdu. Din l-istqarrija tista’ tnibbet il-problemi għax, skont il-liġijiet tagħna, huma l-Ministri li għandhom jerfgħu responsabbiltà kollettiva għad-deċiżjonijiet li jieħu l-gvern. F’Malta, l-President m’huwiex il-kap eżekuttiv u għalkemm il-Prim Ministru huwa l-persuna ewlenija fost grupp ta’ ministri, dak li stqarr huwa kemmxejn stramb.
Skont il-Kostituzzjoni, il-Kabinett għandu s-setgħa li jirrakkomanda direttament lill-President l-isem ta’ persuna li għandha tibbenefika minn maħfra. Joseph Muscat stqarr li kien ingħata s-setgħa mill-Kabinett biex jieħu deċiżjonijiet għan-nom tal-istess Kabinett. Legalment huwa korrett u din is-setgħa s-soltu tingħata lill-Ministru tal-Ġustizzja (li dalgħodu kien ma’ ġenb Joseph Muscat) iżda Joseph Muscat qal li din is-setgħa kienet ingħatat lilu.
X’inhi r-rilevanza ta’ dan kollu? Is-soltu setgħat bħal dawn ma jiġux delegati fil-każ ta’ maħfriet. Kienet l-esperjenza li fasslet din il-konswetudni. Fis-snin disgħin kienet ingħatat maħfra presidenzjali kontroversjali lil traffikant tad-droga Brażiljan u l-Ministru tal-Ġustizzja ta’ dakinhar kien sab ruħu f’ħafna nkwiet politiku. Dak iż-żmien il-Partit Laburista fl-oppożizzjoni kien tal-fehma li r-responsabbiltà għal deċiżjoni dwar maħfra presidenzjali ma kellhiex tintrefa’ minn Ministru wieħed. U meta tal-Labour telgħu fil-gvern fl-1996, dawn m’għamlu ebda tibdil fil-liġijiet.
Iżda fl-1998 il-Ministru tal-Ġustizzja tagħhom Charles Mangion ġie mġiegħel jirriżenja wara li kien irrakkomanda maħfra presidenzjali mingħajr ma kien ħa l-parir tal-Kabinett.
Joseph Muscat ma jidhirx li tkellem mal-membri tal-Kabinett qabel ħa d-deċiżjoni li jimpenja lill-gvern li joħroġ proklama ta’ immunità. Skont għejjun tiegħi, din il-kwistjoni qanqlet kontroversja u tensjoni kbira fi ħdan il-Kabinett għaliex hemm ministri li ma jaqblu xejn mad-deċiżjoni li ħa l-Prim Ministru. Din il-kwistjoni għandha tiġi trattata mill-imħallfin li qed imexxu l-inkjesta indipendenti biex b’hekk nitgħallmu mill-iżbalji kollha li saru. Il-membri tal-gvern stess m’għandux ikollhom is-setgħa li jimmanipulaw proċess ġudizzjarju li taħtu huma stess jistgħu jkunu mplikati direttament.