Hemm bosta affarijiet li jkun jeħtieġ li nissaportuhom waqt li nkunu fuq quddiem ta’ kampanja favur il-ġustizzja. Hafna drabi nsib min jisfidani biex niġġustifika lili nnifsi u biex niġġustifika dak li ngħid u il-għala ngħidu. U ta’ sikwit jiġri ikun hemm reazzjonijiet għalkemm dawn iservu biss ta’ aljenazzjoni. Araw, per eżempju, kif Jeffrey Pullicino Orlando għażel li jgħajjarni chicken talli rrifjutat li nieħu sehem f'”dibattitu” miegħu fuq it-TVM u mbagħad insista l-ġimgħa li għaddiet li jagħmilli intervista. Ma nafx għandix il-ħila li “nirbaħ” f’dibattitu ma’ Jeffrey Pullicino Orlando iżda l-verità hi ma m’għandix għalfejn noqgħod niddibattu miegħu. Jien mhux intellaq miegħu għal siġġu parlamentari. Mhux qed nikkompetilu. Lanqas m’jien qed nagħmel ħilti biex nidher aktar ħelu minnu.
Aktar kmieni din il-ġimgħa fuq it-televiżjoni ridt nispjega għaliex il-protesti li qed nagħmlu huma ġustifikati. Ma xtaqtx noqgħod naħli l-ħin tat-telespettaturi nħaqqaqha ma’ Jeffrey Pullicino Orlando dwar l-iskandlu tal-Mistra fl-2008 Mistra u dwar it-trasport pubbliku fl-2010. Jien m’jiniex xi gladjatur u in vista tal-fatt li jien m’jiniex kandidat politiku jew qaddej ta’ partit politiku bħalma huwa hu, m’għandix għalfejn noqgħod fl-istess kamra miegħu biex noqgħod inwieġeb għal dak li jgħid.
Ħafna drabi mhux lilu biss ikolli ninjora. Fil-Facebook ta’ spiss naqraw allegazzjonijiet li jkunu orkestrati. Skont dawn l-allegazzjonijiet, jien qlajt il-miljuni kemm issa kif ukoll fl-imgħoddi. Dawk li jiktbu dawn il-qlajjiet jidher li huma trolls imħallsin li jirrepetu dak li jgħidulhom. Dan l-aħħar kien hemm min wasal biex kiteb li qabel l-2013 jien kont fin-negozju ma’ missier Yorgen Fenech u li miegħu qlajt balla flus.
Dawk li jiktbu dawn il-qlajjiet jien ma nafhomx minn Adam. Ma nafx kemm dawn ikunu jafu x’ikunu qed jiktbu meta jiktbuħ.
Madankollu ikun hemm drabi li fihom ikolli nirreaġixxi.
Lil John Pisani nafu. Għal bosta snin, dan serva bħala propagandist għall-Partit Laburista. Dawn tal-orizzont isejħu lilhom infushom ġurnalisti. Ibnu Brandon dan laħħar inħatar bħala l-kelliem tal-korp tal-Pulizija.
Ftit ġranet ilu kiteb dan li ġej fil-Facebook.
Dan għoġbu jagħmel xilja vaga u indiretta kontra xi organizzazzjonijiet, semma’ lili u xlieni li jien bniedem “vjolenti” u “kriminali”.
La jien vjolenti u lanqas kriminal. Qatt ma urejt ostilità lejn ħadd u ma ksirt ebda liġijiet f’dawn is-sentejn li ilna norganizzaw kampanji favur is-sewwa u l-ġustizzja. Issa jista’ jkun hemm min ma jaqbilx miegħi. U min ma jaqbilx miegħi għandu kull dritt juri li ma jaqbilx miegħi. Jista’ jkun hemm ukoll min jissuspetta – bid-dritt kollu – li għandi motivi ulterjuri. iżda ħadd m’għandu d-dritt li lill-uliedi jgħidilhom li jien kriminal vjolenti.
Għadni kemm ippreżentajt kawża ta’ libell fil-qorti kontra John Pisani. Forsi dan għad iservi biex min ifettilu jitħajjar jikteb li l-protesti paċifiċi jammontaw għal kriminalità vjolenti, jerġa’ jaħsibha sewwa qabel ifattarha.