Hu u jixhed fil-qorti llum l-Ispettur Keith Arnaud qal li darba minnhom Melvin Theuma telgħalu u semma’ lil Keith Schembri. “Din kienet l-unika okkażjoni li fiha ssemma’ isem Keith Schembri,” qal l-Ispettur.

U meta kien qed jixhed huwa stess, Melvin Theuma qal li “taħt ġurament ma jistax jistqarr li Keith qatt għaddieli xi flus jew qatt kellimni dwar il-qtil ta’ Daphne. Kont beżgħan għaliex it-tnejn li huma kienu ħbieb kbar. Għalija Yorgen Fenech kien il-moħħ”.

Ebda waħda minn dawn l-istqarrijiet ma teżonera lil Keith Schembri.

Nibdew b’dak li xehed Keith Arnaud fis-sens li isem Keith Schembri ssemma’ biss meta  Melvin Theuma ħassu rrabjat. Din l-istqarrija hi kemmxejn stramba. Dan qed ngħidu għaliex Keith Arnaud kompla jgħid li isem Keith Schembri u l-ismijiet ta’ wħud minn dawk li jaħdmu fl-uffiċċju tal-prim ministru ‘ssemmew’ diversi drabi. U fuq il-pedana tax-xhieda Melvin Theuma qal li dawn “issemmew” kontinwament.

L-Ispettur Arnaud fakkar dwar il-mod kif Melvin Theuma kien ġera’ wara Yorgen Fenech wara Kenneth Camilleri, il-bodyguard Joseph Muscat, li minn naħa tiegħu kien wiegħdu li lill-aħwa Degiorgio kien ser jirranġalhom biex jingħataw il-libertà proviżorja. Yorgen Fenech lil Melvin Theuma qallu li ma kien jaf xejn dwar din il-wegħda iżda qallu wkoll li kien bi ħsiebu jkellem lil Keith Schembri biex jara x’jista’ jsir.

L-Ispettur Arnaud mbagħad kompla jgħid li Melvin Theuma stqarr li Yorgen Fenech kien qal li Keith Schembri kien ser jagħmel dak li seta’ biex jaqdi lill-aħwa Degiorgio.

Fi stadju ieħor, l-Ispettur Arnaud qal li Melvin Theuma kien ġie mgħarraf minn Yorgen Fenech dwar dak li kien intqal f’laqgħa li saret f’Kastilja li fiha l-prim ministru ngħata informazzjoni dwar il-qtil. Keith Schembri kien ukoll preżenti għal din il-laqgħa.

L-Ispettur Arnaud ifakkar ukoll dwar il-laqgħa misterjuża li kellu Melvin Theuma ma’ Keith Schembri f’Kastilja. Minn dak li smajna s’issa, din il-laqgħa – li kienet seħħet ftit jiem wara li Melvin Theuma kien jaf kemm kien ser idaħħal f’butu talli jkun irranġa l-qtil ta’ Daphne – ikkonsistiet f’merħba fit-taraġ ta’ Kastilja miċ-chief of staff tal-prim ministru li s-soltu tingħata lil dinjitarji barranin, offerta ta’ belgħa kafè, ġbid ta’ ritratt minn Sandro Craus li huwa uffiċjal fl-uffiċċju tal-prim ministru u dawra mas-swali tal-Berġa ta’ Kastilja.

Lill-Maġistrat, l-Ispettur Arnaud ma qalilhiex x’kien ġie diskuss waqt din il-laqgħa jew il-għala, wara l-laqgħa, Theuma spiċċa b’impjieg mal-gvern. “Huwa (jiġifieri Theuma) qatt ma ta spjegazzjoni ċara”.

Keith Arnaud għadu ma temmx ix-xhieda tiegħu u għaldaqstant għad jista’ jixhed b’aktar dettalji ta’ meta “ssemma’ isem Keith Schembri”.

Melvin Theuma mbagħad tela’ jixhed fuq il-pedana. Jista’ jkun li ma rċieviex flus mingħand Keith Schembri. Iżda dan ma jfissirx li Keith Schembri ma kienx imdaħħal. Wara kollox, Ċensu Muscat stess ma setgħax jidentifika lil Yorgen Fenech u x’aktarx qatt ma kien sema’ li Fenech kien imdaħħal fil-qtil qabel seħħ l-assassinju. Dan il-fatt waħdu ma jeżonerax lil Yorgen Fenech.

Għalkemm Melvin Theuma ma jistax jikkonferma li kien irċieva flus mingħand Keith Schembri, hemm affarijiet oħra li seħħew li Melvin Theuma ma setgħax jagħti spjegazzjoni ċara dwarhom.

Melvin Theuma qed jinsisti li ma jafx għaliex kien ingħata mpjieg mal-gvern u li bħal donnu ma jara xejn stramb b’dan. Minnha nnifisha hi ħaġa stramba li ma jara xejn stramb b’dan.

Aktar importanti huwa l-fatt li Melvin Theuma kkonferma li kien ġie mgħarraf bil-quddiem li l-aħwa Degiorgio u Ċensu Muscat kienu ser jinġabru mill-pulizija f’Diċembru 2017.

Din il-konferma hi ta’ sinjifikat kbir. F’Diċembru 2017 konna għadna ma nafux bir-rabta li Yorgen Fenech kellu ma’ 17 Black. Jekk huwa veru li Yorgen Fenech kien għadda informazzjoni bil-quddiem lil Melvin Theuma dwar l-arrest tal-aħwa Degiorgio, dan ifisser li xi ħadd kien għadda informazzjoni lil Yorgen Fenech għax kien jaf bl-involviment ta’ Fenech fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia fi żmien meta d-dettalji tal-iskandlu 17 Black kienu għadhom mhux magħrufin pubblikament.

F’dan l-istadju jidher li Melvin Theuma ma ġiex mistoqsi jekk jaħsibx li Keith Schembri kien għadda informazzjoni lil Yorgen Fenech. Jekk jgħid li jaħseb li dan kien il-każ, jibda’ jidher aktar ċar li Keith Schembri kien imdaħħal fil-konġura sa mill-bidu nett.

Dan jikkombina mal-fatt li l-bodyguard tal-prim ministru Kenneth Camilleri jidher li kien avviċina lil Melvin Theuma u kien wiegħedu li l-aħwa Degiorgio kienu ser jingħataw il-libertà proviżorja hekk kif Ċensu Muscat beda’ jikxef il-borom. Dan kollu ġara’ qabel konna sirna nafu sid is-17 Black min hu.

F’dan l-istadju, isem Keith Schembri ssemma’ żgur. Melvin Theuma xehed hekk: “jien kont konvint li ntbagħtu minn Yorgen jew minn Keith.”

Ix-xhieda li ngħatat illum ċertament ma teżonerax lil Keith Schembri. Anzi din ix-xhieda tikkonferma li hu u wħud mill-ħaddiema ta’ taħtu kienu bla dubju mdaħħla fil-konġura għallinqas wara li kien seħħ l-assassinju. U tindika wkoll li kien sar sforz biex jitgħattew ix-xtur ta’ dawk li kienu taħt suspett.

Waħda mill-motivi għall-involviment f’cover-up setgħet kienet li żżomm lill-investigaturi milli jitkixxfu dwar il-mod kif kien mdaħħla fid-delitt qabel dan seħħ.

Il-possibilità li uffiċjali fl-uffiċċju ta’ Joseph Muscat setgħu kienu mdaħħla fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jeħtieġ li tkun investigata bis-serjetà u ewlieni fost dawn hemm Keith Schembri.

Naf x’qed ngħid. Hu u jiġi mgħoddi informazzjoni mingħand Neville Gafà, Keith Schembri qed ikompli jgawdi l-privileġġi ta’ chief of staff fl-uffiċċju tal-prim ministru u s-setgħa li jimmanipula l-kors tal-ġustizzja b’impunità sħiħa.

Ix-xhieda li ngħatat illum tkompli tikkonferma kemm għandna raġun ninsistu li Joseph Muscat għandu jwarrab illum qabel għada.