Inkiss inkiss bewweġ ‘il barra mill-kantina tal-bini tal-Parliament u fid-dlam ħarab jiġri mill-foss. Joseph Muscat kien qisu ġurdien imxarrab jitqagħbad biex jaqbeż ‘il barra minn vapur inkaljat.
Mhux dak kien il-pjan: ried joħroġ mill-bieb ta’ barra biex juri l-arroganza tiegħu. Qalilna li ried jagħmel dibattitu fil-Parlament biex jitkellem dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dam siegħa jitkellem u bil-kemm semmieha. M’għandniex xi ngħidu, ma semma’ xejn dwar ħajjitha u dwar ix-xogħol tagħha. Tkellem biss fuqu nnifsu, fuq il-kobor tiegħu, fuq il-kisbiet tiegħu u kif jara ismu mnaqqax b’ittri tad-deheb fil-kotba tal-istorja.
Dan ma kien xejn ħlief att ta’ delużjoni profonda.
Quddiemu kellu ringiela ta’ siġġijiet ħodor battala wara li dawn tbattlu bilġri mid-deputati tal-oppożizzjoni hekk kif intlemaħ minnhom. L-udjenza ta’ madwaru ċapċpitlu u ħabbtet fuq l-iskrivaniji biex turi l-approvazzjoni tagħha. Ftit huma dawk li ser ikollhom il-ħila li jiftakru dak li ntqal f’dik is-sessjoni parlamentari. Iżda huma bosta dawk ser jiftakru x-xita ta’ flus foloz ħodor biċ-ċifra “5000” u b’wiċċ Keith Schembri, Konrad Mizzi u wiċċu qiesu ħawħa fi żmien meta kellu aktar xagħar f’rasu, stampati fuqhom.
“Ninsabu mdawwrin bil-ħallelin. Is-sitwazzjoni hi mwiegħra.” pic.twitter.com/ffIxTNDRdU
— Simon Busuttil (@SimonBusuttil) December 2, 2019
Li kieku kienu ġenwini, l-flus foloz li nxteħtu fil-Parlament kienu biżżejjed biex tinxtara’ lura l-power station tal-Electrogas. Iżda l-power station tassew hi waħda ġenwina?
Hu u jitkellem għall-gallarija, ma kellux il-ħila jaħbi l-iskumdità tiegħu. Minħabba l-ħsejjes li kienu qed jagħmlu d-dimostranti fit-triq minn wara saff fuq saff ta’ barrikati, ipprova jgħolli leħnu biex jinstemgħu. U meta dawn siktu biex jieħdu xi ftit tan-nifs, daqqew verżjoni tal-poeżija ta’ Marco Masini u dlonk dwiet il-kelma “Vaffanculo“.
Biex iżomm lid-dimostranti ‘l bogħod kemm jista’ jkun, lill-Parlament dawwru f’fortizza. Jidher li ma tgħallem xejn mit-tagħlimiet tal-istorja: meta ddawwar lilek innifsek b’ħitan u barrieri, tkun qed tistieden assedju. Lid-dimostranti ried jaqfilhom ‘il barra u spiċċa biex qafel lilu nnifsu ġewwa u, hekk kif temm is-siegħa ta’ adorazzjoni li għamel lilu nnifsu, ntebaħ li lanqas biss kellu s-setgħa li joħroġ mill-bieb ta’ barra tal-Parlament.
Għaldaqstant ma setgħax joqgħod jitbissem għar-ritratti hu u jirkeb fis-siġġu ta’ quddiem tal-Alfa Romeo tiegħu. Ma setgħax jisfida lid-dimostranti bl-arja kollha li għandu.
Maqful kif kien fl-uffiċju parlamentari tiegħu, lill-qaddejja tiegħu bgħathom biex jaraw dawn setgħux iwarrbu lid-dimostranti biex ikun jista’ jimxi minn nofshom. Intebħu li din il-mossa ma setgħetx iseħħ. Hekk kif id-deputati parlamentari tiegħu reġgħu lura b’denbhom bejn saqajhom, ġiegħlhom jumiljaw ruħhom għal darb’oħra.
Biex jaljena l-attenzjoni tad-dimostranti, lil tal-grupp parlamentari ġiegħlhom jiġbdu r-ritratti tagħhom infushom kollhom tbissim fl-għatba tal-bini tal-Parlament u, fost ir-rabja tad-dimostranti diretta lejn dawn id-deputati patetiċi, ħarab jiġri mit-taraġ tal-emerġenza għall-kantina tal-Parlament.
Id-dwal tal-foss tal-Belt Valletta ntfew biex ma tinġibidx l-attenzjoni tad-dimostranti u biex b’hekk rasu setgħet tiffranka xita ta’ bajd, tadam u karrotti. Kemm kemm għadda minn mal-apparat li jforni l-enerġija lill-bini tal-Parlament u għall-ewwel darba ta daqqa t’għajn lejn il-kantina tal-palazz li kien tant maqdar hu u kien qed jinbena’.
U bewweġ ‘il barra, mingħajr applawsi u mingħajr glorja. Hu u jipprova jibqa’ jixref fil-wiċċ, jinsab bis-senter ippuntat lejn rasu hu u jterraq ma’ xifer irdum li lestiet għalih il-mafja li poġġietu fis-setgħa.
Kien hemm żmien li fih seta’ jiggranfa mal-popolarità u mal-kariżma tiegħu. Issa lanqas dan ma fadallu. Kull ma fadallu huma l-flus foloz li n-nies xeħtet fid-direzzjoni tiegħu talli tnejjek biha għal 6 snin sħaħ. Li kien għalih, anki mal-ġustizzja jkun lest li jitnejjek.
Issa kulma għandu l-ħila jagħmel hu li jbewweġ ‘il barra fid-dlam bit-tama li ħadd ma jinduna bih.
Għandu 41 jum biex jipprova jifdi r-reputazzjoni tiegħu. Dmirna hu li ma nħalluħx jagħmel dan.
Photos by Jon Borg