Fi stqarrija li xxandret dalgħodu, Repubblika, #occupyjustice u din il-website qalu jinsabu rrabjati u mħassbin dwar dak li qed iseħħ f’pajjiżna. Bosta huma dawk li fehmu li l-cover-up għat-tiġrif istituzzjonali tad-demokrazija tagħna qed tiġi mpinġija bħallikieku hi xi ħaġa normali.
Pajjiżna jeħtieġ viżjoni ġdida b’riżq il-bini ta’ soċjetà, ekonomija u demokrazija li jkunu sostenibbli u ġusti u li jkunu ħielsa mill-korruzzjoni u mill-kriminalità organizzata.
Nhar il-Ħadd 5 ta’ Jannar 2020, is-soċjetà ċivili ser torganizza protesta nazzjonali li ser issejjaħ biex issir il-ġustizzja mal-korrotti, mal-ħallelin u mal-qattiela li ħakmu lil pajjiżna.
Is-sibt ta’ wara – jiġifieri fil-11 ta’ Jannar — Repubblika ser tlaqqa’ l-laqgħa ġenerali tal-membri tagħha sabiex tiġi diskussa l-viżjoni għal Malta ġdida. Dawk li jixtiequ li jissieħbu ma’ Repubblika huma mistiedna li jattendu.
Id-dettalji dwar dawn iż-żewġ avvenimenti se jitħabbru fil-jiem li ġejjin.